Nirringrazzjakom għall-ħafna memorji sbieħ li ġibtuli waqt li qed nassisti. Niftakar li ltqajt ma’ Dun Karm darba jien. Kont għadni student, kont dieħel il- librerija, u qed narah nieżel it-taraġ, figura twila twila, irqiq. Ma tantx kellu suttana miżmuma tajjeb, niftakarha għax bqajt impressjonat. U saqsieni “Ġuvnott, x’sejjer tagħmel? X’qed tagħmel?” U għamilna diskursata qasira
ħafna, għidtlu “Jiena student l-università, ġejt nara xi ħaġa…”. “Tajjeb, tajjeb” qalli. U baqa’ nieżel. Dik baqgħet dejjem f’moħħi. Ovvjament imbagħad il- memorja tal-Kardinal Prospero Grech, bħalma semmejt inti Father. L-aħħar li ltqajt miegħu fit-tul kien ovvjament fl-esibizzjoni li għamilna hawnhekk wara li konna ltqajna Ruma u kilna flimkien. U mbagħad anki tlajt Ruma għall-quddies tal-funeral tiegħu għaliex ovvjament kien bniedem ta’ ċertu rispett u bħalma għidt tajjeb inti kellu sense of humour, kien b’dik l-età kollha però kien għadu żgħir. Moħħu kien kbir, kien enċiklopedista, kien jitkellem fuq kollox, kien jaf kollox, u kull min kien jafu kien impressjonat bih għall-kobor tal-għerf li kellu u anki tal-umanità tiegħu. Infatti kien anki dilettant tal-fotografija u anki ċertu ritratti kienu veru sbieħ. Dan ma kienx biss saċerdot imma dan kellu anke ħafna
u ħafna interessi. Skużawni qed niddevja ftit, imma ma stajtx ma
ngħidhomlkomx. Meta spiċċat il-quddies tal-funeral ġie l-kap tal-protokoll qalli, “Il-Papa xtaq ikellmek”. Għidtlu “Nitla’ jien ħdejh? Jiġi hu?”. Qalli “Issa
naraw”. U kif spiċċa l-Papa, liebes l-aħmar, niżel u ġie fuqi. U fost affarijiet oħra, l-aħħar ħaġa li għidtlu, għidtlu “Jiena taf x’nixtieq?” Għidtlu “Prospero Grech la jkun il-ġenna jsib hemmhekk kamera tar-ritratti u motorino”, għax kien dilettant tal-Lambretta. Tant, li kien jgħid li kieku kien jaf meta offrewlu li jsir Kardinal u kellu jitlaq il-Lambretta, kien jippreferi joqgħod bil-Lambretta milli jsir Kardinal. Dawn qed ngħidhom għax vera huma affarijiet ħelwin.
Sinjuri,
Nindirizzaw ukoll lil dawk li qegħdin isegwuna f’dan il-mument,
Ta’ kull sena l-Akkademja tal-Malti tiċċelebra t-tifkira tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila. U dan tagħmlu dejjem fix-xahar ta’ Ottubru. Għat-tieni darba f’din il-Presidenza huwa l-gost u l-pjaċir tiegħi li nilqagħkom fil-Palazz ta’ Sant’Anton biex inkomplu fit-tradizzjoni li żammew ukoll il-predeċessuri tiegħi. Jien għandi l-isfortuna però li nkunu qegħdin niċċelebraw din l- okkażjoni f’dawn iċ-ċirkostanzi li tikkontrollalna bl-iktar mod strett l-ammont ta’ nies li jistgħu jkunu preżenti u anki d-distanzi u dawn l-affarijiet kollha, li
b’xi mod wieħed irid jipprova jirkibha din billi kif qegħdin tippruvaw tagħmlu tmorru anki online.
Kif qed ngħid, qegħdin niċċelebraw din il-lejla f’ġieħ Dun Karm minkejja s- sitwazzjoni li għaddejjin minnha, u b’ħarsien sħiħ għal saħħitna permezz tal- miżuri kif rakkomandati mill-awtoritajiet tas-saħħa f’pajjiżna.
