Iltqajna illejla għall-erbgħa u tletin (34) edizzjoni tal-Malta Journalism Awards, okkażjoni li matul is-snin irrikonoxxiet lil dawk kollha li ta’ kuljum jwasslu l-aħbar.
Huwa xieraq li f’isem il-Presidenza, nibda b’kelma ta’ ringrazzjament u rikonoxximent għall-ħidma li twettqu ta’ kuljum u minn qalbi nifraħ lill-finalisti u lir-rebbieħa kollha tal-lejla.
Nirringrazzja lis-Sur Matthew Xuereb u lill-Kunsill preċedenti għas-servizz li taw lill-Istitut tul dawn l-aħħar snin.
U nawgura lill-President il-ġdida tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, Nicole Meilak, u lill-Kunsill il-ġdid elett għat-terminu 2026–2028.
F’din l-okkażjoni, nixtieq ukoll insellem il-memorja tal-Professur Ġorġ Mallia, li ħalliena f’Awwissu li għadda. Ġorġ Mallia ta kontribut imprezzabbli lill-qasam tal-midja u l-komunikazzjoni f’pajjiżna, kemm permezz tal-ħidma tiegħu bħala akkademiku, kif ukoll bħala awtur, illustratur u kartunista.
Huwa għen fil-formazzjoni ta’ ġenerazzjonijiet ta’ ġurnalisti u professjonisti fil-qasam tal-komunikazzjoni, filwaqt li b’xogħlu wassal messaġġi li qanqlu ħsieb u riflessjoni u għalhekk qeda wkoll rwol ċiviku.
Għalhekk kien mistħoqq ir-rikonoxximent li ngħata lil Ġorġ Mallia llejla.
Iżda ppermettuli li nagħmel osservazzjoni, għax nemmen ħafna li kemm jista’ jkun ir-rikonoxximenti jingħataw meta persuna tkun għadha ħajja.
Sinjuri,
Nerġa’ nirreferi għall-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin. L-Istitut għamel pass importanti meta kiseb l-istatus ta’ trade union b’mod formali. F’din is-sena li ħarġet, il-Kunsill ħadem bis-sħiħ biex b’diversi inizjattivi, itejjeb il-kundizzjonijiet fil-professjoni ġurnalistika.
U nuża l-kelma professjoni għaliex kull attività li ġġorr magħha responsabbiltà serja lejn ħaddieħor, lejn il-ġid komuni u li titlob li titwettaq b’kompetenza, b’serjetà u b’sens qawwi ta’ dmir, hija professjoni.
Ix-xogħol tagħkom imiss direttament mal-mod kif is-soċjetà tifhem lilha nnifisha u dak li jkun qed iseħħ madwarha.
L-ewwel responsabbiltà tibqa’ dik lejn il-verità u lejn l-eżattezza tal-fatti.
Min jagħżel li jwassal l-aħbar għandu dmir li jinforma permezz ta’ informazzjoni li tkun ivverifikata, korretta, u mwassla b’mod li ma tqarraqx lil min qed jaqraha, jismagħha jew jaraha.
Il-ġurnalist qiegħed hemm għas-servizz tal-pubbliku, irid iqiegħed il-fatti quddiem in-nies b’mod li dawn ikunu jistgħu jiżnuhom u jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom.
Iżda r-rwol tal-ġurnalist imur lil hinn minn dak li sempliċiment iwassal l-informazzjoni. Tridu tkunu għassiesa f’isem il-poplu, billi tiskrutinizzaw il-ħidma tal-awtoritajiet u tal-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż, tistaqsu l-mistoqsijiet meħtieġa u tfittxu t-tweġibiet. B’hekk il-ġurnaliżmu jikkontribwixxi għat-trasparenza, il-kontabbiltà u r-responsabbiltà pubblika.
Hemm ukoll l-etika tal-kontenut u l-valur ġurnalistiku ta’ dak li jitqies bħala aħbar u permezz t’hekk issir distinzjoni bejn dak li huwa fatt u dik li hija opinjoni.
Meta din id-distinzjoni sottili tiċċajpar, titnawwar l-fiduċja bejn il-midja u l-pubbliku.
Ippermettuli nerġa’ ntenni dak li diġà għidt riċentament! Huma dawn il-kwalitajiet li fl-aħħar mill-aħħar jiddistingwu lill-ġurnalist miċ-ċarlatan.
