Nirringrazzja lill-Prof. Marmara u s-Sur Bondi għal din l-inizjattiva li tidħol sew mal-proġett li nedejt jien ftit tal-ġimgħat ilu, dwar l-Għaqda Nazzjonali.
Nirringrazzja wkoll lilkom li lqajtu l-istedina tiegħi biex issegwu din il-Konferenza Stampa u nilqa’ magħna lil min qed issegwina fuq il- mezzi soċjali.
Kulħadd jifhem li minħabba d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa kellna nużaw dan il-format.
Kif semmew il-kelliema ta’ qabli, it-temi u s-suġġetti li ser jiġu mqajma mal-pubbliku, u mbagħad diskussi dakinhar tal-Konferenza fl-4 ta’ Ġunju, jirriflettu ħafna u jixbhu ħafna dawk is-suġġetti li ħarġu mill- Konferenza tas-27 ta’ Frar.
Iktar milli ‘min aħna’, ser niddiskutu ‘min sirna’; aħna soċjetà li tevolvi u tinbidel.
Kieku jkolli niġbor fi ftit kategoriji dak li qiegħed fuq moħħ il-poplu Malti, kif ukoll is-suġġerimenti li ħarġu mill-Konferenza ta’ Frar, dawn ikunu l-punti l-iktar li spikkaw:
- Kunċetti ġenerali ta’ nazzjon u stat: Xi jfissru u x’responsabbilitajiet ipoġġu fuq spallejna?
- Il-Klassi Politika u s-Soċjetà Ċivili: Fejn hu l-bilanc fil-proċess li wieħed jisma’, jiddeċiedi u jwettaq?
- L-Informazzjoni, il-midja u l-midja soċjali: Bżonn ta’ ġurnaliżmu li jirrispetta standards ta’ etika, u social media li ma tibqax sejra mill-ħażin għall-agħar.
- Id-Demokrazija u l-Ġustizzja: Korruzzjoni… Stat ta’ Dritt… Trasparenza… Kontabilità…
- L-Edukazzjoni u l-Kultura: Bżonn ta’ tagħlim ta’ valuri etiċi, u rispett lejn in-Nazzjon.
- L-Ambjent: Titrażżan il-qerda tal-ambjent naturali li għad fadlilna… Miri ambjentali u l-effetti fuq saħħitna.
- L-Immigrazzjoni: sa fejn nifilħu mingħajr ma niġu megħjunin?
- L-Użu tal-Lingwa u l-Ilsien Malti: Il-Bilingwiżmu, u l-użu tajjeb tal-Malti.
- X’ifissru għalina llum, u x’inhi d-differenza bejn ċittadinanza, residenza u nazzjonalità.
Għaldaqstant nara li dan l-istħarriġ mhux biss hu wieħed f’waqtu, iżda jkompli jsaħħaħ b’mod xjentifiku u konkret, diskussjoni relatata mal- Għaqda Nazzjonali li s’issa kienet waħda li ġabret biss ħsibijiet u ideat.
Il-kelliema li ntgħażlu ġejjin minn diversi xejriet tal-ħajja f’Malta, kif semma sew is-Sur Bondi. Kulħadd ser iġib l-għarfien u l-esperjenzi tiegħu u tagħha mill-professjonijiet u l-oqsma li joperaw fihom biex ikomplu jinfirxu l-ideat mhux biss fit-teorija, iżda f’ċertu dettall u fuq bażi ta’ riċerka.
Nirringrazzja bil-quddiem lil dawk kollha – kelliema, moderaturi – u fuq kollox lil dawk kollha li ser jikkoperaw fil-ġbir tal-informazzjoni permezz ta’ dan is-survey.
L-appell tiegħi jibqa’ dejjem dak ta’ rispett tal-opinjonijiet li mhux dejjem ser jaqblu, imma kollha huma importanti li jinstemgħu.
Fl-1998 varajt l-idea ta’ State of the Environment Report, li kellu l- għan li jagħtina stampa ta’ fiex kien l-ambjent ta’ pajjiżna. Dak kien l- ambjent fiżiku. Dan ser ikun eżerċizzju li jagħtina stampa tal-ambjent soċjali, ta’ pajjiżna.
Nara allura, li din il-Konferenza ta’ Ġunju ser tkun okkażjoni fejn inkompli u nikkonsolida l-intenzjoni tiegħi li tkompli tikber u timmatura diskussjoni inklussiva u rispettuża dwar dak li għaddej minnu l-poplu Malti, x’qed inissel il-firda, u x’jista’ jkompli jgħaqqadna.
L-iskop tiegħi huwa li nipprovdi Forum, jew Agora, fit-tifsira oriġinali u pożittiva tal-kelma… Suq ta’ opinjonijiet, tperriċ ta’ opinjonijiet differenti, f’ambjent fejn wieħed jista’ jsemma leħnu, jinfluwenza, u jipperswadi.
M’hemm xejn ħażin jekk diskussjonijiet bħal dawn isiru wkoll fil-livell lokali f’partijiet differenti ta’ pajjiżna.
Dan huwa kollu parti mill-viżjoni tiegħi għal matul din is-sena, li nixtieq niddedika għal dan l-għan.
Fil-ġimgħat li ġejjin ser inkun qiegħed inniedi wkoll inizjattiva b’tema ta’ importanza u rilevanza Nazzjonali bħalma huwa l-għeluq ta’ mitt sena mill-għoti tal-Kostituzzjoni Amery Milner fl-1921.
Jiena qed nieħu dawn il-passi sabiex il-Presidenza tnissel għarfien dwar mumenti storiċi fit-tiswir ta’ pajjiżna, il-kisbiet tagħna, u fuq kollox għarfien u apprezzament ta’ fejn ninsabu llum, u filwaqt li nkomplu nkunu kritici fuq dak kollu li huwa ħażin madwarna, ngħożżu dak kollu pożittiv li akkwistajna bil-għaqal u bil-galbu tagħna matul iż-żminijiet.
Nagħlaq billi inħeġġeġ lill-membri tal-pubbliku jipparteċipaw fl- istħarriġ li għadhom kemm semmew il-Prof. Marmara u s-Sur Bondi, sabiex ikollna bażi soda fuq xiex niltaqgħu u niddiskutu nhar l-4 ta’ Ġunju.
Nirringrazzjakom.