Onorevoli Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ,
Dekan tal-Korp tal-Konsli Onorarji,
Membri tal-Korp tal-Konsli Onorarji,
Huwa l-pjaċir tiegħi li qiegħed nindirizzakom bħala l-President ta’ Malta għall-ewwel darba f’dan il-Palazz imponenti fil-Belt Valletta.
Il-COVID-19 u r-restawr radikali f’dan il-Palazz matul dawn l-aħħar snin ma ppermettewx li niltaqgħu qabel, f’ din il-binja.
Dawn l-inizjattivi u t-tradizzjonijiet, li jniedu l-bidu ta’ sena ġdida, huma fihom infushom ta’ inċentiv u inkoraġġiment għas-sena li ġejja.
Kuntent ferm li qiegħed nilqagħkom ilkoll hawnhekk dalgħodu.
Intenni l-apprezzament tiegħi, li esprimejt f’diversi okkażjonijiet oħra, għall-għajnuna tanġibbli li pprovdejtu fil-qilla tal-pandemija meta ġiet mitluba l-għajnuna tagħkom mill-individwi u l-familji li b’ sens ta’ urġenza, kellhom jerġgħu lura lejn il-pajjiżi rispettivi tagħhom.
Filwaqt li nibqgħu kawti, ejjew nittamaw li dan il-kapitlu ikrah għadda.
Mistednin distinti,
Fir-rutini ta’ kuljum, il-ħidma li intom twettqu b’tant diliġenza bħala Konsli Onorarji spiss ma tiġix mifhuma sew, aħseb u ara kemm tiġi apprezzata mill-pubbliku inġenerali.
Madankollu, għalkemm mhux dejjem tidher, hija siewja immens.
Kelli ħafna opportunitajiet biex napprezza d-differenza li intom tagħmlu għar-relazzjonijiet bilaterali ta’ Malta, għal rabta kummerċjali, għal investiment, jew għal ċittadin li jsib ruħu f’diffikultà, permezz tal-esperjenzi li rajt fir-rwol tiegħi ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Minbarra r-riżultati li tagħtu fl-oqsma li toperaw fihom, intom fuq kollox ħolqa essenzjali biex twasslu messaġġ ta’ rieda tajba fil-pajjiżi li tirrappreżentaw.
Il-kontenut tar-rapporti tagħkom u l-kuntatti tagħkom mal-awtoritajiet fuq in-naħa l-oħra jistgħu jxaqilbu l-miżien u jagħtu impressjoni qawwija b’mod jew ieħor.
Għaldaqstant, ir-rwol tagħkom iġorr miegħu responsabbiltà kbira.
Inħeġġiġkom biex tużaw il-funzjonijiet tagħkom bl-aħjar mod billi tagħtu l-aktar rapporti preċiżi possibbli dwar il-modi kif Malta qiegħda taħdem biex issaħħaħ l-istituzzjonijiet regolatorji tagħha u biex tkompli toffri ambjent għan-negozju u l-investiment, b’mod speċjali f’oqsma ġodda u innovattivi.
Minn perspettiva aktar tanġibbli, aħna nserrħu fuq il-kapaċitajiet tagħkom li tippromwovu l-interessi ta’ Malta f’diversi setturi bħall-industrija tat-turiżmu u l-istudju tal-Ingliż, fil-qasam marittimu u fis-setturi tal-avjazzjoni u tal-farmaċewtika fost oħrajn.
Flimkien, irridu nkomplu ninvestu f’dawk l-oqsma innovattivi li fihom Malta diġà tat xhieda tas-suċċess tagħha, u fl-istess ħin infittxu wkoll opportunitajiet ġodda li jistgħu jirnexxu f’Malta.
Irid jintlaħaq bilanċ kbir bejn li nkunu ċentru ta’ innovazzjoni li jattira inizjattivi internazzjonali ġodda u li fl-istess ħin nagħtu opportunitajiet lill-ħaddiema tagħna, b’mod speċjali l-ġenerazzjoni żagħżugħa, biex jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa f’Malta stess.
