L-1 ta’ Ottubru 2021
Palazz ta’ Sant’Anton
Prof. Axiaq,
Prof. Vella,
Mistednin Distinti,
L-ewwel nett nirringrazzja b’mod partikolari lill-ERA, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, talli apparti x-xogħol li qed tagħmel matul is-sena kollha, anki torganizza okkażjoni bħal din fejn wieħed jirrikonoxxi x-xogħol ta’ ċerti nies li mhux dejjem ikunu magħrufa jew inkella x-xogħol tagħhom ikun magħruf imma li bil-ħidma tagħhom, kif rajna proprju anki llum, ikunu qegħdin jagħmlu ċertu xogħol li eventwalment jikkontribwixxi bla qies għal iktar għarfien dwar l-ambjent ta’ madwarna.
Qed nieħu gost li għal sena oħra ninsabu hawn sabiex nuru l-apprezzament tagħna lil żewġ persuni li ddistingwew ruħhom sew fil-qasam tar-riċerka, il-protezzjoni u anki r-riabilitazzjoni tal-ambjent naturali ta’ pajjiżna.
Kif smajna diġà, is-Sur Costantino Mifsud u s-Sur Louis Vella, minkejja li ħadmu fi professjonijiet u oqsma differenti, it-tnejn kellhom għal qalbhom il-wirt naturali ta’ pajjiżna.
Kemm is-Sur Vella kif ukoll is-Sur Mifsud ħadmu f’oqsma fejn is-suġġett tar-riċerka jew ix-xogħol tagħhom huwa moħbi kważi minn għajn in-nies. Dan ma jfissirx li ma jeżistix ix-xogħol li għamlu jew inkella li mhux importanti. Altru minn hekk. Anzi, huma ħafna drabi kienu l-pijunieri li taw l-għarfien dwar il-wirt naturali tagħna. Kellhom rwol vitali li jqajmu kuxjenza dwar il-ħsara li l-impatt negattiv tat-tniġġis tal-ambjent jikkawża kemm fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin kif ukoll għall-wirt naturali ta’ pajjiżna.
Hawnhekk, kif nagħmel kull sena, nixtieq li kulħadd jirrifletti ftit fuq dak li qed nitkellmu fuqu. Fis-sena u nofs li għaddew, minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija tal-Covid, rajna b’mod ċar ħafna li fejn twaqqfet l-attività aggressiva tal-bniedem, in-natura donnha bdiet tieħu r-ruħ bil-mod il-mod u bdiet tirriġenera lilha nnifisha mill-ġdid, kemm il-flora kif ukoll il-fawna, kemm fl-art, fil-baħar u, ngħid hekk, anki fl-ajru.
Fiċ-ċokon ta’ pajjiżna ġara l-istess, filwaqt li sirna napprezzaw mhux ftit l-ambjent naturali tagħna li kien l-uniku żvog li kellhom in-nies waqt ir-restrizzjonijiet – min kien forsi joħroġ jagħmel passiġġata – ta’ min jgħid li kien hemm evidenza ċara li jekk wieħed jieħu ħsieb il-wirt imprezzabbli li għandna, ma jkomplix jitnaqqar u ma jkomplix sejjer għall-agħar. Jien nitħasseb mhux ftit meta nisma’ li l-art agrikola qed tinxtara minn familji sabiex isservi ta’ areas għar-rikreazzjoni. X’inhuma r-raġunijiet u l-implikazzjonijiet ta’ dan għad irridu naraw.
Però wieħed irid jirrifletti, ħalli mmorru lura għall-awardees, għat-tnejn li għandna li qed nirrikonoxxu llum, x’għamlu dawn bir-riċerka tagħhom.
Is-Sur Mifsud qalilna li kien qed jagħti kontribut kbir f’qasam partikolari li kien anki qiegħed jgħin biex ikun hemm dik li ngħidulha tassonomija – il-klassifikazzjoni tal-organiżmi li kien qiegħed jistudja. Dan joħroġ mill-pubblikazzjonijiet tiegħu, u joħroġ ċar ukoll kemm pajjiżna huwa mogħni b’teżori naturali uniċi u endemiċi, li ħafna drabi lanqas huma magħrufa barra minn xtutna jew inkella anki aħna li nafu bihom jew konna narawhom, bħalma kien qed jagħmel, waqt li konna qed ngħumu jew inkella waqt li għaddejjin bil-maskla, però xorta għalina ma nagħtux kas għaliex ma jkunx hemm dik l-importanza mogħtija lilhom.
