The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors mill-E.T. il-President George Vella, fl-okkażjoni tat-tnedija tal-ktieb ‘Public Service Reforms in a Small Island State’

Segretarju Permanenti Ewlieni

Segretarji Permanenti

Sinjuri

Nirringrazzja lil min tkellem qabli, u mal-punti li diġa tqajmu, irrid inżid ir-radd il-ħajr tiegħi lejn il-ħaddiema kollha tas-Servizz Pubbliku.

Din mhux l-ewwel okkażjoni fejn il-Presidenza qegħda torganizza dawn it-tip ta’ laqgħat mas-Servizz Pubbliku, u f’dawn l-avvenimenti dejjem ħadt l-opportunità nesprimi l-apprezzament tiegħi għax-xogħol li jitwettaq ta’ kuljum, minn eluf ta’ ħaddiema.

Dan il-kliem ta’ tifħir nitlob li jasal għand kull min jifforma parti mis-Servizz Pubbliku, mill-kbir saż-żgħir, għax nemmen li kull wieħed u waħda minnhom għandhom rwol x’jaqdu u kontribut x’jagħtu.

Il-pandemija tal-COVID urietna biċ-ċar kemm is-Servizz Pubbliku, mhuwix biss bżonnjuż, iżda indispensabbli.  Hawnhekk mhux nirreferi biss għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, li bilfors jiġuna f’moħħna meta nitkellmu dwar il-virus.  Is-Servizz kollu kemm hu, b’xi mod jew ieħor intmess mill-Pandemija u kellu jadatta b’mod imgħaġġel u bi flessibilità immedjata sabiex ikompli jinqeda iċ-ċittadin. 

Ir-rutina ta’ kuljum inbidlet, u għadha mibdula. 

Però inħoss li l-impatt fuq il-pubbliku – il-ġenituri, l-impjegati, l-intraprenditur, il-pensjonant, il-marid, saħansitra t-tfal – kien ikun ferm iktar qawwi u ta’ ħsara li kieku ma kienx għax-xogħol u dedikazzjoni tal-ħaddiema kollha tas-Servizz Pubbliku.

Ħafna drabi hemm tendenza li nieħdu din il-ħidma u s-servizzi li qed ingawdu minnhom bħala, awtomatika jew inkella ‘for granted’.

Biex is-Servizz Pubbliku jkompli jaqdi lill-klijient tiegħu – jiġifieri ċ-ċittadin –  b’mod effiċjenti, irid isir investiment kontinwu kemm fir-riżorji materjali, kif ukoll dawk umani. Tista’ tgħid li s-Servizz Pubbliku, qatt m’hu lest minn xogħlu għax dejjem għaddej minn transizzjoni u tibdil kontinwi biex jadatta għaċ-ċirkostanzi tas-soċjetà b’riżultati ta’ livell għoli, liema ċirkostanzi jinbidlu skond iż-żmien u dak li jkun għaddej.

Huwa għalhekk li il-ktieb li qed jiġi ippreżentat llum huwa wieħed ta’ importanza u rilevanza, mhux biss minħabba l-materjal fattwali u r-riċerka li jwassal lil-qarrej, iżda għax iservi wkoll bħala dokument li jdaħħal li-Servizz Pubbliku fil-memorja kollettiva ta’ pajjiżna.

Din hija l-ewwel publikazzjoni ta’ din ix-xorta u hemm ħafna x’wieħed jislet minnha.

Mhux biss  lokalment.

Jien li ħdimt ħafna ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali nista’ nara kif din it-tip ta’ riċerka tista’ tkun ta’ għajnuna kbira għal pajjiżi oħra, bi strutturi simili għal dawk tagħna, biex jiddaħħalu riformi dejjiema u maħsuba sew.

Insemmi l-eżempju tal-Commonwealth, fejn numru mhux ħażin ta’ pajjiżi għandom infrastruttura amministrattiva tixbaħ hafna lil tagħna kemm fid-daqs kif ukoll fl-istorja u proċedura.

Sinjuri,

Kif tafu lkoll, saru bosta riformi ta’ natura differenti li ddaħħlu fir-Servizz Pubbliku, biex illum aħna lkoll nistgħu ngawdu minn servizzi 24 siegħa kuljum, inkunu fejn inkunu.

