The President of Malta

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella waqt l-inawgurazzjoni tal-intrati, il-kxif ta’ lapidi u pitturi fil-każin Ġawhra ta’ San Pietru tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D.1990

221692505_4219150548205952_3982169397861680508_n

Sur President,

Membri tal-Kumitat tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru, Birżebbuġa,

Sinjuri,

L-ewwel irrid nibda billi nifirħilkom mill-ġdid tas-serata ferm sabiħa tas-Sibt li għadda li ttellgħet fil-Katidral tal-Mdina. L-oratorju Divo Petro huwa tassew opra artistika mill-isbaħ li minnu ħarġu t-talenti mużikali u anke l-element vokali u korali ta’ dawk kollha li ħadu sehem.

L-oratorju ħareġ mill-ġdid il-bravura fil-kompożizzjoni tal-Maestro Ray Sciberras u bl-istess mod anki l-artistrija fit-tiżwiq tal-kliem u l-mużika tal-awtur u l-poeta, is-Sur Sebastian Saliba.

Illum qegħdin hawn biex nagħtu ġieħ lil dawk kollha li ħadmu qatigħ f’din is-Soċjetà. Il-plakek li se nikxfu dalwaqt jgħarrfu x-xogħol li ħafna minnkom preżenti, li qegħdin hawn fostna, wettaqtu sabiex titwaqqaf u tinżamm is-Soċjetà u tibqa’ tikber tul is-snin.

Min ma jkunx involut, ftit jista’ jifhem l-ammont ta’ sigħat u dedikazzjoni li jinvolvi dak li tkun parti minn kumitat ta’ għaqda mużikali. L-amministrazzjoni tas-soċjetà kif ukoll il-manutenzjoni tal-binja tal-każin waħedhom diġà huma biċċa wġigħ ta’ ras bħalma tistgħu tgħallmuni ħafna minnkom. Però kemm hu sabiħ li flimkien jirnexxilkom tagħmlu dan, kif ukoll torganizzaw attivitajiet li jesponu t-talenti ta’ ħafna, li fl-istess ħin anki jkunu hemm biex joffru divertiment lill-komunità, f’dan il-każ, tar-raħal ta’ Birżebbuġa.

Jien hawnhekk nixtieq nagħmel punt dwar is-saħħa u l-importanza tal-volontarjat f’pajjiżna. Il-volontarjat jeżisti f’kull qasam. U llum b’mod speċjali nixtieq niffoka partikularment fuq iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi f’Malta. Tul is-snin dawn kibru u żviluppaw, iżda baqgħu dejjem immexxija minn ammont kbir ta’ voluntiera.

Li sservi fil-kumitat ta’ Soċjetà, sa mill-bidu, kienet opportunità ta’ tagħlim fejn mhux biss toħloq sens ta’ għaqda fil-komunità iżda wkoll jagħti ċans lil dak li jkun, speċjalment liż-żgħażagħ, u b’mod partikolari iktar, dawk iż-żminijiet meta bdew ħafna każini, ħafna iktar qodma minn dan, fejn kien hawn ħafna nuqqas ta’ skola, li dawk jieħdu esperjenza fl-amministrazzjoni u jkollhom post fejn wara ġurnata xogħol imorru u jkunu jistgħu flimkien iħaddmu, jamministraw is-soċjetà u anki jagħmlu xogħol volontarju fil-każin.

Minnhom kienu joħorġu wkoll ħafna talenti li normalment tarahom attivi f’sottokumitati apposta, bħal dawk tal-armar u anki dawk tan-nar. Kif ukoll fil-kummissjoni ta’ opri artistiċi bħal dawk li semma l-President u li se nikxfu llum. Minn hawn ukoll insellem lill-pitturi: is-Sur Josef Camilleri, li semmejtli diġà, u s-Sur Clifford Vella tax-xogħol tagħhom.

Ma jonqosx ukoll li nirriflettu fuq il-fatt li l-istudju tal-mużika, minn dawn il-każini tal-banda, fih innifsu huwa imprezzabbli għaliex jibqa’ jkattar l-interess fost iż-żgħar, fejn għal numru mhux ħażin minnhom il-mużika ma tibqax passatemp, imma ssir il-karriera tagħhom. U nafu ħafna, madwar il-każini ta’ Malta kollha, kemm ħarġu nies ta’ kapaċità illi bdew fil-bidu nett minn ġol-każini. U hawnhekk tajjeb li nagħtu ġieħ lill-ħafna surmastrijiet, li bħal Maestro tagħkom, il-Maestro Bugelli, baqgħu joffru l-ħin li jgħallmu l-mużika u anki jibqgħu jkattru l-interess tal-mużika f’pajjiżna.

Huwa għalhekk li nemmen li s-Soċjetajiet bħal tagħkom għandhom tliet rwoli prinċipali. L-ewwel li jservu ta’ skola mhux formali f’tant oqsma varji – semmejt l-amministrazzjoni, l-organizzazzjoni, il-mużika; li jkattru sens ta’ għaqda fil-komunità; u fl-aħħar nett, li jżommu t-tradizzjonijiet Maltin ħajjin. L-istess tradizzjonijiet li lilna l-Maltin jagħmluna poplu uniku.

Is-Soċjetà tagħkom tirrifletti dan kollu li semmejna. U għalhekk jiena nawguralkom aktar ħidma sfiqa għall-ġid tal-komunità ta’ Birżebbuġa u għat-tisħiħ tat-tradizzjonijiet Maltin, ovvjament fil-festeġġjar ta’ bejnietkom, ta’ San Pietru u dak kollu li hemm marbut ma’ dan il-qaddis, u anki l-kultura li għandna f’dan ir-raħal rigward il-festa li tiċċelebraw.

Nirringrazzjakom u nawguralkom li tkomplu għaddejjin magħqudin flimkien biex tkattru dan is-sens ta’ għaqda u sens ta’ kultura li wieħed jixtieq jara tikber fil-ġenerazzjonijiet tagħna.

Nirringrazzjakom.

Skip to content