President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Id-diskors tal-President waqt l-ERA Awards 2026

Għat-tielet sena konsekuttiva qed ningħaqad magħkom għall-ERA Awards, attività li tonora lil dawk li ħadmu b’impenn u b’viżjoni biex jiġi ssalvagwardjat l-ambjent tagħna.

L-ERA Awards saret pjattaforma importanti ħafna li tirrikonoxxi l-ħidma attiva favur l-ambjent, filwaqt li tenfasizza l-aħjar prattiċi li jispiraw involviment ferm usa’ fl-attiviżmu ambjentali. Dan kollu jikkontribwixxi għal futur aktar sostenibbli f’pajjiżna.

Il-valur ta’ dawn il-premjijiet mhuwiex rifless biss fir-rikonoxximent tal-kisbiet minn enitajiet jew minn individwi, iżda fil-messaġġ ċar li jwasslu favur l-protezzjoni tal-ambjent bħala obbligu kolletiv.

Huwa għalhekk li l-ERA Awards huma valur miżjud, fil-protezzjoni b’mod olistiku viżjonarju, li għandu jmexxina fil-politika ambjentali li inħaddmu, għall-ġid preżenti u futur ta’ pajjiżna.

It-twessiegħ tal-kategoriji tal-premjijiet is-sena l-oħra, u ż-żieda fil-konkorrenza ta’ sottomissjonijiet din is-sena, jirriflettu t-tkabbir tal-kuxjenza ambjentali fis-soċjetà tagħna; Soċjetà li qed tifhem li l-progress ma jistax jitkejjel biss f’termini ekonomiċi, iżda wkoll fil-kwalità tal-ħajja li noħolqu għalina u għal dawk li ġejjin warajna, u mhux l-anqas fl-aspirazzjonijiet li jitnisslu u jevolvu fiż-żgħar tagħna li jesprimu x-xewqat tagħhom dwar l-ambjent ta’ madwarna sa minn età żgħira.  

Ukoll dawn l-Awards jibgħatu messaġġ ċar li l-ambjent mhuwiex responsabbiltà ta’ xi settur wieħed biss, iżda jappartjenu għalina lkoll.

Illum, aktar minn qatt qabel, qed ngħixu fi żmien fejn ir-relazzjoni bejn il-bniedem u l-ambjent qed tiġi mkassbra, u ritmu naturali tal-ħolqien mhedded. Il-bidliet klimatiċi m’għadhomx kunċett astratt jew imbiegħed; huma realtà li qed immissu b’mod dirett u mill-qrib kuljum.

Il-pressjonijiet fuq il-klima u fuq ir-riżorsi naturali, fosthom l-ilma, qed ikomplu jiżdiedu, u kull ma’ jmur, qed iħallu effetti qerrieda fiċ-ċiklu naturali tad-dinja li ngħixu fiha.

Hekk kif it-temperaturi globali qed jisplodu ’fuq, sena wara l-oħra, u s-sistemi meteroloġiċi qed jinbidlu ħesrem, fenomeni naturali bħaċ-ċikluni, uragani, għargħar u sħana eċċessiva (heat waves) qed isiru aktar komuni.

Statistika uffiċċjali turi kif fl-aħħar ħames deċennji, kien hemm żieda ta’ tlieta u tmenin fil-mija (83%) ta’ diżastri naturali relatati mat-tibdil fil-klima.

F’pajjiż ċkejken bħal tagħna, b’limiti fir-riżorsi naturali, insularità mill-kumplament tal-kontinent Ewropew, u densità ta’ popolazzjoni fost l-ogħla fid-dinja, dawn l-isfidi jieħdu bixra differenti, u d-diffikultajiet biex wieħed jilqa’ għalihom ikunu aktar akuti. L-effetti koroh jinħassu b’mod aktar konkret, wkoll minħabba ċ-ċokon fiżiku tal-gżejjer tagħna u d-diffikultajiet biex wieħed jilqa’ għalihom ikunu aktar akuti.

Ippermettuli ngħidilkom li b’mod konxju mhux qed nuża l-kelma nelbgħu fi rigward ta’ dawn l-isfidi – għaliex din hija kampanja kontiwna u ta’ dejjem.

F’Malta rajna kif esperjenzjana żieda ta’ grad u nofs (1.5oC) fit-temperatura medja fuq medda ta’ ħamsin sena, b’riżultat li l-ilma tax-xita, riżorsa importanti ħafna għalina, naqset b’aktar minn sebgħin (70) millimetru.

Dan ħalla effetti devastanti fuq il-klima u l-ekosistemi tagħna: bi sjuf aktar sħan u xtiewi aktar xotti, u b’detriment għall-flora u l-fawna tagħna.

Huwa għalhekk li l-użu tal-art b’mod għaqli, il-protezzjoni tal-baħar u tal-fawna, il-kwalità tal-arja, u l-aċċess għal spazji miftuħa huma kollha elementi li jiddeterminaw mhux biss l-protezzjoni tal-ambjent fiżiku tagħna, iżda is-salvagwardjar tal-benesseri soċjali u mentali tal-komunitajiet tagħna.

