President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President ta’ Malta żżur is-Seminarju Minuri tal-Arċisqof bħala parti mill-kampanja L-istrina BOV Piggy Bank

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, żaret is-Seminarju Minuri tal-Arċisqof, bħala parti mill-kampanja L-istrina BOV Piggy Bank.

Matul iż-żjara tagħha, il-President kienet akkumpanjata mill-Arċisqof, Monsinjur Charles J Scicluna, u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima

Waqt li indirizzat lill-istudenti, il-President ħeġġithom biex huma wkoll ikunu parti minn L-Istrina ta’ din is-sena, billi jikkontribwixxu mill-ftit tagħhom b’risq il-kampanja Piggy Bank.

Il-President spjegat li matul is-sena ltaqgħet ma’ xi studenti li wara l-iskola ma jsibux familja għand min imorru, u oħrajn li qed ibatu minħabba li l-mard ħakem lilhom jew lill-familja tagħhom. Fakkret lill-istudenti li huma dawn in-nies li jsibu wens u għajnuna mill-Malta Community Chest Fund, u li l-flus miġbura bħala parti mill-kampanja Piggy Bank imorru b’dan l-iskop.

L-Eċċellenza Tagħha rreferiet ukoll għall-valuri Insara li huma l-ethos tal-edukazzjoni tas-Seminarju, u ħeġġet lill-istudenti biex iżommu qalbhom u moħħhom miftuħ għall-oħrajn, biex ikunu ta’ spalla meta ħaddieħor jiġi bżonnha. Fissret li dawn il-ġesti żgħar ta’ kuljum ukoll huma importanti biex ikollna soċjetà li tħenn għall-proxxmu u li tiżgura li ħadd ma jibqa’ lura.

Fis-Seminarju Minuri tal-Arċisqof, il-President ħeġġet lill-istudenti biex juru wkoll apprezzament u rikonoxximent lill-edukaturi tagħhom, waqt li rreferiet għall-edukazzjoni bħala l-pedament tat-tħejjija tal-mexxejja tal-futur. Fl-istess waqt, il-President aċċennat li l-mexxejja mhumiex biss l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, iżda wieħed isib mexxejja f’kull strata tas-soċjetà, fosthom l-istudenti nfushom, li appellatilhom biex huma wkoll ikunu mexxejja fost sħabhom.

L-Arċisqof Charles Scicluna rringrazzja lill-President taż-żjara tagħha fis-Seminarju Minuri tal-Arċisqof, li bil-preżenza u l-inizjattiva tagħha biex ngħinu lil ħutna fil-bżonn permezz tal-Malta Community Chest Fund, “qed tgħallimna li parti mir-rwol ta’ min hu msejjaħ biex jirrappreżenta lill-Istat tagħna huwa li tassew jieħu ħsiebna meta għandna l-iżjed bżonn.”

L-Arċisqof żied jgħid, “Iżjed ma jkollok responsabbiltà, iżjed tikber fik is-sejħa biex lill-proxxmu tieħu ħsiebu, tkun għalih ta’ għożża. Dan hu l-ispirtu tal-Milied li qegħdin niċċelebraw.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima feraħ lill-istudenti li flimkien mal-edukaturi u l-LSEs tagħhom ipparteċipaw bi ħġarhom f’din l-inizjattiva b’risq il-Community Chest Fund. F’messaġġ qasir lill-istudenti, il-Ministru Grima rrefera għall-isem ta’ din l-Istituzzjoni edukattiva ‘Seminarju’, bil-Latin ‘seminarium’, li ġejja mill-kelma żerriegħa. “Fl-istudenti tagħna qed niżirgħu mhux biss il-fidi u l-għarfien, imma wkoll dak kollu li jagħmilkom ċittadini denji ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Grima. Huwa fakkar lill-istudenti li dawn il-ġesti nobbli li qed jipparteċipaw fihom illum huma l-pedament ta’ futur responsabbli, għalihom b’mod individwali u wkoll bħala l-mexxejja ta’ għada.

Fi tmiem iż-żjara tagħha, l-Eċċellenza Tagħha wieġbet għal numru ta’ mistoqsijiet imħejjija mill-istudenti, li permezz tagħhom kellhom iċ-ċans isiru jafu aħjar lill-President, il-valuri u t-tradizzjonijiet li trabbiet fihom, kif ukoll il-ħidma tagħha matul din il-Presidenza.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.