Ministru għat-Turiżmu, l-On. Julia Farrugia Portelli Chairman, Dr. Kenneth Spiteri
CEO, Sur Pierre Fenech
Nibda billi nirringrazzjakom għal dan it-tour mifrux li tajtuni dalgħodu u ta’ din l-opportunita’ li nsellem lill-impjegati u diriġenti kollha tad-Dar tal-Mediterran Għal Konferenzi.
Qed niltaqgħu fi żmienijiet ta’ sfidi, għal kulħadd.
Intom li qed toperaw fis-settur turistiku u li mdorrijin taħdmu fuq avvenimenti tal-massa jew li jinvolvu numri kbar ta’ nies – id-daqqa ħassejtuha fil-laħam il- ħaj.
Tista’ tgħid illi li kieku ma kontux proattivi u innovattivi, ix-xogħol hawnhekk kien jieqaf għal kollox hekk kif bdiet l-imxija tal-virus f’Marzu.
Minflok ma qtajtu qalbkom u bkejtu xortikhom, rajtu x’għamiltu biex tagħmlu użu tajjeb minn dawn ix-xhur ta’ pawża.
Fil-laqgħat u żjarat kollha li kelli sa issa ma’istituzzjonijiet u entitajiet oħra simili għal din tagħkom, sħaqt li f’dawn iċ-ċirkostanzi irridu nagħmlu eżerċizzju ta’ riflessjoni u barra mill-miżuri relatati ma’ saħħa u ndafa naraw ukoll kif jista’ jittejjeb l-operat.
Dan intom għamiltuh – u b’entużjażmu – u r-riżultati diġa qegħdin jidhru. Minn ċertu aspetti dan kien mument idejali li waqtu tagħmlu eżerċizzju ta’ tiġdid mingħajr, ma toħolqu inkonvenjent għall-eluf ta’ klijenti tagħkom.
Għaldaqstant, inrodd ħajr lilkom u lill-kollegi kollha tagħkom, talli tajtu sehemkom, kull wieħed skond il-qasam u r-responsabbiltajiet tiegħu, u għall- isforzi li għamiltu sabiex jirnexxu numru ta’ proġetti siewja.
Dak li sar b’mod tanġibbli u fattwali, ser ikun ta’ ġid u benfiċċju dejjiemi għall- istruttura, bħal per eżempju titjib fl-aċċessibilita’, tiġdid operazzjonali, tibdil fl- aperturi, installazjonijiet tal-elettriku etc.
Eżempju ċar u prominenti huwa propju dan il-bejt li ġie inawgurat waqt l-imxija tal-pendemija, f’ Awwissu li għadda. Kif ninsab infurmat, dan il-bejt jikkonsisti f’area ta’ 1,100 metri kwadri u sewa €2.5 miljun u huwa parti minn investiment totali ta’ €8 miljuni mibdi mill-Ministeru għat-Turiżmu u ko-finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea tul dawn l-aħħar ħames snin.
Minbarra xogħol ta’ tisbiħ u rinovar tal-bejt, dan l-investiment ikopri wkoll il- Mużew Virtwali li għadni kemm ħadt pjaċir inżur ftit tal-minuti ilu.
Nifirhilkom għax sewwa sew, dan il-Mużew huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu f’pajjiżna fejn permezz tal-użu tat-teknoloġija ta’ augmented reality joffri esperjenza unika ta’ 18-il xena marbuta mal-istorja ta’ pajjiżna.
Naħseb li dan kien pass verament għaqli minn naħa tagħkom, għaliex fl-aħħar mill-aħħar tkunu qegħdin tedukaw intom u tispjegaw – b’mod mill-iktar simpatiku – x’kienu funzjonijiet ta’ dan iċ-ċentru tul l-istorja ta’ pajjiżna, bħala
sptar fi żmien il-Kavallieri, għat-Tieni Gwerra Dinjija, sa ma niġu għall-ġurnata tal-lum.Niftakru snin twal imwaqqa’, u nagħmel wieħed mill-eżamijiet tal-‘O’ Levels f’parti mis-Sala li kienet għadha wieqfa. Niftakar l-ispeċjalista Paul Cassar, Storiku tal-istorja tal-Mediċina f’Malta, u Awtur tal-Ktieb ‘Medical History of Malta’ dejjem jisħaq biex dan l-isptar jerġa’ jinbena.
Niftakar meta nbeda’ x-xogħol b’ħafna għaġġla biex jilqa’ Konferenza tal- CSCE (OSCE) fl-1979. Inħaraq u reġa’ nbena.
Konferenzi li nżmmew fih: EU-Africa Summit dwar l-Immigrazzjoni, ic- CHOGM ta’ 2005 u dak ta’ 2015, xogħlijiet teatrali u spettakli.
