The President of Malta

Search
Close this search box.

Presidenti Emeriti

2

Dr Anton Buttigieg

1976 - 1981

Anton Buttigieg, B.A., LL.D., avukat u politiku, twieled fid-19 ta’ Frar 1912 f’Għawdex, iben Salvatore u Concetta (née Falzon) Buttigieg. Iżżewweġ lil Carmen Bezzina fl-1944, lil Connie Scicluna fl-1953, u lil Margery Patterson fl-1975. Kellu żewġt ulied subien u tifla. Studja fl-Università Rjali ta’ Malta.

Nutar Pubbliku, 1939; Avukat, 1941; Spettur tal-Pulizija matul it-Tieni Gwerra Dinjija; Ġurnalist u kittieb ewlieni tal-liġi mat-Times of Malta, 1944-48; Aġent Maġistrat, 1955; Editur tal-Voice of Malta, 1959; Membru tal-Parlament, 1955-76; President tal-Partit Laburista, 1959-61; Deputat Mexxej, 1962-76; Delegat għall-Konferenzi Kostituzzjonali ta’ Malta f’Londra, 1958-64; Rappreżentant fl-Assemblea Konsultattiva tal-Kunsill tal-Ewropa, 1967; Viċi President, 1967-68; Deputat Prim Ministru, 1971-76; Ministru għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Parlamentari, Ġunju 1977; President tar-Repubblika ta’ Malta, 27 ta’ Diċembru 1976; Membru tal-Akkademja tal-Malti; l-ewwel post fil-premju għall-Poeżija, il-Gvern ta’ Malta, 1971; il-Premju Ġużè Muscat Azzopardi għall-Poeżija, 1972; plakka tal-fidda għall-poeżija Circolo Culturale Rhegium Julii ta’ Reggio Calabria, 1975.

Serva fil-kariga bħala t-tieni President ta’ Malta bejn is-27 ta’ Diċembru 1976 u s-26 ta’ Diċembru 1981.

Passatempi: tiġrijiet taż-żwiemel, ġardinaġġ.

Pubblikazzjonijiet:

Poeżija Lirika: Mill-Gallarija ta’ Żgħożiti, 1945; Fanali bil-Lejl, 1949; Qasba mar-Riħ, 1968; Fl-Arena, 1970.

Poeżija umoristika: Ejjew Nidħku Ftit, 1963; Ejjew Nidħku Ftit Ieħor, 1966.

Ħajki u Tanki: Il-Muża bil-Kimono (The Muse in Kimono – anki bil-Ġappuniż u bl-Ingliż), 1968; Ballati Maltin, 1973; Il Mare di Malta (Edituri de Lucca, Ruma), 1974; Il-Għanja tas-Sittin, 1975. Xogħlijiet oħra – The Lamplighter (Il-Kebbies tal-Fanali) – antaloġija ta’ poeżiji Maltin tradotti għall-Ingliż minn Francis Ebejer.

Dr Buttigieg miet fil-5 ta’ Mejju 1983.

INFORMAZZJONI DETTALJATA

Anton Buttigieg twieled il-Qala, Għawdex, fid-19 ta’ Frar 1912, it-tielet tarbija ta’ Salvatore u Concetta (née Falzon). Studja fl-Iskola Primarja tal-Gvern, il-Qala (1916 – 1922), fis-Seminarju ta’ Għawdex (1923 – 1927), fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, Malta (1928 – 1930), u fl-Università ta’ Malta, fejn iggradwa b’Baċellerat tal-Arti fl-1934 u b’Dottorat tal-Liġi fl-1940.

Fl-1944 iżżewweġ lil Carmen Bezzina u kellhom tlett itfal – John (illum Dr J. Buttigieg B.A., LL.D., M.P), Rose (illum il-mara ta’ Dr J. Brincat, B.A. (Lond.), B.Sc. (Econ.) (Lond.), LL.D., M.P.) u Emanuel (illum Dr. E. Buttigieg LL.D., avukat prattikanti).

Fl-1953 iżżewweġ lil Connie Scicluna. Il-mewt tal-ewwel mara u mbagħad dik tat-tieni mara tiegħu jidher li kienu l-ikbar traġedji ta’ ħajtu u dan huwa rifless fil-poeżiji tiegħu. Fl-1975 iżżewweġ lil Margery Patterson.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija (1942 – 1944) serva fil-Korp tal-Pulizija bħala Spettur u wara dan beda jipprattika l-Liġi. Fl-1955 serva wkoll bħala Aġent Maġistrat. Kien ukoll ġurnalist u kittieb ewlieni tal-liġi mat-Times of Malta mill-1946 sal-1948 u l-editur ta’ The Voice of Malta mill-1959 sal-1970.

