Merħba lilkom ilkoll illi nġbartu hawn illejla għall-kommemorazzjoni tal-ħamsin anniversarju tal-Fondazzjoni AŻAD — l-Akkademja għall-Iżvilupp ta’ Ambjent Demokratiku.
L-AŻAD tnisslet mill-ħsieb li tinħoloq struttura, kważi kważi permanenti, dedikata għall-formazzjoni politika li tkun ta’ ġid għas-soċjetà kollha.
Soċjetà msejsa fuq valuri demokratiċi ma tistax tkun dejjiema, soda f’kull żmien, u għal kull żmien, jekk ma tkunx imbenna kontinwament minn qafas ta’ ambjent demokratiku — qafas imsejjes fuq kwalitajiet ta’ dixxerniment, ħsieb liberu u ħieles, u fuq kollox, analiżi kritika li kull ċittadin għandu jkollu l-opportunità jiżviluppa u jillima.
Dan għaliex huwa stat ta’ fatt li, ukoll meta l-individwi jingħaqdu f’gruppi li flimkien jiffurmaw il-korp soċjali inġenerali, l-individwi jġibu magħhom il-valuri li jingħataw, li jiżviluppaw, valuri li mill-ħajja personali u privata jkunu parti integrali mill-kejl ta’ kif jaffrontaw u jaġixxu f’ċirkostanzi diversi, inkluż ukoll bħala ċittadini — valuri li jsinnu u jixprunaw mhux biss id-drittijiet iżda ngħid aktar id-dmirijiet li tkun parti minn soċjetà imnebbħa minn kunċetti demokratiċi.
Għalhekk, ma’ dan l-isfond għandha tiżdied il-formazzjoni ċivika, soċjali u politika illi minn kull wieħed u waħda, tagħġen ċittadini responsabbli, denji, kapaċi li jmexxu u jifilħu jmexxu nazzjon fit-toroq it-tajba, minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel — għall-ġid tas-soċjetà bħala kollettività, u wkoll għall-ġid tal-individwi li jiffurmaw dik il-kollettività.
L-ewwel President tal-AŻAD, il-President Emeritu Ċensu Tabone, kien esprima x-xewqa tiegħu li l-AŻAD tkun akkademja li tipprovdi taħriġ suffiċjenti, lill-irġiel u lin-nisa sabiex ikunu gwardjani ċiviċi tat-triq demokratika tas-soċjetà tagħna.
Kien b’din il-viżjoni illi fil-ħmistax tal-Lulju elf disa’ mija u sitta u sebgħin (1976) ġiet inawgurata l-AŻAD.
Maż-żmien, l-AŻAD ingħatat is-sura legali ta’ Fondazzjoni u kompliet miexja fil-ħidma tagħha favur formazzjoni politika u ċivika.
L-ambjent demokratiku li ngħixu fih jiddependi minna lkoll — l-impenn u r-responsabbiltà illi jintrefgħu minn kull wieħed u waħda meta nkunu qed neżerċitaw id-drittijiet; drittijiet li jġibu magħhom dmirijiet ta’ għażliet tajba.
Għalhekk jidhirli illi huwa importanti illi nirrikonoxxu l-kontribut li f’dawn il-50 sena l-Fondazzjoni AŻAD għamlet sabiex f’pajjiżna jkunu msaħħa b’informazzjoni u għarfien, ix-xjenzi ta’ tmexxija tajba.
B’dawn il-ħsibijiet nawgura lilkom preżenti serata mill-isbaħ u jalla l-AŻAD tkompli tissaħħaħ fl-impenn tagħha li tixpruna ambjent demokratiku f’pajjiżna.