Mill-perspettiva komunitarja, intom isservu ta’ pont li jiffaċilita l-iskambji bejn il-popli u l-kulturi. Kif bdejna napprezzaw ilkoll, Malta, bħal pajjiżi oħra, qiegħda ssir dejjem iżjed multikulturali.
Huwa bis-saħħa tal-għajnuna valida u tal-kontribut ferm apprezzat tagħkom li l-awtoritajiet lokali jistgħu jkomplu jiżguraw li jitħarsu l-interessi taċ-ċittadini barranin kollha li qegħdin jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jagħtu sehem mhux żgħir għas-suċċess ekonomiku li qiegħda tesperjenza Malta bħalissa.
Fl-istess ħin, bħala Konsli Onorarji, intom għandkom ukoll rwol importanti ħafna biex tedukaw lil dawn il-barranin fl-obbligi u d-drittijiet legali tagħhom, mill-mument li jibdew jgħixu f’Malta.
Nappellalkom ilkoll biex tinvestu l-enerġiji tagħkom biex tiffaċilitaw id-djalogu u l-kuntatti fil-livell taċ-ċittadini bejnna, il-Maltin u l-Għawdxin, u l-mistednin barranin tagħna, b’kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet governattivi, il-kunsilli lokali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Ix-xenarju internazzjonali attwali huwa wieħed instabbli ferm.
Mistednin Distinti,
Mill-aħħar darba li ltqajna, faqqgħet gwerra fl-Ewropa.
Kważi sena mill-bidu tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, sfortunatament sirna familjari mal-qerda u t-taqlib drammatiku li ġabet magħha.
Għexieren ta’ eluf ta’ nies mietu, għexieren ta’ eluf ta’ nies korrew, eluf għad m’hemmx aħbarhom, u aktar minn erbatax-il miljun persuna kellhom jitilqu minn darhom. Saret ħsara bla qies lill-bini u l-proprjetà. Ħsara inkalkulabbli lis-saħħa mentali ta’ kulħadd, speċjalment it-tfal żgħar.
Aħna, min-naħa tagħna, qegħdin inħossu d-daqqa tal-konsegwenzi tagħha fuq l-ekonomiji u l-provvisti tal-enerġija tagħna, il-prezzijiet u d-distribuzzjoni.
F’dan l-isfond, li issa qiegħed jinfirex lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa Ċentrali, huwa aktar urġenti li l-Korp Konsulari jkompli jagħti l-kontribut uniku tiegħu biex tiżdied il-ħidma bilaterali u multilaterali fl-interess ta’ network aktar ikkonsolidat fil-livell tan-negozju, tal-kummerċ u tal-enerġija.
Fil-kuntest tal-lum, nixtieq nirreferi wkoll għall-bidu tal-esperjenza prestiġjuża li Malta ser tagħmel fis-sentejn li ġejjin bħala Membru mhux Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà.
Dan huwa żmien straordinarju għal pajjiżna, hekk kif ikompli jsaħħaħ il-profil internazzjonali u multilaterali tagħna. Konvint li intom ser issegwu ferm mill-qrib il-ħidma ta’ Malta f’dan ir-rwol, u tgħinu, jekk jinqala’ l-bżonn, billi tipprovdu jew tiffaċilitaw kull appoġġ li nistgħu nkunu neħtieġu biex inwettqu dan il-kompitu kbir.
Nagħlaq billi nħeġġiġkom tkomplu bil-ħidma tajba tagħkom bħala ħolqa fundamentali fil-katina li tħares il-ġid tas-soċjetà tagħna u tal-familja globali tagħna b’mod aktar wiesa’.
Fix-xhur li ġejjin, ser inżomm l-impenn tiegħi li nkompli naħdem magħkom ilkoll għal dan l-għan.
Nawguralkom Sena Ġdida mimlija saħħa u prosperità.