Sinjuri,
Ma nistgħux, nitkellmu dwar id-dmirijiet tal-ġurnalisti mingħajr ma niriflettu wkoll dwar ir-realtajiet tax-xogħol tagħhom.
Il-professjoni ġurnalistika titlob dedikazzjoni li ħafna drabi mhijiex apprezzata.
Matul din is-sena rajna kif il-mezzi tax-xandir kienu impenjati waqt kampanja elettorali. Kellna wkoll proċeduri ġudizzjarji ta’ interess nazzjonali partikolari, li tefgħu piż qawwi biex l-aħbar tasal għand il-pubbliku f’ħin qasir, u dan b’mod ċar u preċiż.
Il-ġurnalisti, hu x’inhu il-medium li bih jesegwixxu l-mestier tagħhom, għandhom iħossuhom sikuri li jwettqu xogħolhom mingħajr intimidazzjoni, pressjoni jew tfixkil, ġej min fejn ġej, bi kwalunkwe mezz, u jkollhom l-indipendenza u l-libertà li jaqdu dmirijiethom.
F’dan il-kuntest, ma nistgħux ninsew ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jibqgħu punt ta’ riferiment importanti fit-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ġurnalisti u tal-libertà tal-istampa f’pajjiżna.
Huwa essenzjali li nibqgħu naħdmu sabiex dawn ir-rakkomandazzjonijiet jissarrfu f’miżuri konkreti u effettivi, li jsaħħu l-istituzzjonijiet, jiggarantixxu ambjent sigur għall-ħidma ġurnalistika, u jħarsu d-dritt fundamentali taċ-ċittadini li jkunu infurmati.
F’demokrazija, id-dritt tal-ġurnalist li jistaqsi u taċ-ċittadin li jkun infurmat mhumiex interessi differenti.
Hawnhekk, nieħu nota tad-dikjarazzjonijiet li saru mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministru tal-Ġustizzja Clifton Grima, li r-riforma tal-midja qiegħda fuq l-aġenda nazzjonali.
L-għan aħħari ta’ dawn ir-riformi għandu jkun it-tisħiħ tal-libertà tal-istampa, il-protezzjoni ta’ dawk li jaqdu din il-professjoni u l-ħarsien tad-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni.
Nemmen fil-ħtieġa li jkompli d-djalogu sinċier bejn l-IĠM, il-ġurnalisti, il-media houses, l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet.
Sinjuri,
Ir-riżultati li ħarġu mill-aħħar Stat tan-Nazzjon jagħtuna stampa interessanti tal-mod kif il-poplu jikkonsma l-aħbar.
Id-diġitalizzazzjoni tal-aħbar, ġabet magħha wkoll bidla fil-mentalità. Fl-istess waqt qiegħda dejjem tikber il-ħtieġa li l-ġurnalist iwassal kontenut kwalitattiv, u r- responsabbiltà għal standards għoljin.
Dan, fil-fehma tiegħi, huwa tibdil ferm aktar profond milli sempliċiment bidla fil-mezz li nużaw.
Din it-trasformazzjoni teknoloġika trid timxi id f’id mal-ħarsien tal-libertà tal-midja.
Ngħalaq b’kelmtejn lit-tmexxija ġdida tal-IĠM. Nifhem l-isfidi li taffaċċjaw intom il-ġurnalisti; il-bżonn ta’ taħriġ kontinwu, remunerazzjoni xierqa, ħin u riżorsi adegwati għar-riċerka, u x-xewqa li din tkun karriera li tattira ġenerazzjoni ġdida ta’ ġurnalisti, fost oħrajn.
Il-ħidma li diġà għamel l-IĠM fil-qasam tal-iżvilupp personali, fil-linji gwida għan-newsrooms u fil-kuntatti internazzjonali tiegħu tagħti bażi tajba li fuqha l-Kunsill il-ġdid jista’ jkompli jibni.
Għalhekk inħeġġeġ lill-ġurnalisti jibqgħu magħqudin u jingħaqdu wara l-IĠM, biex flimkien jibqgħu jaħdmu flimkien favur it-titjib tal-kundizzjonijiet u t-tisħiħ tal-professjoni tagħhom.