The President of Malta

Search
Close this search box.

Ulied Beltna – L-istorja li sawritna (Kunċert vokali u Strumentali); Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel, Żabbar

Għall-ħabta tal-1883, is-Surmast Giuseppe Micallef flimkien ma’ Dun Vinċenz Pace, ġabar xi żgħażagħ u waqqfu s-Societa` Filarmonica del Zabbar. Il-fundatur, promotur u aktar tard President ta’ din is-soċjeta` kien l-avukat Pasquale de Lorenzo. Din il-banda, bħall-baned kollha li kienu jitwaqqfu fil-bliet u rħula Maltin, damet xi snin magħrufa bl-isem ta’ pajjiżha – Societa` Filarmonica del Zabbar. Fl-1887 seħħet firda u l-kumitat u l-bandisti li għażlu lis- Surmast Carmelo Abela Scolaro, baqgħu fl-istess Sede ġewwa l-Misraħ, kif ukoll żammew l- isem oriġinali ta’ Societa` Filarmonica del Zabbar, wara bħala Societa` Filarmonica San Michele, aktar tard Għaqda Mużikali San Mikiel u llum Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel.

Safejn hu magħruf uffiċjalment, il-Banda San Mikiel kienet l-ewwel banda Maltija li bdiet tilqa’ lin-nisa fi ħdana. Fl-1954, fost il-bandisti, kellha lil Grace Barnett. Kienet iddoqq l- euphonium. Damet iddoqq mal-Banda sa April tal-1956. Matul iż-żminijiet, il-Banda San Mikiel kellha ħafna okkażjonijiet biex issemma leħinha, tista’ tgħid madwar il-gżejjer Maltin kollha. Minnbarra dan, il-Banda kellha diversi opportunitajiet biex iddoqq f’diversi pajjiżi barranin, fosthom fi Sqallija, il-Greċjali, l-Italja, il-Polonja u t-Tuneżija. Iż-żmien għadda, u ta’ kull sena l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel baqgħet tibni fuq il-pedamenti sodi li ħallewla missirijietha. Twaqqfu sotto-kumitati u kummissjonijiet biex ix-xogħol, speċjalment dak relatat mal-festa, seta’ jinqasam u jinfirex fuq aktar individwi. Kummissjoni importanti hija l-Kummissjoni Banda. Din tiltaqa’ minn żmien għall-ieħor biex tiddiskuti dak kollu li għandu x’jaqsam mat-tmexxija tal-banda, mużika, servizzi u affarijiet relatati oħra. Il- Kummissjoni Planċier, l-aħħar kummissjoni li ġiet imwielda fi ħdan l-Għaqda, ġiet imwaqqfa biex isseħħ il-ħolma ta’ ħafna partitarji, dik li jsir planċier kif jixraq lill-banda.

Punti qosra Ulied Beltna – L-istorja li sawritna (Kunċert vokali u Strumentali); Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel, Żabbar, 9 ta’ Settembru 2019.

  • B’sodisfazzjon nosserva li l-membri fi ħdan l-Għaqda komplew juru impenn u dedikazzjoni kbira biex jelevaw l-isem ta’ Ħaż Żabbar u jaraw li l-festa tal-Madonna tal-Grazzja tkompli tkun waħda mill-aktar popolari mal-Maltin. Huwa grazzi għalikom

li dan is-settur tal-kultura Maltija jkompli jiġġedded u jisseddaq matul iż-żmien. Grazzi tal-ħin, ir-riżorsi, u l-ħidma tagħkom

  • Tajjeb li wieħed isemmi l-irwol tal-Banda San Mikiel fi ħdan il-komunità. L-impenn tal-Banda San Mikiel biex tkompli titnissel imħabba lejn il-mużika tradizzjonali u reliġjuża jissarfu kull sena mal-festa tal-Madonna tal-Grazzja, iżda huma wkoll xhieda ta’ komunità li għalkemm żammet il-pass maż-żminijiet, baqgħet leali għal dak li hu tradizzjonali Malti. Dan kollu sar mingħajr mal-banda qadet lura milli tkabbar u t-tejjeb il-prodott mużikali tagħha
  • Mhux talli l-banda tferraħ permezz tal-mużika u l-briju li tqajjem, iżda hija wkoll laboratorju mużikali ħaj u li jkompli jxerred l-apprezzament u l-imħabba għall-mużika. Grazzi anka għal-każin u l-possibilità li kulħadd jingħata aċċess għall-lezzjonijiet tal- mużika bla ħlas, il-banda kienet, għada u tibqa’ ċentru strumentali biex it-tradizzjoni u l-patrimonju mużikali Malti jiġi ppreservat u msaħħaħ għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin
  • Nieħu pjaċir nara li huma bosta ż-żgħażagħ li jersqu lejn l-Għaqda u jipparteċipaw b’mod attiv. Nemmen li ż-żgħażagħ huma ċ-ċavetta għall-innovazzjoni u li organizzazzjonijiet bħal tagħkom ikunu qed jikkultivaw teżor nazzjonali meta jinvestu fiż-żgħażagħ u jresqquhom eqreb lejn it-tradizzjonijiet u l-kultura Maltija.
  • Minnbarra dan, iservu wkoll biex inisslu fihom sens akbar ta’ identità mal-patrimonju Żabbari. Nifhem li dan qed isir dejjem aktar importanti għal bosta lokalitajiet ġewwa Malta li qed jesperjenzaw tibdil demografiku u infrastrutturali b’rata mgħaġġla.
  • Issa li ninsabu ġimgħa biss ’l bogħod mill-festa, nappella biex f’dawn iż-żminjiet tkunu kawti f’dak li tgħidu u ma tħallux il-piki tal-festa jdaħħlukom f’kunflitti ma’ ħaddieħor. Ma ninsewx li l-iskop prinċipali tal-festa, iġifieri l-funzjoni reliġjuża hija wkoll mezz ta’ kif nippromwovu l-paċi u l-għaqda bejn il-komunità
  • Nagħlaq billi nirringrazzja u nifraħ lill-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel għal dan il-kunċert vokali u mużikali mill-aqwa.

-tmiem-

Skip to content