The President of Malta

Search
Close this search box.

“Nippromwovu l-għożża għall-baħar iżda ma nistgħux naljenaw ruħna minn dak li qed jiġri fl-art” – Il-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Waqt attività b’rabta mal-proġett CORALLO fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta George Vella nnota b’sodisfazzjon il-ħidma li qed issir b’rabta mal-għarfien tal-patrimonju naturali u storiku f’pajjiżna. Fid-diskors tiegħu qal li “Fl-istess waqt li nippromwovu l-għożża għall-baħar, ma nistgħux inħallu l-art tagħna tiġi mittiekla, użata, meqruda.”

Huwa tkellem dwar kif jekk ma noqogħdux attenti, dak li ġara tul is-snin fuq l-art jista’ jiġri wkoll fuq il-baħar u anke fuq siti li huma f’żona ta’ konservazzjoni. Minbarra din ir-riflessjoni, il-President tkellem ukoll dwar l-importanza li nivvalutaw aktar ir-rikkezzi li pajjiżna huwa mogħni bihom. Stqarr li dak li jiġri fl-ambjent ta’ madwarna huwa marbut intrinsikament mal-ħajja nnifisha.

Il-President iddeskriva l-proġett CORALLO bħala niċċa ġdida li permezz tagħha tista’ tinħoloq attrazzjoni ġdida, kemm għall-poplu Malti u Għawdxi kif ukoll għat-turisti. Huwa sostna dwar l-importanza li mhux biss naraw x’qed jiġri fl-ambjent ta’ madwarna imma li titħaddem tassew l-għodda tal-edukazzjoni.

Il-President żied jgħid li jekk mhux se ninvestu fil-ġenerazzjonijiet futuri, dak li għandna f’pajjiżna jista’ faċilment jintilef.

Huwa temm jirringrazzja lill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-Università ta’ Malta, kif ukoll lil Heritage Malta li qed jikkollaboraw flimkien fuq dan il-proġett.

Skip to content