Chayenne Abela, studenta ta’ 14-il sena li tattendi l-iskola sekondarja tal-Ħamrun fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca, hija r-rebbieħa tal-Premju Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2022, organizzat mil-Laboratorju tal-Paċi. Chayenne Abela ta’ kuljum tagħti appoġġ lil Szintia Ladocki, li għandha problemi biex tikkomunika u tesprimi ruħha. Bl-għajnuna tagħha, Szintia tkun tista’ ssegwi u tipparteċipa mingħajr ebda xkiel fil-klassi.
Waqt iċ-ċerimonja fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta George Vella, flimkien mal-fundatur tal-Premju Patri Dijonisju Mintoff, ippreżenta l-midalja lil Chayenne Abela, u ferħilha li qed tħaddan il-valuri nobbli tal-ħbiberija u l-altruwiżmu.
Il-President Vella qal lil Chayenne u Szintia li r-rabta ta’ bejniethom tfakkarna kemm bl-empatija u l-mogħdrija kapaċi negħlbu d-diffikultajiet u nwettqu u nilħqu għanijiet li ma konna qatt nimmaġinaw. Fid-diskors tiegħu, il-President fakkar kemm il-pandemija għallmitna ngħożżu dak kollu li verament iġibilna ferħ f’ħajjitna. Żied li kienet ħasra li filwaqt li kellna ċ-ċans nixtarru fuq dak li vera jgħodd, b’tama li nibdew ħajjitna mill-ġdid, kellna nixhdu għal att ta’ mibegħda u kruha ta’ gwerra li ma hi xejn ħlief riżultat ta’ kilba għall-poter, u fantasija ta’ saħħa militari u politika. “L-egoiżmu, l-indifferenza u r-rgħiba jwasslu biss għal firda u jeqirdu l-umanità li tant ħassejna n-nuqqas tagħha matul il-pandemija,” stqarr il-President.
Għan-nom tal-poplu Malti, il-President irringrazzja lil Patri Dijonisju Mintoff li kien pijunier fil-promozzjoni tal-paċi u tal-inklużjoni f’pajjiżna. Il-ħidma tiegħu fil-Laboratorju tal-Paċi, qal il-President, kienet ta’ xprun fit-tkattir tat-tjubija u tal-għaqda, ħidma li ġiet rikonoxxuta b’mod ċar mill-Papa Franġisku fiż-żjara tiegħu fil-Laboratorju tal-Paċi.
Min-naħa tiegħu, Patri Dijonisju Mintoff, Fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi, stqarr li “Il-paċi titnissel fuq il-bankijiet tal-iskola”. Qal li teduka mhux li tgħid affarijiet li tkun għidthom, tirrepetihom sena wara oħra, imma li teduka hu li tlaqqa’ dak li jingħad mar-realtà, u tpoġġi fil-prattika dak li tipprietka.