Dan grazzi wkoll għal-investiment b’saħħtu ħafna fis-settur tal-infrastruttura diġitali u teknoloġika, li sewa’ mhux ftit biex jittafew skariġġ u dewmien żejjed għal min ikun irid jagħmel użu minn xi servizzi.

Tajjeb ukoll li nħarsu lejn fhiex jinsabu l-uffiċċjali stess tas-Servizz Pubbliku.

F’dan ir-rigward, daħlu bosta tibdiliet sabiex ikompli jintlaħaq bilanċ bejn l-eżiġenzi tax-xogħol u l-ħajja privata, speċjalment it-tgawdija tal-familja wara l-ħin tax-xogħol.

Is-Servizz Pubbliku huwa mudell fejn tidħol il-promozzjoni ta’ miżuri favur il-familja u oħrajn biex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-ħajja personali tal-impjegati u x-xogħlol. 

Nilqa’ dawn ir-riformi li permezz tagħhom, l-uffiċċjal pubbliku, jista’ jħossu wkoll sodisfatt bħala individwu, fis-sens ħolistiku tal-kelma.

Hawnhekk ta’ min insemmi wkoll it-tnedija ta’ policy dwar ix-xogħol mid-dar, magħruf bħala ‘Remote Working’, hekk kif tħabbar waqt il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku iktar kmieni din is-sena.

Naħseb li din hija tagħlima, pożittiva u dejjiema li nibtet ukoll minħabba l-impatt tal-COVID-19 fuq il-mod ta’ kif jopera s-servizz pubbliku.  Tajjeb li l-proċeduri jibqgħu jiġġeddu u li s-Servizz Pubbliku jilqa’ il bidla biex jadatta għall-ħtiġijiet tal-lum.

Nifhem li din is-sistema tmur lil hinn mit-‘teleworking’ fejn huwa l-individwu li jitlob għal dan l-arranġament filwaqt li r-‘remote working’ ser ikun qed japplika għal dipartimenti u funzjonijiet sħaħ.  

Ninnota wkoll li din ir-riforma tmiss ukoll ma’ kunċetti bħal standards professjonali u benefiċċji għall-ħaddiema bħar-‘Right to Disconnect’ – id-dritt li ma tibqax marbut mal-mobile, laptop u emails, ladarba jispiċċa l-ħin tax-xogħol. 

Imma llum kulħadd jista’ jaħdem ‘9 to 5’ u jaqta’ l-kuntatt wara li jmur id-dar?

Qed insemmi dawn ir-riformi, għaliex filwaqt li hu tajjeb li s-Servizz Pubbliku iżomm lill-klijent – il-pubbliku – fil-qofol ta’ ħidmietu, daqstant ieħor ikompli jindokra l-uffiċċjali tiegħu stess.

Dan mhux biss f’termini ta’ progress professjonali, permezz ta’ taħriġ u tagħlim kontinwu, iżda wkoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ motivazzjoni, u għaliex le, ambizzjoni, biex wieħed ikompli javvanza fil-karriera.

Bħal setturi oħra, is-Servizz Pubbliku għandu kull faċilità li jinvesti fil-ħaddiema tiegħu biex mhux biss jissaħħu l-kwalitatijiet u t-talent tal-individwu, iżda jkompli jissaħħaħ is-Servizz stess.

Nagħlaq billi inrodd ħajr lill-awturi tal-ktieb – Frank Bezzina, Emanuel Camilleri u Vincent Marmarà u dawk kollha li għinnuhom, tal-ħidma tagħhom.  M’għandix dubju li dan ix-xogħol sfieq ser ikun utli għal ħafna ri1erkaturi, akkademiċi, studenti, uffiċċjali pubbliċi – u kull min għandu xi interess fl-amministrazzjoni pubblika. 

Fuq kollox ningħaqad mal-awturi fid-dedika tal-ktieb, li ssellem lill-qaddejja pubbliċi kollha – tal-imgħoddi, tal-preżent u tal-ġejjieni -għall-kontribut tagħhom biex pajjiżna jkompli jmur ‘l quddiem.

Grazzi.

Skip to content