Qegħdin ngħixu mument storiku – ġrajjiet li ser iwasslu għal tibdil fil-mod kif inħarsu lejn id-dinja ta’ madwarna. U anki mument li ġegħelna nirrealizzaw kemm aħna fraġli. Tgħallimna kif flimkien nistgħu negħlbu l-ostakli li minn żmien għal żmien ifeġġu quddiemna. U tgħallimna wkoll li aħna nazzjon wieħed – familja waħda – u għemilna jħalli l-marka tiegħu fuq dawk ta’ madwarna u fuq dawk ta’ warajna. Dan qed ngħidu, fil-fatt, anki Dun Karm, kif spjegajtu tajjeb intom, li m’għandi dubju ta’ xejn li ilkom ħafna iktar intiżi fuqu milli jien jien, ukoll kien jipprova jippromwovi l-kunċett ta’ nazzjon wieħed. Li huwa n-nazzjoni Malti li, kif nafu sew, kien għadu emerġenti, għadu ħiereġ, kien għadu qed jipprova jistabbilixxi lilu nnifsu anki bil-fatt tal-lingwa imma wkoll kien jaħdem biex jippromwovi din l-identità.
L-istorja ta’ dan il-ġens, kif minsuġa fil-kitba ta’ Dun Karm, turina li aħna nistgħu mmorru lura għat-tradizzjoni Pawlina u l-miġja ta’ San Pawl fostna. Jingħata prominenza mhux biss żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, iżda wkoll żmien
l-Imblokk tal-Franċiżi u l-perjodu kolonjali Ingliż. Dun Karm jiċċelebra wkoll l- istorja u l-mixja kostituzzjonali ta’ pajjiżna ma’ kull pass. L-istorja dejjem kienet dik li tnebbħu – fiha kien ifittex tifsira biex minnha jislet messaġġ.
Ir-rakkont storiku ta’ Dun Karm hu xprunat mit-tiftix għal identità sħiħa – dik l- identità Maltija – u kif din l-identità tista’ tinkiseb fl-għaqda nazzjonali li titwaħħad mill-frammenti varji li nġemgħu flimkien mal-milja taż-żmien; jiġifieri dak li jagħmilna Maltin u li jgħaqqadna flimkien.
Dun Karm għex fi żmien fejn wieħed kien għadu jfittex li tissawwar verament l- identità Maltija. Minkejja t-toqol tal-influwenza ta’ amministrazzjoni kolonjali xorta baqa’ għaddej u minkejja t-taqtigħa biex tinfatam minn irbit ta’ kulturi oħra. Ħafna jafu l-influwenza tat-Taljan fuq il-lingwa f’dak iż-żmien u anki ovvjament l-amministrazzjoni Ingliża li kienet qed tipprova illi tidħol iktar fit- tessut tal-ħajja normali Maltija.
Dun Karm iressaq dan kollu għall-attenzjoni tagħna fl-Innu Malti – wieħed mill-
għeliem ewlenin tal-identità Maltija li t-tifsira tiegħu kibret ma’ kull pass li għamel dan in-nazzjon tul l-istorja reċenti tiegħu. Meta wieħed jirrifletti fuq il- kliem tal-innu Malti, jien li llum l-ixjeħ wieħed fostkom hawnhekk, isib li dejjem jirrifletti dak li tkun għaddej minnu dak iż-żmien u kull meta tisimgħu u kull meta tkantah issib li qed japplika, qisu bejn wieħed u ieħor bħall-Vanġelu li
tapplikah għal kull żmien. Meta inti qed terġa’ tirrepeti l-kliem li hemm fl-Innu Malti, f’kull żmien li niftakar jien: l-Indipendenza, il-problemi li kellna… kull stadju sal-lum, japplika għal dak iż-żmien li tkun qiegħed titkellem fuqu. L-Innu Malti hu ħsieb kumpless ta’ Dun Karm hekk kif narawh minsuġ fid-damma sħiħa ta’ kitbietu, b’relazzjoni stretta mal-ġrajjiet kurrent ta’ dak iż-żmien u l- biżgħat ta’ poeta li permezz ta’ kitbietu, jibqa’ juri awtonomija u sovranità ta’ poplu mingħajr ma jixxellef mal-ħakkiema imperjali.
