The President of Malta

Diskors mill-President ta’ Malta waqt iċ-ċena statali ad unur il-President tar-Repubblika tal-Kroazja, 11 ta’ Lulju 2022

Eċċellenza, President Zoran Milanović,

On. Deputat Prim Ministru,

Sur Speaker,

Eċċellenza Arċisqof,

Eċċellenzi,

Mistednin Distinti,

Eċċellenza Sur President, Professur Sanja Musić Milanović, nagħtikom merħba f’Malta, f’isem il-Gvern u l-Poplu Malti u Għawdxi. Nilqagħkom fil-Palazz Verdala fejn iltqajna lkoll biex niċċelebraw flimkien ir-rabtiet bejn Malta u l-Kroazja.

President Milanović u Professur Sanja Musić Milanović, nilqagħkom għal din iċ-ċena ad unur tagħkom biex niċċelebraw ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna.

Din iż-Żjara Statali tagħkom f’Malta hija segwitu ferm opportun u f’waqtu għaż-żjara tiegħi fil-Kroazja f’Ottubru li għadda.

President Milanović, nirringrazzjak għat-taħditiet produttivi li kellna f’Zagreb, li jien konvint li servew ta’ tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll tal-viżjoni komuni għar-reġjun tagħna u lil hinn minnu.

Nibqa’ kunfidenti ħafna li minkejja x-xenarju internazzjonali inkwetanti, Malta u l-Kroazja ser jirnexxilhom jibnu fuq l-interessi komuni tagħhom kemm mil-lat politiku kif ukoll fl-oqsma kummerċjali u kulturali.

Ix-xewqa tiegħi hija li l-ħafna possibbiltajiet li jeżistu fis-setturi tal-kummerċ u l-investiment, is-servizzi, l-edukazzjoni u t-turiżmu, biex insemmi biss ftit, jiġu esplorati b’mod prattiku mit-timijiet rispettivi tagħna biex isir progress konkret.

Dawn il-proġetti bilaterali jistgħu jserrħu fuq is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea, li tipprovdilna pjattaforma eċċellenti biex jiġu ffaċilitati u jitħaffu l-kuntatti fil-livelli kollha.

Din l-istess sħubija tippermettilna wkoll li nikkooperaw mill-qrib f’tisħiħ istituzzjonali akbar, bħaż-żoni Euro u Schengen, fl-interess tal-popli tagħna, u għall-benefiċċju tal-Unjoni nnifisha.

Ippermettili għalhekk nieħu din l-opportunità, President Milanović, biex inwassal l-appoġġ ta’ Malta lill-Kroazja biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Konvint li minbarra l-appoġġ fil-livell politiku biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, it-timijiet tekniċi tagħna f’Malta ser ikunu dejjem lesti li jipprovdu lill-kontropartijiet Kroati tagħhom bl-għarfien espert u bl-aħjar prattiċi li ksibna tul is-snin.

Wara kollox huwa dan l-ispirtu ta’ kooperazzjoni u bibien miftuħin li jiġġenera sens ta’ sħubija f’Unjoni ta’ valuri komuni.

Mill-perspettiva tal-livell taċ-ċittadini, ser ikun interessanti naraw kif ser tissarraf fil-prattika il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, b’mod partikolari fid-dawl tal-isfidi globali li jinsabu wara l-bieb.

Ikunu x’ikunu ċ-ċirkustanzi, il-Konferenza ma għandhiex titlef l-importanza li tat sa issa liċ-ċittadin.

Eċċellenzi,

Mistednin Distinti,

Meta l-President Milanović u jien iltqajna s-sena l-oħra, ftit li xejn konna nafu, jew saħansitra nimmaġinaw, li ftit xhur wara biss konna ser naraw gwerra tiżviluppa.

Jiena u l-President dalgħodu kellna l-opportunità li nitkellmu dwar il-gwerra mhux provokata, tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Nibqa’ sod fil-kundanna tiegħi tal-attakki atroċi li qegħdin iseħħu ta’ kuljum, tat-telfien tal-ħajja u tal-fatt li miljuni ta’ persuni ċivili innoċenti kellhom jaħarbu minn pajjiżhom.

Malta ser tibqa’ tappoġġja lill-Ukrajna u lill-poplu qalbieni u erojku tagħha permezz ta’ azzjoni fil-livell politiku iżda wkoll billi tipprovdi għajnuna umanitarja tanġibbli u billi tilqa’ refuġjati, b’mod partikolari tfal li jeħtieġu trattament mediku urġenti.

Kif jista’ jara kulħadd, din il-gwerra ma tinvolvix biss żewġ pajjiżi.

