Media

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, attendiet iċ-ċerimonja tal-Premju Anzjanità Attiva, organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, fi ħdan l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa, u bil-kollaborazzjoni tal-Active Ageing and Community Care.
 
Fid-diskors tal-okkażjoni, il-President aċċennat l-importanza tal-anzjani fis-soċjetà, u saħqet li dawn għandhom jibqgħu jiġu involuti u attivi fil-komunità, biex jibqgħu f’saħħithom, iżommu bogħod mill-iżolament u s-solitudni, u jkomplu jikkontribwixxu bil-kapaċitajiet u l-esperjenza tagħhom.
 
Matul is-serata, il-kittieb, poeta u xandar George Peresso kien rikonoxxut bl-ogħla unur tas-serata, il-Premju Anzjan tas-Sena, b’rikonoxximent għax-xogħol li baqa’ jwettaq matul ħajtu sa issa, b’mod speċjali fuq livell mentali u intellettwali.