Beda l-karriera politika u ġie elett għall-ewwel darba fil-Kamra tad-Deputati f’isem il-Partit Laburista fl-1955. Reġa’ ġie elett fl-elezzjonijiet kollha sussegwenti u żamm is-siġġu tiegħu fil-Parlament sakemm irriżenja f’Ottubru 1976. Mill-1959 sal-1961 kien il-President tal-Partit Laburista u mill-1962 sal-1976 kien id-Deputat Mexxej tal-Partit. Meta l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern fl-1971, serva lil pajjiżu bħala Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Parlamentari.

Kien delegat fil-Konferenzi Kostituzzjonali ta’ Malta li saru f’Londra fl-1958 u fl-1964. Kien ukoll rappreżentant fl-Assemblea Konsultattiva fil-Kunsill tal-Ewropa (1967 – 1971), fejn ġie elett bħala Viċi President (1967 – 1968).

F’Ottubru 1976 irreżenja mill-Kamra tad-Deputati u fis-27 ta’ Diċembru 1976 ġie elett bħala t-tieni President tar-Repubblika ta’ Malta.

Dr Anton Buttigieg kien magħruf ukoll fil-qasam tal-letteratura. Fl-ewwel snin tiegħu fl-Università, kien wieħed mill-membri tal-bidu tal-Għaqda tal-Malti tal-istudenti universitarji (26-1-1931). Kien membru tal-Akkademja tal-Malti (20-3-1938).

Fl-1971 rebaħ l-Ewwel Post fil-Premju għall-Poeżija tal-Gvern ta’ Malta.
Fl-1972 rebaħ il-Premju Ġużè Muscat Azzopardi għall-Poeżija.
Fl-1975 iċ-Circolo Culturale Rhegium Julii ta’ Reggio Calabria ppremjah bi plakka tal-fidda għall-poeżija tiegħu.
Fl-1977 rebaħ il-premju International Prize of Mediterranean Culture for Poetry mogħti miċ-Centro di Cultura Mediterranea ta’ Palermo.
Fl-1979 rebaħ l-Ewwel Post u Diploma Speċjali għall-Poeżija fl-Ewwel Kategorija miċ-Centro Culturale Artistico Letterario – Città di Brindisi.
Fl-1979 rebaħ l-Ewwel Post għall-ewwel volum tal-awtobijografija tiegħu, ‘Toni tal-Baħri’, fil-Premju Letterarju ta’ Malta.

Id-diversi pubblikazzjonijiet tiegħu jinkludu:

POEŻIJA LIRIKA:

Mill-Gallarija ta’ Żgħożiti – 1949

Fanali bil-Lejl – 1949

Fl-Arena – 1970

Ballati Maltin – 1973

Il Mare di Malta – Il-Baħar ta’ Malta – Għażla ta’ poeżiji tradotti għat-Taljan -1974

Il-Għanja tas-Sittin – 1975

The Lamplighter – Il-Kebbies tal-Fanali – Għażla ta’ poeżiji tradotti għall-Ingliż – 1977. Dawn qed jiġu ttradotti wkoll għal-Lingwa Slovena, li hija waħda mil-Lingwi Jugoslavi, u għall-Ġermaniż.

Qabs el Mosbah, għażla ta’ poeżiji tradotti għall-Għarbi – 1978

“Poeżiji Miġbura, L-Ewwel Volum – L-ewwel żewġ kotba

From the Balcony of my Youth u Lamps in the Night ġew ippubblikati f’volum wieħed bit-titlu Collected Poems – 1978.

POEŻIJA UMORISTIKA:

Ejjew nidħku ftit – 1963

Ejjew nidħku ftit ieħor – 1966

ĦAJKI U TANKI

Il-Muża bil-Kimono – The Muse in Kimono. Dan il-ktieb ġie tradott kemm għall-Ġappuniż kif ukoll għall-Ingliż – 1968.

Il-kotba tiegħu li qed jiġu mħejjija jinkludu:

Ġabra ta’ diskorsi u stejjer qosra.

Żibeġ u Boċċi – Ġabra ta’ Ħajki u Tanki.

L-ewwel volum ta’ Toni tal-Baħri ġie ppubblikat fl-1978.

Il-passatempi tiegħu kienu t-tiġrijiet taż-żwiemel u l-ġardinaġġ.

Dr Anton Buttigieg kien ukoll President tal-Każin tal-Banda San Gejtanu fil-Ħamrun.

Skip to content