Il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono laqgħet lis-Segretarju Ġenerali tat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti, Shaikha Al Nuwais, waqt iż-żjara tagħha f’Malta għat-72 Laqgħa tal-Kummissjoni għall-Ewropa, fi ħdan l-Aġenzija għat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti.
Matul il-laqgħa, il-President ferħet lis-Segretarju Ġenerali għall-ħatra tagħha fil-bidu ta’ din is-sena, u esprimiet it-tama tagħha għal progress kontinwu fil-promozzjoni tat-turiżmu bħala mutur ta’ opportunità ekonomika, impjiegi, u fuq kollox, relazzjonijiet bejn in-nies. Hija rringrazzjat lis-Segretarju Ġenerali għall-impenn favur turiżmu aktar sostenibbli, filwaqt li qalet li qed tħares ’il quddiem biex Malta tibqa’ tkun promotur ewlieni ta’ turiżmu ta’ eċċellenza.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Ġenerali faħħret il-ħidma ta’ Malta fis-settur tat-turiżmu u r-rabta b’saħħitha u mill-qrib li hemm bejn is-Segretarjat Ġenerali li tmexxi u Malta. Hija tkellmet dwar il-ħidma tas-Segretarjat Ġenerali għat-Turiżmu li jirrappreżenta ’l fuq minn 161 pajjiż minn ħames reġjuni madwar il-globu, u li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jikkontribwixxi fl-edukazzjoni u l-ħolqien tax-xogħol fis-settur turistiku.
Għal-laqgħa, id-delegazzjoni tal-President ta’ Malta kienet iffurmata mis-Sur Christopher Cutajar, Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Dr Charles Mangion, Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, is-Sur Carlo Micallef, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, is-Sur Leslie Vella, Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, is-Sinjura Moira Attard, Segretarju tal-Presidenza, is-Sur Reuben Sciberras, il-Kap tas-Segretarjat tal-Presidenza u s-Sur Christian Vella Masini, Segretarju Privat tal-Presidenza.
Is-Segretarju Ġenerali Shaikha Al Nuwais kienet akkumpanjata minn Natalia Bayona, Direttur Eżekuttiv, Ghalib Lone, Direttur tal-Komunikazzjoni, Cordula Wohlmuther, Direttur Reġjonali għall-Ewropa, Jacopo Bordignon, Speċjalista dwar il-Proġetti fi ħdan id-Direttorat Reġjonali tal-Ewropa.