Fil- ħamsa ta’ Lulju elfejn erbgħa u għoxrin (2024), kelli l-opportunità li nattendi għall-għeluq tal-Fażi Djoċesana tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni ta’ Henry u Inez Casolani. Dak il-mument kien pass importanti fil-mixja ta’ din il-kawża u xhieda tal-apprezzament lejn il-ħajja u l-eżempju ta’ din il-koppja Maltija.
Illum, sentejn wara, nilqagħkom fil-Palazz ta’ Sant’Anton għal din is-serata mużikali organizzata mill-Assoċjazzjoni Henry u Inez Casolani, bħala parti mill-ħidma kontinwa favur il-Kawża għall-Beatifikazzjoni tal-koppja Casolani.
Ippermettuli nirringrazzja lill-Assoċjazzjoni Henry u Inez Casolani għall-ħidma tagħha sabiex iżżomm ħajja l-memorja u l-legat tal-koppja Casolani, koppja Maltija li ħalliet marka ta’ ġid spiritwali, ta’ mħabba lejn il-proxxmu u ta’ xhieda Nisranija. L-isforzi tagħkom sabiex titkompla l-kawża għall-Beatifikazzjoni tagħhom huma xhieda ta’ kemm il-ġid li jagħmel il-bniedem jibqa’ jgħix fil-qalb tal-komunità.
Henry u Inez Casolani kienu koppja profondament magħquda fil-fidi u fl-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Għexu żmien diffiċli, inklużi s-snin tal-gwerra, iżda qatt ma tilfu l-paċi interjuri u l-fiduċja tagħhom. Id-dar tagħhom kienet tassew “knisja domestika”, mibnija fuq it-talb, fuq ir-rispett reċiproku u fuq sens qawwi ta’ servizz lejn min kien fil-bżonn.
L-imħabba tagħhom kienet mibnija fuq is-Sagrament taż-Żwieġ tnejn u tmenin sena ilu u kibret tul is-snin permezz tal-fedeltà, tar-rispett reċiproku u tal-fiduċja f’Alla. Kienu xhieda li ż-żwieġ jista’ jkun triq ta’ qdusija u servizz lejn l-oħrajn.
Dan huwa element b’sinifikattiv partikolari – Il-fatt illi nirreferu għalihom bħala koppja, ħaġa waħda, inkluż fejn tidħol il-kawża għall-beatifikazzjoni tagħhom huwa sinifikattiv immens. Rikonoxximent illi s-sagrament taż-żwieġ huwa wkoll triq għall-ħajja qaddisa. U fuq nota personali ngħidilkom illi meta ripetutament kont nara personaġġi eroiċi veru fl-aġir tagħhom iżda fil-maġġor parti reliġjużi, kont inħoss illi hemm bżonn ikun aktar rikonoxxut l-eroiżmu moħbi fil-ħajja ta’ kuljum, partikularment fejn tidħol il-familja, u għalhekk hija sinifikanti l-kawża ta’ beatifikazzjoni ta’ Henry u Inez Casolani.
U bħala parentesi fuq dan il-punt, insemmi bħala l-eżempju li hemm ukoll ta’ eroiżmu fil-ħajja ta’ kuljum: lil San Carlo Acutis, żagħżugħ li għex il-fidi tiegħu b’mod sempliċi iżda straordinarju fil-kuntest tal-ħajja moderna, dan kien pass importanti ħafna fejn jidħlu ż-żgħażagħ.
Henry kien artist u impjegat pubbliku magħruf għall-umiltà tiegħu, għall-kalma tiegħu u għall-kelma tajba tiegħu ma’ kulħadd. Kien bniedem li qatt ma fittex tifħir għalih innifsu, iżda li dejjem ra l-ġid fl-oħrajn. Inez, għalliema b’qalb kbira, baqgħet tagħti servizz u għajnuna lil ħafna, speċjalment lil dawk li kienu għaddejjin minn diffikultajiet.
Din il-kawża għall-Beatifikazzjoni mhijiex biss rikonoxximent tal-ħajja tagħhom, iżda wkoll stedina biex aktar persuni jsiru jafu l-eżempju tagħhom. Għalhekk avvenimenti bħal dak tal-lum huma importanti ħafna. Qegħdin inkomplu nwasslu l-istorja tagħhom lil aktar nies, kemm f’Malta kif ukoll lil hinn minn xtutna.
Tal-lejla huwa eżempju ċar li l-patrimonju tagħna mhuwiex biss mibni minn monumenti jew dokumenti storiċi, iżda wkoll minn stejjer ta’ persuni li għexu ħajja ta’ servizz, ta’ ġenerożità u ta’ fedeltà lejn il-valuri tagħhom. Henry u Inez Casolani huma parti minn dan il-patrimonju li nemmen li għandu jkompli jiġi mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-kawża tagħhom tfakkarna li s-soċjetà tagħna għandha bżonn aktar xhieda ta’ ġenerożità, paċi u tama. Henry u Inez ma fittxewx fama jew rikonoxximent, iżda ħallew marka profonda permezz tal-mod kif għexu
Nixtieq nagħmel referenza speċjali wkoll għall-preżenza fostna ta’ Sister Cecilia Casolani, bint Henry u Inez, li ddedikat ħajjitha għall-vokazzjoni reliġjuża. Għaliha, il-kawża tal-ġenituri tagħha mhijiex biss storja jew proċess ekkleżjastiku, iżda xhieda ħajja ta’ dak li rat u għexet kuljum fil-familja tagħha.
Huwa sabiħ li bħala poplu nibqgħu napprezzaw dawk il-persuni li, mingħajr storbju jew glorja, ħallew marka profonda permezz tal-mod kif għexu. Il-legat ta’ Henry u Inez Casolani huwa parti mill-wirt spiritwali u kulturali ta’ pajjiżna, u huwa dmir tagħna li nkomplu ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Nirringrazzja minn qalbi lill-organizzaturi, lill-artisti kollha li ser jagħtu sehemhom illum, u lil kull min b’xi mod qed jikkontribwixxi biex il-messaġġ bl-eżempju li taw il-koppja Casolani lis-soċjetà tagħna jitkattar u jibqa’ ħaj.