The President of Malta

Dalia Kreivienė tippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha, bħala l-Ambaxxatriċi tal-Litwanja għal Malta, lill-President George Vella

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Dalia Kreivienė ppreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha, bħala l-Ambaxxatriċi tal-Litwanja għal Malta lill-President George Vella aktar kmieni llum fil-Palazz tal-President, il-Belt.

Waqt it-taħditiet, il-President Vella qal li Malta u l-Litwanja għandhom relazzjonijiet sodi ħafna, anki fil-qafas tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Malta tinsab ħerqana li tkompli ssaħħaħ dawn ir-rabtiet sodi billi tesplora oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni bħall-kummerċ, it-teknoloġija u l-farmaċewtika. Esprima wkoll it-tama li nerġgħu lura għaċ-ċifri tat-turiżmu ta’ qabel il-Covid, li kienu promettenti ħafna.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet reġjonali, iż-żewġ partijiet iddiskutew fit-tul is-sitwazzjoni tal-gwerra Russa fl-Ukrajna u l-effetti devastanti tagħha fuq il-popolazzjoni. L-Ambaxxatriċi tat ħarsa dettaljata lejn l-appoġġ li ngħata lill-Ukrajna mil-Litwanja, u żiedet li l-pajjiżi Baltiċi qegħdin iħossuhom esposti ħafna għall-instabbiltà li għadha qed toħloq l-invażjoni.

L-iżviluppi fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea kienu wkoll parti mit-taħditiet li matulhom il-President Vella u l-Ambaxxatriċi Kreivienė qablu li filwaqt li l-gwerra fl-Ukrajna teħtieġ attenzjoni kompleta, l-iżviluppi inkwetanti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani ma jistgħux jiġu sottovalutati fis-salvagwardja tal-istabbiltà tal-Ewropa nnifisha.

Ritratti: OPR

Skip to content