The President of Malta

“Żommu l-kuntatti attivi tagħkom u iltaqgħu ma’ xulxin kemm jista’ jkun spiss” – Il-President ta’ Malta lill-komunità Maltija fil-Kanada

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

“Bl-istess mod li f’Malta ninteraġixxi mal-pubbliku Malti u nisimgħu, inħoss li hija parti mill-missjoni u mid-dmir tiegħi li nistabbilixxi u nrawwem kuntatti magħkom hawnhekk fil-Kanada b’mod partikolari,” qal il-President Vella.

Waqt avveniment organizzat mill-Malta Band Club f’Toronto, il-President Vella rrimarka li l-istorja tad-dijaspora Maltija fil-Kanada hija waħda interessanti ferm. “Konvint li din tfisser ħafna għalikom personalment peress li l-biċċa l-kbira tal-ewwel migranti kienu l-ġenituri u n-nanniet tagħkom,” żied jgħid il-President.

L-ewwel insedjament Malti fil-Kanada jmur lura għall-1826. Illum, madwar 14,000 persuna Maltija tal-ewwel ġenerazzjoni u madwar 21,000 persuna ta’ dixxendenza Maltija jgħixu f’Toronto metropolitana.

Il-President faħħar lill-komunità Maltija fil-Kanada għall-kisbiet tagħhom u talli għadhom jidentifikaw irwieħhom bħala Maltin u Għawdxin u ħeġġiġhom biex iżommu f’moħħhom li huma wkoll għandhom sehem importanti biex isem Malta jibqa’ jingħata r-rispett li jixraqlu fil-pajjiż addottiv tagħhom u ma’ komunitajiet oħrajn. It-tradizzjonijiet, qal il-President Vella, huma importanti għax irawmu l-għaqda nazzjonali. “Il-Malta Band Club, bħal ħafna oħrajn fil-Kanada, għandha rwol kruċjali f’dan ir-rigward,” irrimarka l-President filwaqt li ħeġġeġ lill-komunità Maltija fil-Kanada biex iżommu l-kuntatti attivi tagħhom u jiltaqgħu ma’ xulxin kemm jista’ jkun spiss permezz ta’ avvenimenti kulturali, festi reliġjużi, lezzjonijiet tal-lingwa u drawwiet kulinarji.

F’Toronto, il-President kellu wkoll laqgħa mal-Maltese Canadian Business Network Association (MCBNA). Ir-rabtiet bejn Malta u l-Kanada ġew diskussi minn perspettivi differenti, li jvarjaw minn ideat dwar il-bidu u t-tisħiħ ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali għal opportunitajiet edukattivi f’Malta u skambji ta’ turiżmu kulturali. L-MCBNA tiffoka fuq id-diversità u l-inklużjoni, l-iżvilupp tan-negozju u dak professjonali, it-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ u l-kultura Maltija.

Akkumpanjati mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, il-President u s-Sinjura Vella żaru wkoll il-komunità Maltija li tgħix f’Hamilton, Ontario, kif ukoll il-Melita Soccer Club. Żaru wkoll Malta Bake Shop, Malta’s Finest Pastries, u Nannu’s Pastizzi, fejn il-President Vella faħħarhom talli jżommu ħajjin id-drawwiet kulinarji ta’ Malta lil hinn minn xtutna.

Skip to content