U jien naħseb li din hija wkoll parti mill-edukazzjoni li trid tiġġedded fl-iskejjel tagħna għaliex jekk lit-tfal tagħna mhux se nuruhom dawn l-affarijiet, li bħalma nnota s-Sur Mifsud, wieħed jislithom mill-ambjent tagħhom u jurihom l-istampi, wieħed mhux se jkun konxju tagħhom. Dan il-fatt iżid bil-wisq aktar ir-responsabbiltà tagħna lkoll li nipproteġu n-natura tagħna, kemm għal dak li nafu, u bil-wisq aktar għal dak li għadna ma skoprejniex u qed tiġi skoperta minn ċertu nies bħas-Sur Mifsud. Jiena nemmen li fi tmienja u tletin sena ta’ tagħlim, l-istudenti tiegħu kellhom opportunità unika li jitgħallmu u jistaqsu dwar speċi varji li ma kinux għadhom jinstabu fil-kotba.
Min-naħa tas-Sur Vella, irrid ngħid li ta kontribut siewi ħafna fejn jidħlu strateġiji nazzjonali varji dwar it-tniġġis, speċjalment tniġġis tal-arja kif ukoll tniġġis u skart perikoluż prodott mill-industrija. Bis-saħħa tal-għarfien vast tiegħu dwar is-suġġett, is-Sur Vella serva wkoll bħala l-ewwel direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ambjentali meta twaqqaf fl-1993.
U rrid ngħid li anki jiena lħaqtu fi żmieni meta kont Ministru għall-Ambjent bejn l-1996 u l-1998. U rrid ngħid ukoll li meta qed nara xi studja u x’għamel, wieħed jifhem li dan kien qed jirrifletti l-inkwiet li kien hemm dak iż-żmien li kien prinċipalment fil-Kunsill tal-Ewropa, kien it-transboundary pollution, it-tniġġis minn pajjiż għall-ieħor permezz tal-arja, x’riħa jagħmel wieħed bil-waste – dak li qed jipproduċi għax il-ħajja bdiet issir iktar moderna, kien hemm ħajja li kienet iktar tikkonsma u allura kien hemm ħafna iktar waste. U mbagħad kien hemm il-kwistjoni tat-tniġġis tal-ibħra.
Irrid ngħid illi f’dak iż-żmien, illum meta nħarsu lura diffiċli li wieħed jimmaġina li qabel l-1998, illum diġà qed nitkellmu fuq dak iż-żmien kollu, proprja pjan biex jiġi mmaniġġjat l-iskart ħa tard daqshekk. Kien hemm pjanijiet, kien hemm ideat, kien hemm x’wieħed jagħmel. U dan kien iż-żmien meta qed nitkellmu fuq il-karriera tas-Sur Vella meta kien ovvjament anki involut f’dawn l-affarijiet.
Jiena rrid nirrifletti hawnhekk fuq dan ix-xogħol li ftit ftit jgħin biex wieħed jibni ċertu politika ambjentali. Però wieħed irid jgħid, u hawnhekk irrid nagħmel riflessjoni li ta’ min nitkellmu fuqha, li minkejja l-ħafna wegħdi u minkejja l-ħafna studjużi li qed jgħidulna x’nagħmlu u ma nagħmlux, sfortunatament meta qed naraw ir-rapporti li ħerġin minn awtoritajiet internazzjonali, jidher li qisu li dan it-tragward li qegħdin nagħmlu, qisu mhux se jintlaħaq. Kulħadd jaf li f’Pariġi fl-2015, COP 21, kulħadd intrabat li ma nħallux it-temperatura tad-dinja titla’ iktar minn żewġ gradi ċentigradi, sfortunatament illum ħafna rapporti jgħidulek li diġà skorrejna l-1.5 u li hemm min anki qed jgħid li diġà qrobna anki għat-2 gradi ċentigradi.
Issa jekk dan hux qed jispjega dak li qed naraw madwarna, wieħed irrid jara. Però huwa fatt li mil-lum, skont ir-rapport tal-International Energy Agency, li ħareġ proprju riċenti, jekk irridu ma naqbżux dan it-tragward, apparti li rridu nkunu reliġjużi ma’ dak wegħedna kull pajjiż, ma’ dak li wiegħed li se jagħmel ħalli ma neċċedux u ma noħolqux iktar gassijiet li jikkontaminaw u li jkollhom effett fuq it-temperatura tad-dinja, irridu kważi kważi mil-lum stess ngħidu daqshekk għal dak li huwa użu ta’ idrokarburi – ta’ żejt, ta’ gass – li bejn issa u s-sena 2050 li qed ngħidu li jrid ikollna zero emissions, irridu ninsew dan il-materjal li sal-lum dejjem użajna biex nipproduċu l-enerġija u biex anki nużawh għalina nfusna.