Din ħasdet lill-komunità internazzjonali, bil-membri tal-Unjoni Ewropea, b’mod speċjali, juru għaqda u koeżjoni bħal qatt qabel.

L-effetti tagħha laqtuna bil-kbir, hekk kif qed niffaċċjaw ir-riskju ta’ kriżi globali tal-ikel, insigurtà tar-riżorsi tal-enerġija u tfixkil fir-rotot tal-bastimenti tal-merkanzija.

Minbarra dan kollu, theżżu r-regoli li fuqhom huma msejsa ir-relazzjonijiet internazzjonali.

Din l-instabbiltà affettwatna lkoll b’xi mod jew ieħor. Forsi b’mod aktar dirett, din qed tħalli l-konsegwenzi tagħha fuq il-Balkani tal-Punent, reġjun li kemm il-Kroazja kif ukoll Malta jsegwu tant mill-qrib.

F’dan l-istadju aktar minn qatt qabel, huwa indispensabbli, li nibqgħu konsistenti fil-messaġġ tagħna lil dawn il-pajjiżi fir-rigward tal-perspettiva Ewropea tagħhom.

Jeħtieġ li nżommu f’moħħna l-aspirazzjonijiet tal-popli u li dawn jistgħu jitilfu it-tama u l-ħeġġa għall-benefiċċju ta’ influenzi oħra barranin.

Fl-istess ħin, jibqa’ kruċjali li nfakkru lis-sħab internazzjonali tagħna li s-sitwazzjoni fil-Mediterran jistħoqqilha attenzjoni xierqa.

Dan japplika għal istituzzjonijiet reġjonali prominenti bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), li fil-fehma tiegħi tista’ tikkontribwixxi bil-kbir għall-proċess ta’ stabbiltà u demokratizzazzjoni fil-pajjiżi sħab tagħna fin-Nofsinhar.

Iż-żoni ta’ instabbiltà fl-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani ma għandhomx jiġu indirizzati biss meta t-tensjonijiet jilħqu l-ogħla punt tagħhom u fl-aħħar sekonda qabel tfeġġ xi kriżi.

Jeħtieġ li ninvestu aktar enerġija f’dan ir-reġjun. Din ma hijiex logħba ta’ min jirbaħ u min jitlef, fejn l-attenzjoni tingħata lil-Lvant, għad-detriment tal-Mediterran.

Jiena ser nagħmel dan il-punt, fost oħrajn, lill-kollegi l-oħrajn tiegħi fil-Laqgħa Informali tal-Kapijiet ta’ Stat Mhux Eżekuttivi tal-UE, magħrufa aktar bħala l-formazzjoni Arraiolos, meta ser nilqagħhom għal-Laqgħa f’Malta fis-6 ta’ Ottubru.

President Milanović, Professur Musić Milanović, jiena u Miriam nittamaw li nkunu nistgħu nilqgħukom għal dik l-okkażjoni wkoll.

Ċertament li l-attenzjoni kostanti fuq il-Mediterran ser tiġi mħarsa hekk kif Malta tieħu s-siġġu tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-1 ta’ Jannar 2023, wara s-suċċess kbir fl-elezzjoni ta’ ftit tal-jiem ilu.

Matul dan il-mandat fil-Kunsill tas-Sigurtà, Malta ser tikkonċentra u tiffoka fuq kwistjonijiet globali urġenti oħrajn bħat-tibdil fil-klima, il-fenomenu tal-migrazzjoni u l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli stabbiliti fl-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Dan ir-rwol distint żgur li ser ikompli jsaħħaħ id-determinazzjoni ta’ Malta li tagħti sehemha fil-ħarsien tal-proċessi ta’ diplomazija multilaterali u fil-bini tal-fiduċja u tar-rieda politika meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi globali.

Aħna għandna interess fundamentali li nżommu l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli – ordni fejn is-saħħa ma tirbaħx fuq id-dritt.

Dan huwa essenzjali għal kulħadd, inkluż għall-istati ż-żgħar bħal tagħna, Malta u l-Kroazja.

Naċċertak, President Milanović, li fil-qadi ta’ dawn id-dmirijiet onerużi, Malta ser tibqa’ sieħba affidabbli u fdata tal-Kroazja.

Għeżież mistednin,

Sinjuri,

Issa nitlob lilkom ilkoll biex tgħollu t-tazzi tagħkom u nixorbu għas-saħħa tal-Eċċellenza Tiegħu Zoran Milanović u għall-ħbiberija dejjiema bejn il-poplu tal-Kroazja u l-poplu Malti.

Skip to content