The President of Malta

Diskors mill-E.T. George Vella, il-President ta’ Malta, waqt it-tnedija tal-ktieb “Kollox Politika? Governanza, Reliġjon, Ekonomija, Amministrazzjoni Pubblika” 22 Frar 2022

Irrid ngħidilkom li kien verament pjaċir tiegħi, mhux biss li nagħmel l-introduzzjoni tal-ktieb, imma anki li nospitakom hawn illejla ħalli jkun hemm din it-tnedija tal-ktieb.

Irrid ngħid li wara dak kollu li smajna nħossni daqsxejn barra minn posti, fis-sens li dawn l-akkademiċi kollha llejla tawna opinjonijiet importanti ħafna, varjati wkoll, dwar x’nifhmu bil-politika. U jien ukoll ħa mmur għat-titlu tal-ktieb: kollox politika? U r-risposta li nagħti hija iva, kollox huwa politika. Però mhux politika li nifhmu biha l-politika ta’ kuljum: “X’fettillek iċċappast mal-politika?”. Il-politika li hija l-arti tat-tmexxija. L-arti tat-tmexxija li tista’ tkun magħmula tajjeb u tagħti riżultati tajbin, taf tkun magħmula bl-addoċċ jew bi traskuraġni, jew intenzjonalment ħażina, biex tagħti r-riżultati li wħud irid li jkollhom.

L-idea ta’ good governance u bad governance ilha sekli. Hemm anki pitturi li jagħtuk ir-riżultat x’ikun: good governance, tara l-għelieqi mfawrin, in-nies jaħdmu kuntenti, jiżfnu; bad governance tara kollox imċajpar.

X’irrid ngħid? Irrid ngħid illi, l-ewwel ħaġa, jien kuntent immens li qed nara fuq dan is-suġġett. Ħa nitkellem ċar, jien m’għandix l-esperjenza akkademika ta’ sħabi, ta’ min kellimna, però ovvjament għandi l-esperjenza tas-snin twal fil-politika. Li nista’ nitkellem u meta nħares lura ngħid: “Kien żmien moħli? Għamiltu tajjeb? Stajt għamiltu aħjar?” U dawn l-affarijiet illi jġegħluk taħseb fuqhom.

Però għall-ewwel darba, qed nara jien bil-Malti ktieb li jittratta suġġett li tista’ ssibhom fil-papers u fil-kotba llum, semmejna lil Hayek, semmejna lil Keane, kulħadd ifittixhom u jarahom dawn. Però meta inti qed tara issa dawn l-opinjonijiet espressi b’Malti tajjeb, dik hija l-ewwel ħaġa li jien apprezzajt immens li qed nara ssir. Tgħidli: “Għaliex differenza milli jkun bl-Ingliż?” Il-lingwa Maltija tippresta ruħha biżżejjed u ppruvaw, mhux biss Dr Vassallo, imma anki oħrajn, li kitbu fuq suġġetti li normalment ngħidu: “Għax il-Malti ma jwassalx”. Mhu veru xejn. Il-Malti nħaddmuh tajjeb u jwassal biex ikollna kotba bħal dawn.

U ta’ dan irrid nagħti prosit lil Dr Vassallo għal żewġ affarijiet; apparti li juża l-Malti u uża l-Malti kif użah, imma anki għaliex dan il-materjal kollu li, bħalma qal Dr Xuereb, ħareġ minn fuq il-programmi, ma ntremiex. Dan ġie rreġistrat illum il-ġurnata u qiegħed hawnhekk biex min irid jikkonsultah, jikkonsultah. U bħalma turi l-qoxra, jiġifieri qed nitkellmu fuq il-governanza, ir-reliġjon, l-ekonomija, eċċ., lill-istudenti jien inħeġġiġhom li jaraw dawk l-opinjonijiet u, bħalma ntqal, li dak li jkun ikun matur biżżejjed biex jagħmel l-opinjoni tiegħu.

Però hawnhekk qegħdin naraw parti waħda tal-ktieb, skont kif rajtu jien. Qegħdin naraw il-parti teoretika, il-parti anki prattika fuq pariri ta’ nies bl-esperjenza u awtoritajiet fl-ekonomija, fl-amministrazzjoni, fir-reliġjon, eċċ.

Però jien l-iktar li laqatni, u hawnhekk jien nemmen li huwa importanti ħafna dan il-ktieb. Jien ma qrajtux kollu, però l-ewwel kapitli qrajthom u qrajthom b’attenzjoni kbira u l-bqija tal-ktieb I leafed through it, mort ġo fih, fittixt, rajt ċertu affarijiet u, kif qalu diġà, fejn jolqtok, tieqaf. Imma l-iktar li laqatni jien, mhux biss li inti lill-istudent qed tagħtih dak il-materjal biex ikun jista’ jagħmel riflessjoni fuqu u jiddeċiedi. Fl-ewwel paragrafi, li l-ewwel kapitli huma ta’ Dr Vassallo stess, qed jitkellem imbagħad fuq min se jwettaq dik il-politika. Għax jien inutli li ngħallmek x’suppost isir, imma mbagħad ma niggwidakx kif dik int ħa timplimentaha. Għax il-politika ma teżistix fil-vakwu.

