President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza ċ-ċerimonja finali tal-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali 2026

Matul ċerimonja li ġabet fi tmiemha l-attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali 2026, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, aċċennat l-importanza li s-soċjetà tieħu ħsieb l-individwi kollha fi ħdanha biex tkun entità b’saħħitha b’mod kollettiv u tiżgura li ħadd ma jibqa’ lura.

Biex dan iseħħ, il-President fissret il-bżonn li l-poplu jkun konxju tan-neċessità illi s-soċjetà li jgħix fiha tkun inklussiva, twennes u tissapportja, biex kull individwu jingħata n-nifs kollu meħtieġ ħalli jkun kapaċi jaħtaf l-opportunitajiet offruti u jilħaq l-milja tal-aspirazzjonijiet u t-talenti tiegħu.

“B’hekk, kull individwu jkun aktar b’saħħtu biex jikkontribwixxi għall-kollettività soċjali, b’sinerġija bejn il-poplu u dawk fdati minnu bit-tmexxija,” stqarret il-President ta’ Malta. 

Fid-diskors tagħha, il-President elenkat ukoll kif il-kunċett tal-ġustizzja soċjali f’Malta mexa ’l quddiem matul is-snin, taħt amministrazzjonijiet diversi li kienu gwidati mhux biss mir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu, iżda wkoll mill-Kostituzzjoni.” Dan waqt li rrikonoxxiet li fit-tmexxija għal dak li jirrigwarda ġustizzja soċjali, l-isfida aħħarija dejjem hija kif, fl-aħħar mill-aħħar, dan il-kunċett ikun imsarraf f’azzjoni.

L-Eċċellenza Tagħha rrikonoxxiet l-avvanz tal-ġustizzja soċjali fil-pajjiż matul is-snin, li twessgħet biex tilħaq u tindirizza l-problemi li jiffaċċjaw il-minoranzi, dawk diskriminati u li jinsabu fil-marġini tas-soċjetà tagħna.

Dan l-iżvilupp wassal biex illum pajjiżna għandu struttura f’saħħitha ta’ wens u sapport, li huma aċċessibbli u inklussivi, u jinkludu l-benefiċċji soċjali, għajnuniet lill-familji, il-pensjonijiet, assistenza biex aktar nies, partikularment żgħażagħ, jagħmlu kuraġġ u jsiru sidien ta’ djarhom u fuq kollox, edukazzjoni u saħħa provduti b’xejn mill-Istat.

Fejn jinħass xi nuqqas, il-President irrikonoxxiet l-importanza tal-filantropija u l-volontarjat, li “ħafna drabi jirreaġixxi għas-sintomi ta’ nuqqasijiet ta’ ġustizzja soċjali on the ground” u jidħol parti fi “struttura ta’ governanza bbażata fuq liġijiet, policies, benefiċċji soċjali, aċċess għall-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa, li huma kollha intiżi biex isostnu ġustizzja soċjali mill-għeruq, li hija il-pedament ta’ soċjetà ġusta, u li jillimaw l-effetti ta’ diżugwaljanzi.”

Fid-diskors tiegħu tal-okkażjoni, Carmelo Abela fisser il-ġustizzja soċjali bħala twemmin li, biex jitwettaq fil-prattika, għandu bżonn l-għodda tal-politika u tal-ekonomija.

Abela qal li “l-ġustizzja soċjali tmiss lill-bniedem b’mod dirett. Soċjetà umana, b’qalb tħabbat, tingħaraf minn kemm tieħu ħsieb lil dawk l-aktar vulnerabbli u li għandhom bżonn l-appoġġ.  Din mhix battalja bejn min għandu u min m’għandux, imma taqbida bejn l-indifferenza u l-għażla li jimpurtana.  Pajjiżna, din l-għażla favur il-ġustizzja soċjali, għadu jgħożżha. Biss, fl-istess waqt li nagħmlu dan, irridu nkunu ġusti ma’ min qed jagħmel tajjeb biex bħala Stat inkunu nistgħu ngħinu lil dawk li għandhom bżonn. Għalhekk: ġustizzja soċjali b’ġustizzja. Irridu nkunu għaqlin kif il-ġid li qed jinħoloq jitqassam b’ġustizzja.”

Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali u d-Djalogu Interkulturali Carm Mifsud Bonnici fisser kif “Ma jistax ikollna sistema demokratika vera mingħajr ma jkollna Stat soċjali ħaj. Hu għalhekk li rridu nassiguraw li dan jaħdem tajjeb.”

Fakkar għalhekk li “Għandna dmir nissudaw il-ġustizzja soċjali, u nżommuha rilevanti, preċiża u diretta sabiex ilkoll nassiguraw li tonqos il-firda soċjali, u tikber is-solidarjetà, l-għaqda nazzjonali u t-tħaddim responsabbli tal-ġid komuni tagħna.”

Il-qofol tas-serata ntlaħaq bir-rikonoxximenti lil Fr Hilary Tagliaferro, l-Ambaxxatur Kenneth Vella, Maria Vidal kif ukoll lis-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar li ngħataw il-Premju Ġustizzja Soċjali 2026 għall-impenn tagħhom favur il-ġustizzja soċjali.

Is-serata għalqet ġimgħa ta’ attivitajiet marbuta mat-tema ta’ Ġustizzja Soċjali organizzata minn Ivan Bartolo, Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni, u l-grupp Ġustizzja Soċjali li jikkollabora miegħu f’dan ir-rigward.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.