President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Titnieda l-ewwel edizzjoni ta’ ‘Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni’ b’risq il-Malta Community Chest Fund

Nhar is-Sibt 7 u l-Ħadd 8 ta’ Marzu, il-Kastell Verdala se jilbes libsa tradizzjonali marbuta mar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa, bi programm varjat għall-attività ġdida ‘Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni.’

L-attività b’risq il-Malta Community Chest Fund se toffri varjetà għall-familja kollha, mit-tfal sal-adulti, b’avvenimenti li jvarjaw minn esibizzjonijiet, għal mużika u kunċerti minn korijiet, baned u mużiċisti, kif ukoll diskussjonijiet immexxija minn kittieba u esperti tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Waqt l-ewwel edizzjoni ta’ din l-attività, il-Ħadd se jkun hemm ukoll quddies fil-kappella tal-Kastell Verdala, xenetti tal-Passjoni, kif ukoll Mixja Bibblika, purċissjoni mit-tfal, u Purċissjoni Penitenzjali li tagħti togħma tal-Purċissjoni s-Sewda; purċissjoni tradizzjonali li ssir fil-Birgu, bis-sehem tal-fratellanzi.

‘Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni’ tnediet fil-Kastell Verdala, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis filgħaxija.
Matulha, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fissret li l-iskop ta’ din l-attività hu l-apprezzament tat-tradizzjonijiet Maltin, fl-istess waqt li jinġabru donazzjonijiet b’risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.

Brian Bonnici, organizzatur tal-attività, fisser kif din l-attività qed tiġbor flimkien numru ta’ artisti, abbozzi ta’ knejjes u kollezzjonijiet privati li wħud minnhom qed jiġu esebiti għall-ewwel darba, kif ukoll statwi ta’ daqs uman u diversi artifatti oħra.

Spjega kif l-idea ta’ ‘Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni’ attirat interess qawwi minn diversi baned, soċjetajiet, organizzazzjonijiet u individwi, b’mod speċjali għall-purċissjoni tat-tfal li l-Ħadd waranofsinhar se tinvolvi iktar minn mitt tifel u tifla bil-vestwarju u statwi.

Bonnici esprima x-xewqa tiegħu li din l-attività tkompli tikber f’żewġ aspetti: “li nippromwovu l-arti, il-kultura u l-kult, u fuq kollox li waqt li qed nirriflettu fuq it-tbatija ta’ Kristu, niftakru wkoll f’min bħalissa għaddej minn perjodu ta’ tbatija u jsib l-għajnuna u l-wens mingħand il-Malta Community Chest Fund.”

Sina Bugeja, Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, ukoll tkellmet dwar l-importanza ta’ din l-attività biex il-poplu, sa minn eta’ żgħira, jiġi mrawwem fl-apprezzament tal-kultura ta’ madwarna, fl-istess waqt li jitkattar il-valur tas-sens ċiviku b’risq organizzazzjonijiet bħall-MCCF li jassistu lil min għaddej minn perjodu diffiċli ta’ saħħa jew sfidi soċjali oħra.

Il-biljetti għal ‘Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni’ jinsabu disponibbli fuq showshappening.com, u jibdew minn donazzjoni ta’ €10 li tagħti aċċess għal ġurnata sħiħa ta’ attivitajiet li jibdew mid-9.30 ta’ filgħodu sa tard filgħaxija. Wieħed jista’ jixtri l-biljetti wkoll fil-jiem tal-attività, mill-post stess.

 

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.