Jekk xi ħaġa għandha x’taqsam mal-governanza, mar-reliġjon, mal-ekonomija, mal-amministrazzjoni pubblika, trid titwettaq. Issa min iwettaqha? Iwettaqha, l-ewwel u qabel kollox, il-politiku. U jekk aħna ma kienx hemm dawn il-kapitli tal-bidu li fihom Dr Vassallo jirrifletti fuq il-problemi u l-isfidi li jsib ma’ wiċċu l-politiku biex jimplimenta l-politika u biex jara li jagħmel politika tajba, naħseb li l-ktieb kien ikun nieqes ħafna.

Però l-ewwel kapitli, li jien inħeġġiġkom taqrawhom u taqrawhom b’attenzjoni, għalija kienu verament fonti ta’ ilma ċar kristall. U ngħid hekk mill-esperjenza. Għaliex kif għidt fl-introduzzjoni, sibt ruħi qed naqra fuq inċidenzi jew istanzi li kont fihom jien f’ħajti politika. Meta qed jitkellem fuq il-problemi etiċi li jaffaċċja l-politiku, il-problemi morali li jaffaċċja l-politiku, il-problemi ta’ kuxjenza. U dawn huma importanti għaliex qed ipoġġu dan kollu li hawn fil-ktieb, f’din li ħa ngħidilha x-xjenza politika, imma fil-kuntest ta’ min irid jimplimentaha.

Issa dan japplika wkoll, tgħiduli, għal min qiegħed fl-amministrazzjoni pubblika. Ukoll, m’hemmx dubju. Imma ħafna drabi, min qiegħed fl-amministrazzjoni pubblika, ukoll isib l-isfidi, imma l-ewwel ma jinħolqu għal min qed jifformola l-politika, min qed jiġi bl-ideat, min qed jgħid: “irid isir hekk, isir hekk u jsir hekk”, għax wara kollox il-politika hija t-twettiq tal-politika. It-twettiq ta’ mod kif jgħix il-poplu fl-oqsma differenti.

Mela meta qegħdin nitkellmu fuq il-materjal li hemm rigward ix-xjenza politika, dan huwa importanti ħafna. Però jien nerġa’ nagħmel referenza, għax lili laqatni l-iktar, it-twettiq ta’ din ix-xjenza politika mill-politiku li jrid iwettaqha, jew inkella jimbuttaha. U allura hemmhekk imbagħad jitkellem fuq l-integrità, jitkellem fuq il-valuri, jitkellem fuq il-morali, il-problemi etikomorali li tiltaqa’ magħhom, u bħalma nsemmu llum, tissemma ħafna l-kontabilità, it-trasparenza u affarijiet bħal dawn.

Jiġifieri l-valur tiegħu jien, biex ma ntawwalx, il-valur li nagħti l-ktieb jien huwa li hemm il-materjal xjentifiku, però hemm ukoll il-mod kif wieħed jista’ dan jimplimentah u jimplimentah għall-ġid tas-soċjetà. Mhux tas-soċjetà biss, imma anki għall-paċi tal-kuxjenza ta’ dak li qiegħed iwettaq. Meta pereżempju jpoġġi l-problemi ta’ meta tiġi f’dilemma bejn dak li temmen int u dak li jemmen il-partit li qiegħed fih. Hemmhekk se nidħlu mbagħad fil-politika partiġġjana, li s-soċjetà tagħna u s-soċjetajiet demokratiċi, bħalma tafu, ovvjament hemm imbagħad il-partitokrazija: għandek il-partiti, li inti tappartjeni għal naħa jew għal oħra, imbagħad tiġi fid-dilemmi jekk taqbilx jew le ma’ dawn l-affarijiet.

Dawn huma riflessjonijiet interessanti ħafna, miktubin b’Malti ċar kristall. Jien mhux se noqgħod naqra mill-introduzzjoni u lanqas mid-diskors li kelli ppreparat hawnhekk għaliex nemmen li ntqal biżżejjed dwar il-valur ta’ ktieb bħal dan. U nerġa’ ngħid, li ktieb li mhux li tgħid xtrajtu, tfajtu hemm u ħallejtu hemmhekk.

Jien naħseb li ktieb li l-istudenti tagħna, u nħeġġiġhom ħafna minn hawnhekk, jagħmlu tajjeb li mhux biss jaraw il-kontenut xjentifiku tiegħu, imma anki jaraw ir-riflessjonijiet morali u ċ-ċarezza li biha kiteb Dr Vassallo fuq quddiem, dwar x’għandu jagħmel il-politiku li ħa jaqbad il-ħajja politika. U għandna bżonn minnhom dawn. Għandna bżonn li jkun hemm min li għalih il-politika mhux tkun kollox imma li hu jkun iħaddem il-politika għall-ġid tal-biċċa l-kbira tan-nies ta’ pajjiżna.

Nirringrazzjakom.

Skip to content