Sinjuri,
Il-meravilja ta’ dan il-proġett li wrejtuni llum, tinsab fil-fatt li qed titħaddem teknoloġija mill-iktar moderna biex tingħata ħajja lill-imgħoddi.
Nista’ ngħidilkom b’garanzija, li Maltin, barranin, kbar u tfal ser jitpaxxew b’dan il-proġett. Dawn affarijiet li dari lanqas biss konna noħolmuhom, u llum jinsabu biss għafsa ta’ buttuna ‘l bogħod.
Għandkom għaliex tkunu kburin bil-viżjoni wiesgħa li nisslet u tat ħajja lil dawn l-inizjattivi.
Hekk kif kif dan il-bejt mhux biss jista’ jitgawda mill-Maltin u mit-turisti li jiġu jżuru l-mużew virtwali imma jista’ jintuża wkoll għal konferenzi u għal attivitajiet oħra. Dan kollu bil-ġmiel tal-Port il-Kbir bħala xenarju.
Dan li għamiltu jilħaq ukoll qofol importanti ieħor li jikkonċerna l-benefiċċji li Malta qed tgawdi minn Fondi Ewropej.
Mill-perspettiva tal-iżvilupp kontinwu ta’ pajjiż, ħadt pjaċir nara kif Fondi Ewropej qed ikollhom effetti pożittivi, diretti fuq il-wirt u l-infrastruttura storiko-kulturali Maltin.
B’sodisfazzjon ninnota li minn €8 miljun għal dan il-proġett, b’€4.2 miljun minnhom huma Fondi Ewropej u li dan qed jimxi id f’ id ma’ żewġ proġetti oħra b’fondi Ewropej ukoll, li huma r-restawr tal-parti ta’ fuq ta’ Sant’Iermu u l-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Marsamxett.
Taqblu miegħi li dawn huma proġetti fundamentali li permezz tagħhom ikompli jisaħħaħ l-investiment fin-naħa ta’ isfel tal-Belt Valletta.
Huwa propju dan l-ispirtu ta’ innovazzjoni u tiġdid kontinwu li għandu jkompli jmexxikom tul dawn il-ġimgħat, jekk mhux xhur ta’ inċertezza.
B’hekk, la nerġgħu niġu għan-normalita’, id-Dar tal-Mediterran għall- Konferenzi mhux talli tkun tista’ terġa topera, iżda tkun iktar attrezzata u kompetittiva, mhux biss lokalment iżda fir-reġjun kollu tal-Mediterran u lil’ hinn.
Nisħaq hawnhekk fuq l-element reġjonali u internazzjonali, u nitkellem mill- esperjenza tiegħi stess.
Fl-2016, fil-kapaċita’ tiegħi ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin kont laqqajt hawnhekk, ‘ l fuq minn 600 żagħżugħ u żagħżugħa mill-Mediterran kollu f’laqgħa unika msejjħa ‘Young Mediterranean Forum’. Qabel dan, fl-1997, kont stedint hawnhekk ukoll laqgħa ta’ importanza reġjonali kbira, il-EuroMed Conference, li ġabret Ministri oħra bħali mir-reġjun għal-taħdidiet sensittivi, u li biha ġie salvat il-proċess Ewro-Mediterranju, magħruf bħala l-Proċess ta’ Barcelona, li kien twaqqaf fl-1995.
Qed insemmi dawn l-istanzi partikolari għaliex ninsab verament konvint illi, apparti mill-qasam strettament turistiku, dan iċ-ċentru huwa tassew ideali biex tkompli tissaħħaħ il-vokazzjoni ta’ pajjiżna bħala ċentru ta’ djalogu internazzjonali.
It-taħlita ta’ struttura moderna ma’ element qawwi storiku u kultuali li huma uniċi għal pajjiżna, jagħmlu l-MCC attrazzjoni ewlenija fil-Mediterran bħala ċentru t’eċċellenza li jilqa’ avvenimenti u konvenzjonijiet internazzjonali.
Biżżejjed insemmi kif fl-2019 biss madwar 167,000 viżitatur żaru Dar il- Mediterran fejn 15,000 minnhom kienu biss għall-konferenzi.
Ir-rwol tad-Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi huwa għalhekk kruċjali biex pajjiżna jkompli jgħolli l-livell u l-kwalità tal-prodott bl-iskop li Malta terġa ssib saqajha f’din in-niċċa, u tkompli tkun apprezzata bħala destinazzjoni ewlenija, jekk mhux unika, fil-Mediterran.
Intom ilkoll, f’ kull livell – mill-kbir saż-żgħir, issawru ħolqa prezzjuża li biha għad tirpilja l-ekonomija Maltija meta noħorġu minn dan il-kapitlu iswed, bir- rieda qawwi li tant aħna magħrufin għaliha aħna l-Maltin.
Inroddilkom ħajr għall-hidmietkom, u nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom kull barka u saħħa.
Grazzi.