Huwa espressjoni ta’ nazzjon li kien qiegħed jissawwar. Huwa identità marbuta ma’ bandiera nazzjonali, ma’ lsien nazzjonali waħdieni u twemmin fil-ħniena u fl-imħabba tal-kbir Alla. Qed torbot is-sens patrijottiku anki mar-reliġjon u mat- twemmin ta’ pajjiżna.
Għal Dun Karm l-identità tal-omm li tatna isimha mhux rifless biss fit-twaħħid simboliku tal-ilsien Malti ma’ art twelidna. L-Innu Nazzjonali jerġa’ jagħtina din it-tfittxija u x-xenqa għall-għaqda. Filwaqt li “Alla” jsir il-missier u l-“art” issir l-omm – il-Maltin isiru l-ulied. Aħna lkoll kemm aħna wlied art twelidna. Dan kien il-poplu Malti għal Dun Karm.
Tabilħaqq, Dun Karm jixpruna ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dak kollu li hu Malti fi ġrajjiet pajjiżna, kemm dawk minn passat imbiegħed kif ukoll dawk aktar reċenti. Dawn l-istess ġrajjiet li nebbħu lil Dun Karm, jgħallmuna wkoll li
flimkien bħala wlied l-istess omm nistgħu nirbħu kull ostaklu u sfida, kull inkwiet u kull theddid.
Ma ninsewx iżda, li ma kinitx faċli għal dan il-ġgant tal-lingwa Maltija jiddefendi lsien li kien għadu qed jiżviluppa. Nammira tassew ir-reżiljenza tiegħu fejn f’kitbietu stess jistqarr li sakemm kien jikteb bit-Taljan u bl-Ingliż, kien meqjus u stmat, filwaqt li kif beda jikteb bil-Malti l-ewwel maqdruh u kien hemm anki min żebilħu, minkejja li kiteb poeżiji li jvarjaw fl-istil tagħhom, u kienu jħabbtuha ma’ dawk tal-awturi kontinentali tal-istess perjodu.
Bħalma sħaqt fil-messaġġ tiegħi s-sena l-oħra, nixtieq, u bħalma xtaq anki Dun Karm, li l-ilsien Malti jibqa’ jingħata l-ġieħ li jistħoqqlu. Napprezza ferm li bħala lingwa ħajja, il-Malti jissellef u jassimila kliem minn lingwi oħra sabiex iżomm pass mal-progress. Filwaqt li dan huwa proċess naturali li jseħħ f’kull ilsien mitkellem, nixtieq nieħu spunt minn kliem Dun Karm stess. Fil-poeżija tiegħu ‘Lill-Bandiera Maltija’, huwa jwissi li “kull lewn li jitħallat ma’ lwienek”, qed jirreferi għall-bandiera Maltija, “iħassarlek ismek.” Ejja naraw li l-iżvilupp tal-lingwa tagħna jkun studjat u li ma nitilfux dak li jsawwarna bħala Maltin. U hawnhekk qed nirreferi għall-ħafna kliem li qed jiddaħħal fil-Malti illi qed iwarrab kliem li diġà jeżisti li jwassal il-messaġġ u huwa aċċettat, imma qed jiġi minsi jew imwarrab minn kliem ieħor li huwa estranju għal-lingwa
Maltija. U dan huwa xi ħaġa li qed ibiddel it-tessut tal-istess lingwa li għalija hija waħda mill-elementi importanti tas-sovranità tal-poplu Malti.
Mela ejjew nibqgħu nkunu kburin bl-ilsien Malti u naraw li ngħożżuh, inħaddnuh u nħaddmuh b’mod sħiħ u korrett biex ma jiġix abbużat u jitbiddel f’xi djalett fqir ta’ xi lsien ieħor.
Qabel nagħlaq nixtieq nirringrazzja lill-Akkademja tal-Malti u l-organizzaturi ta’ din il-lejla li ta’ kull sena jġeddu t-tifkira tal-poeta nazzjonali – simbolu tal- identità Maltija – tal-għaqda u l-mixja ’l quddiem li għandna nagħmlu aħna bħala ġens wieħed.
Jalla Dun Karm ikun ta’ ispirazzjoni kif nistgħu naħdmu aktar id f’id bħala ġens wieħed, sabiex flimkien negħlbu l-isfidi li għandna quddiemna u nkunu wlied denji ta’ dan il-pajjiż.
Nirringrazzjakom.