The President of Malta

Diskors tal-E.T. George Vella, waqt żjara fil-Borża ta’ Malta, 21 ta’ Ġunju 2022

L-ewwel nett, nixtieq nirringrazzjakom għal dan l-invit biex niġu hawnhekk u naraw. Irrid nammetti li dħalt l-ewwel darba hawn ġew, kont narah mill-istampi, però żgur li mhux ser inkellimkom fuq in-natura tax-xogħol tagħkom. Huwa xogħol delikat kif ġie spjegat lilna, xogħol illi qiegħed taħt l-iskrutinju l-ħin kollu u li jrid jipprova lilu nnifsu li huwa worth it li wieħed ikompli sejjer bih.

M’hemmx dubju li hawnhekk ovvjament jirrifletti ruħu anke l-istat tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Fis-sens li l-kumpaniji li jiġu attirati, għaliex ikun hawn kunfidenza, kumpaniji li jibqgħu, għaliex ikollhom servizz tajjeb u anki joffru l-opportunità għal min irid jinvesti. Apparti l-fatt li huma wkoll għandhom l-opportunità li jiġbru l-kapital mhux neċessarjament kif kien isir fil-passat mill-banek biss.

Dan mhux dettall tekniku, bħalma tafu, imma sempliċiment missjoni ta’ sitwazzjoni bħal din li trid tibqa’ żżomm l-identità tagħha u tibqa’ żżomm il-kapaċità tagħha li tiġi apprezzata għal dak li qed tagħmel.

Jiena dejjem, kif nagħmel kullimkien, napprezza ħafna x-xogħol li jagħmlu l-ħaddiema. Dan ma jsirx bil-maniġment biss, dan ma jsirx bl-istruttura tal-injam u ma jsirx bl-istruttura tal-kompjuters, isir għax kull ħaddiem jagħti l-kontribut tiegħu u l-appell tiegħi dejjem hu li apparti li nkunu grati lejn pajjiżna, fl-istess ħin għandna wkoll inkunu kommessi li x-xogħol tagħna nagħmluh kif suppost isir ħalli dik li hija l-eċċellenza nilħquha.

Kif ġie spjegat lili diġà, tafu li Malta m’għandhiex pajjiż maqtugħ, fis-sens ta’ gżira maqtugħa, però nafu li qegħdin nikkompetu ma’ istituzzjonijiet bħal dawn li huma ħafna ikbar u biex nibqgħu nieħdu x-share tagħna f’dan is-suq internazzjonali, ovvjament irid ikun hemm l-effiċjenza u jrid ikun hemm anki l-kwalitajiet l-oħra kollha li jattiraw l-investitur.

Jiena nappellalkom biex id-dedikazzjoni għax-xogħol tkun id-dover tagħna fil-livelli kollha li nkunu qegħdin fihom, mhux qed ngħid min qiegħed fuq u min qiegħed isfel, kulħadd minna, kull min qed jaħdem, kull min qiegħed f’uffiċċju, qiegħed f’pożizzjoni. Jekk aħna dan il-pajjiż żgħir ma nagħtuhx il-massimu tagħna, dan il-pajjiż ma jistax jgħix. Aħna ekonomija żgħira, pajjiż żgħir, meta naraw il-pajjiżi l-kbar biex nikkompetu magħhom, speċjalment fi ħdan l-Unjoni Ewropea, irridu, kif ngħidu bil-Malti, naqdfu ħalli nibqgħu fuq quddiem u dan jiddependi minn kull wieħed u waħda minnkom.

Nemmen li anki l-kundizzjonijiet tax-xogħol imbagħad huma importanti ħalli ’l dak li jkun iġegħluh ikun kuntent fuq xogħlu. Nafu li barra x-xogħol kull wieħed u waħda minna għandhom ukoll magħhom il-familji tagħhom, il-problemi li jistgħu jiġu, id-dwejjaq, il-pjaċir li jista’ jkun hemm fil-familji, u dan huwa xi ħaġa li wieħed irid jifhmu meta lill-ħaddiem qegħdin nipprovaw nagħtuh iċ-ċans kollu biex jagħmel l-aħjar li jista’ fiċ-ċirkostanzi li jkun hemm.

U allura iktar ma jkollok sintonija bejn il-ħaddiema u bejn il-maniġment, li jifhmu lil xulxin u jagħdru lil xulxin, jiena naħseb li dan huwa ċ-ċavetta tas-suċċess ’il quddiem.

Jien nawguralkom li tkomplu taħdmu f’din l-armonija li hawn hawnhekk u fl-istess ħin, kif qed ngħid, wieħed mhux biss jissetilja fil-job u jgħid: “Isma’ dan hawnhekk miexi tajjeb”. Bħalma nafu, illum il-ġurnata, kull professjoni trid il-continuous education, trid tibqa’ tistudja, trid tibqa’ tfittex, trid tibqa’ tara x’qed jiġi żviluppat f’dak is-settur u anke wieħed jagħmel l-almu tiegħu kollu biex jirranġa l-performance tiegħu minn dik li kienet ilbieraħ.

Mill-ġdid grazzi tal-invit u nawguralkom iktar suċċessi għal din l-istituzzjoni.

Grazzi ħafna.

Skip to content