Huwa għalhekk li, ta’ spiss, insostni kemm huwa importanti li nżommu “bilanċ” fil-qalba tal-politika u tal-azzjoni tagħna. Il-fatt li pajjiżna sejjer daqstant tajjeb ekonomikament, minnu fih għandu jixprunana biex b’mod konxju, infasslu l-policies tagħna madwar viżjoni wiesgħa u profonda, fejn il-bniedem jgħix b’armonija mal-ambjenti tan-natura li minnha wkoll il-bniedem jifforma, parti.

Il-progress veru jiġi rifless biss f’kemm il-pajjiż huwa kapaċi jagħmel pjanijiet fit-tul u jilqa’ għall-isifdi malajr kemm jista’ jkun. Dan isir biss jekk ikun hemm bilanċ bejn l-iżvilupp u l-konservazzjoni, bejn il-ħtiġijiet tal-lum u d-dmir li għandna għall-ġenerazzjonijiet futuri.

F’dan il-kuntest, il-governanza trasparenti u b’impenn favur ambjent aktar sostenibbli hija importanti ħafna biex pajjiżna ikun preparat għal dak li hemm għalih fil-futur.

Din is-sena rajna t-tnedija uffiċjali tal-Viżjoni għal Malta 2050, fejn wieħed mill-pedamenti ta’ din il-viżjoni huwa propju l-ambjent u l-klima, u l-għanijiet tal-Gvern biex Malta tikseb il-newtralità klimatika.

Il-Viżjoni, minna nfisha, ssostni fuq l-importanza tal-ambjent naturali u anke l-protezzjoni tal-ambjent arkitettoniku u urban tagħna, bħala pilastri ewlenin li jsostnu u jsaħħu r-reżiljenza ta’ pajjiżna, u jixprunawha biex tilħaq miri importanti għal kisba ta’ sostenibbiltà kif mixtieq.

L-inizjattiva ambjentali fi ħdan il-Viżjoni 2050, tgħaqqad mal-inizjattivi ekonomiċi u soċjali oħra biex jespandi l-użu tal-enerġija rinnovabbli u biex jiġu salvagwardjati riżorsi naturali bħal-ilma.  Dan filwaqt li jsir sforz biex ikompli jitnaqqas l-iskart u tkompli tiġi protetta l-bijodiversità fuq l-art u fil-baħar. 

Nemmen li biex verament naraw il-Viżjoni għal Malta 2050 tieħu l-ħajja, irid ikun hemm il-kontribut dirett, u attiv, ta’ kull wieħed u waħda minnha, f’kull qasam tal-ħajja.

Huwa hawnhekk fejn tidħol l-importanza tal-attiviżmu u l-volontarjat b’għanijiet ambjentali.

L-attiviżmu fi ħdan għaqdiet volontarji qed jiżdied ġmielu, u qed naraw aktar l-involviment attiv ta’ tfal u żgħażagħ fihom. Dan jawgura tajjeb biex tibqa’ tippersisti il-protezzjoni tal-ambjent tagħna.

Minbarra l-kritika kostruttiva li joffru dawn il-gruppi ambjentali, hemm ukoll l-element edukattiv li permezz tiegħu, aktar individwi qed isiru aktar konxji mill-importanza tal-ambjent ta’ madwarna.

Il-valuri ambjentali ma jistgħux jiġu imposti; iridu jitrawmu. It-tfal u ż-żgħażagħ tagħna għandhom jikbru b’sens ta’ rispett lejn dak li jdawwarhom, u b’kuxjenza ċara li l-azzjonijiet tagħhom għandhom konsegwenzi reali. Huma mhux biss il-futur, iżda diġà huma parti mill-preżent li qed jifforma l-għada.

Il-persuni u l-organizzazzjonijiet li l-ERA qed tirrikonoxxi llejla huma xhieda ħajja ta’ dawn il-valuri. Dawn juru li bidla vera tibda minn inizjattivi konkreti, kultant żgħar, iżda konsistenti, li maż-żmien joħolqu impatt sostanzjali.

Ninsabu f’mument fejn għandna l-opportunità nagħżlu x’tip ta’ pajjiż irridu ngħixu u nikbru fih: Pajjiż li jsegwi, jew pajjiż li jmexxi bl-eżempju? Pajjiż li jikkonsma, jew pajjiż li jħares u jħaddan?

L-għażla hija tagħna, u kull deċiżjoni li nieħdu llum se tiddetermina r-realtà ta’ għada.

Nawgura li dawn il-premjijiet ikomplu jservu bħala xempju ta’ dak li hu possibbli meta l-impenn jiltaqa’ mal-viżjoni. Fl-istess waqt, inħeġġeġ lil kulħadd biex dan l-ispirtu ma jibqax limitat għal okkażjonijiet bħal dawn, iżda jsir parti mill-ħajja ta’ kuljum tagħna.

Fl-aħħar nett, nirringrazzja lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi tal-ħidma kontinwa tagħha, u nifraħ lir-rebbieħa għax-xogħol taħghom li llejla, b’mod tanġibbli, ġie apprezzat u rikonoxxut.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.