Wieħed meta jimmaġinaha nistgħux immedjatament inwaqqfu l-użu ta’ dawk li jgħidulhom fossil fuels, ħalli nkunu nistgħu nevitaw li ma jkollniex iktar tħassir… Din hija xi ħaġa li wieħed irid joqgħod attent li mhux biss immorru fil-konferenzi u nwiegħdu u nitkellmu. Ix-xjenzati qegħdin iwwissuna, id-dinja stess qed twissina, qed tagħtina r-reazzjoni tagħha u għalhekk għamilt kumment fuq dak il-ftit ta’ żmien li għamilna fiż-żmien tal-Covid, anki f’pajjiżna fiċ-ċokon tagħna rajna reazzjoni pożittiva għal dak in-nuqqas ta’ tniġġis u n-nuqqas ta’ kontaminazzjoni li konna qegħdin nagħmlu.
Qed nagħmel din ir-riflessjoni għaliex qed nitkellmu issa mhux fuq xiber art, bħalma hi Malta, imma fuq id-dinja kollha. U d-dinja kollha jekk aħna qegħdin insegwu x’inhi jiġri naraw dawn l-urugani, it-taqlib tat-temp, is-sħana differenti, kollox. Hemm min qed jgħid anki diġà li hemm effetti fuq il-kurrenti tal-oċeani li dawn stess mbagħad anki jkollhom effett fuq il-klima tal-bqija tad-dinja.
Ma rridx ikun, kif jgħidu, “l’uccello del malaugurio”, dan huwa veru dan li qed jiġri u meta wieħed jaqra, biex ngħid hekk, kważi jibża’ u jgħid “Isma’, dan x’se nħallu aħna fi żmien 20, 30 sena oħra?”, meta ħafna tragwardi: 2050; inneħħu 55% tal-gas emissions sa 2030 – qed ngħidu 9 snin oħra – dawn huma affarijiet li wieħed irid jirrifletti fuqhom.
Jiena nittama li naslu f’punt fejn kollha kemm aħna nifhmu li l-ambjent naturali tagħna huwa riżorsa minnu nnifsu. Riżorsa li mhix infinita u li jekk ma nibżgħux għaliha, kif diġà għidt, għada pitgħada, u għada pitgħada mhux daqshekk ’il bogħod, se jkunu t-tfal u t-tfal tat-tfal tagħna li se jbatu l-konsegwenzi ta’ għemilna. Dan ilna ħafna ngħiduh, kif qed ngħid kull sena nagħmlu l-wegħdiet, nagħmlu t-tragwardi, nagħmlu l-oġġettivi fejn irridu naslu, imma kif qed ngħid jiddispjaċini li ħafna mir-rapporti li ħerġin diġà qegħdin jgħidu, infatti anki fir-rigward ta’ dak li huwa tniġġis particulate matter tal-arja kulħadd qed jgħid li dan minkejja kollox qed ikompli jiżdied.
Ix-xewqa tiegħi hi li dejjem inħarsu l-interessi ta’ min ġej warajna. Dan ovvjament kulħadd jgħidu u kulħadd jaqbel, però lesti li nagħmlu s-sagrifiċċji li hemm bżonn biex ma nkomplux nikkontaminaw u nniġġsu l-pjaneta? Id-dinja kollha qed tifhem dan il-kunċett kruċjali u qed tifhem ukoll li mhux sostenibbli li nkomplu ngħixu kif għexna s’issa jew qed inkomplu ngħixu bħalissa. Irid ikun hemm bilfors tibdil radikali fil-mod kif ngħixu, fil-mezzi ta’ trasport li nużaw, fil-fjuwil li nużaw, u anki fil-mod kif aħna nikkonsmaw l-affarijiet. Nerġa’ nirrepeti dak li għidt, l-edukazzjoni hija l-qofol ta’ kollox. L-edukazzjoni fl-opinjoni tiegħi trid tkun kontinwa u trid tkun miż-żgħar sal-kbar għax din hija mezz ewlieni sabiex inkomplu nkattru l-għarfien u ngħallmu lit-tfal tagħna biex jgħixu f’armonija mal-ambjent naturali li jdawwarna.
Fil-bidu kien hemm il-famużi jgħidulhom “tree huggers”, li kienu jpenġuhom li dawn huma idealisti, li jridu l-ħaxix u l-ħdura madwarhom, iridu s-siġar, imma l-fatt huwa li din mhijiex ħolma, dan huwa bżonn li rridu nibdew naċċettawh u ngħixuh.
Jiena nikkonkludi billi mill-ġdid nifraħ lis-Sur Mifsud u s-Sur Vella għal dan il-premju u, f’isem il-Poplu Malti, nirringrazzjahom għall-kontribut siewi li taw lil pajjiżna.
Nirringrazzjakom.