President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Titnieda t-23 edizzjoni ta’ L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign

Għat-23 sena konsekuttiva, l-istudenti fl-iskejjel kollha lokali se jkunu parti minn L-istrina BOV Piggy Bank Campaign 2026.

Sena wara sena, l-istudenti u l-iskejjel madwar Malta u Għawdex jingħaqdu flimkien għal għan wieħed billi jagħtu donazzjoni żgħira ta’ flus li jkunu ġemmgħu f’ġest altruwistiku biex jgħinu persuni oħra li għaddejjin minn żmien diffiċli.

Din is-sena, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, se tkompli żżur l-iskejjel bħala parti minn din il-kampanja. Matul Ottubru, il-President se żżur 21 skola madwar Malta u Għawdex, kemm tal-Istat, kif ukoll tal-Knisja u indipendenti, bl-istudenti li se jkollhom iċ-ċans jistaqsu u jitkellmu mal-Eċċellenza Tagħha.

Matul is-snin, din il-kampanja li ssir b’kollaborazzjoni bejn il-Malta Community Chest Fund u l-Bank of Valletta saret parti integrali mill-mixja lejn L-istrina; fuq kollox il-kampanja tagħti opportunità lit-tfal u ż-żgħażagħ f’pajjiżna jkunu protagonisti f’ġest ta’ solidarjetà.

Il-kampanja ta’ din is-sena tnediet waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, indirizzata mill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, u li għaliha kienu preżenti wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, l-Onorevoli Byron Camilleri, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza, l-Onorevoli Jerome Caruana Cilia, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta Ernest Agius u rappreżentanti oħra tal-BOV, kif ukoll Kapijiet tal-iskejjel.

Fid-diskors tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono fissret din il-kampanja bħala  attività li tmur iktar ‘il bogħod mill-ammonti li jinġabru, “għaliex qed innisslu fit-tfal tagħna r-responsabbiltà lejn il-proxxmu.”

Il-President aċċennat kif id-donazzjoni tal-istudenti, żgħira kemm hi żgħira, “tkattar sens ta’ responsabbiltà ċivika għaliex tagħmlek konxju, anke jekk b’saħħtek fiżikament u mentalment, li madwarek hemm persuni li għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli u li lkoll kemm aħna għandna dover li ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura u jħossu waħdu.”

Il-Ministru Byron Camilleri qal li “din il-kampanja hija lezzjoni b’differenza. Lil uliedna qed ngħallmuhom li anke ġest żgħir jista’ jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Għax l-edukazzjoni mhijiex biss dwar dak li nitgħallmu fil-klassi jew il-karriera li nagħżlu ’l quddiem. Hija wkoll dwar il-valuri li nsawru fit-tfal tagħna u l-persuni li rriduhom isiru.”

L-Onorevoli Camilleri spjega li “s-suċċess ta’ din il-kampanja għalhekk ma jitkejjilx biss minn kemm jinġabar, iżda minn kemm jirnexxielna nrawmu f’uliedna s-solidarjetà, il-ġenerożità u r-responsabbiltà lejn xulxin. Għax il-valuri ma ngħallmuhomx biss bil-kliem, iżda billi nagħtu lit-tfal l-opportunità li jgħixuhom.”

Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Jerome Caruana Cilia ddeskriva l-Istrina BOV Piggy Bank Campaign bħala l-aqwa prova li l-edukazzjoni mhijiex biss tagħlim fil-klassi, iżda formazzjoni tal-karattru u ta’ valuri sodi li jsawru l-uliedna bħala ċ-ċittadini ta’ għada. Huwa appella biex l-iskejjel kollha, l-għalliema, il-ġenituri u fuq kollox it-tfal, jieħdu sehem f’din il-kampanja ta’ altruwiżmu u inklussività, biex flimkien, nagħmlu differenza reali fil-ħajja ta’ dawk li għandhom bżonn.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll miċ- Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta u Deputat Chairperson tal-Fondazzjoni BOV, li fisser kif “għal dawn l-aħħar 23 sena, il-kampanja L-istrina BOV Piggy Bank għenet biex it-tfal jitgħallmu l-valur tal-ġenerożità u l-importanza li jagħtu lura lis-soċjetà. Dan fl-istess waqt li qed tagħtihom l-opportunità li jikkontribwixxu għal kawża li tassew tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna nies. Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn kontinwu tal-Bank of Valletta u tal-Fondazzjoni BOV biex inrawmu sens ta’ solidarjetà sa minn età żgħira u nibqgħu nappoġġjaw il-ġid tal-komunità.”

B’referenza għar-rispons pożittiv li rċeviet il-kampanja s-sena li għaddiet, is-Sur Agius żied jgħid li “l-mod kif it-tfal, il-familji u l-iskejjel madwar Malta u Għawdex iħaddnu din l-inizjattiva dejjem jimlina b’kuraġġ. Flimkien qed ngħinu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tifhem aħjar il-valur tal-ġenerożità, filwaqt li nappoġġjaw il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.”

Is-sena li għaddiet, l-istudenti li jattendu l-iskejjel madwar Malta u Għawdex ikkontribwixxew iktar minn €50,000 b’risq L-istrina, biex b’hekk inqabżet is-somma ta’ €3 miljun miġbura matul it-23 sena li ilha ssir L-istrina BOV Piggy Bank Campaign.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.