The President of Malta

Prof. Friggieri Mistidnin distinti

Nilqagħkom hawn il-lejla u nesprimi l-pjaċir tiegħi li ġejtu tant numerużi għal din is-serata mużiko-letterarja li organizzajna f’ġieħ il-professur oliver friggieri.

Jien naf lill-prof. Oliver friggieri mill-bogħod fil-ħajja ċivili – u kemm kemm aktar mill-qrib permezz tal-kitbiet tiegħu.

Bħalma ħafna jafu, il-qasam professjonali li nappartjeni għalih jien mhuwiex dak tal-letteratura. Għalhekk, b’umiltà ngħid li ma nistax inqis lili nnifsi bħala espert fil-qasam letterarju. Irrid ngħid però, li l-prof. Friggieri ilu biżżejjed fil- qasam letterarju malti, li wieħed ma jistax, jaqbel miegħu, jew ma jaqbilx, ma jkollux opinjoni ffurmata fuq il-ħiliet artistiċi tiegħu u fuq dak li jinbuttaħ biex jikteb u dwar l-għan aħħari tal-kitbiet tiegħu.

Nixtieq inħares lejn il-prof. Friggieri bħala dak l-awtur malti li mill-kitba tiegħu nista’ nislet dak li għalija hu tant għal qalbi u li esprimejt ċar u tond fid-diskors tal-ħatra tiegħi bħala president. Nirreferi għall-appell li għamilt biex nirrispettaw aktar l-identità maltija u l-għeliem li jixhdu għaliha, bla dubju, l-ewwel fosthom, l-ilsien malti u l-espressjoni tiegħu fil-letteratura maltija u fl-użu tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum.

Minflok infittex tnebbiħa mill-lista twila ta’ pubblikazzjonijiet li għanew il- wirt letterarju nazzjonali, , , għażilt li nislet il-ħsus tiegħek dwar il-kuxjenza nazzjonali – li int ħassejt li għandek tikteb tant fuqha – u kif din tinqara fil- kitbiet ta’ mikel anton vassalli u aktar tard fil-letteratura ta’ matul il-perjodu ingliż partikolarment il-kitbiet tal-poeta nazzjonali dun karm, inkluż l-innu malti.

Il-prof. Friggieri hu awtur malti li għaraf jinterpreta b’mod sħiħ il-mixja storika u kulturali tal-poplu malti lejn l-għarfien ħolistiku tan- nazzjonalità individwali tiegħu billi jwaħħad flimkien l-ilsien malti, l- espressjoni letterarja u l-ħidma politika. Għal prof. Friggieri dawn huma tabilħaqq t-tliet aspetti li bihom il-poplu malti wasal biex jagħraf lilu nnifsu.

Fl-kitbiet tiegħu, partikolarment dawk fuq il-kuxjenza nazzjonali, il-prof. Friggieri għaraf jagħtina kwadru mżewwaq u kkulurit ta’ poplu, personaġġi u ideali, ilkoll elementi li jiddefinixxu n-nazzjonalità maltija f’dak kollu li jagħżilha minn dik ta’ artijiet oħra, waqt li jdaħħalha fil-kultura tal-kontinent.

Dan hu kwadru ta’ poplu li għaraf jgħix il-mediterran minn lenti ewropeja mingħajr ma jinsa l-mod ta’ għixien mediterranju li llum huwa ħafna aktar għani, u bla ma jwarrab l-għeruq semitici ta’ lsienu.

Ma nistax hawnhekk ma nsemmix l-analiżi tal-innu malti li jagħtina prof. Friggieri – riflessjoni profonda u sinteżi tal-kuxjenza nazzjonali li l-prof. Friggieri jitkellem tant fuqha u li għaliha ddedika tant ħin ta’ kitba u riċerka. Skond l-prof. Friggieri, l-innu malti hu xhieda sħiħa tal-mediterranjetà partikolari li dan il-ġens iħaddan għaliex iżewweġ flimkien damma ta’ kliem semitiku ma’ ritmi poetici latini, prevalentement taljani. Tabilħaqq dun karm psaila, il-poeta zazzjonali, żamm sew f’moħħu li jwaħħad flimkien tendenzi politici u soċjetà li kienu qed jiġu riflessi fil-kwistjoni tal-lingwa u l-ġlieda politika ta’ bejn iż-żewg gwerrer il-kbar.

Din hi tabilħaqq il-vokazzjoni ta’ nazzjon li għandu jgħozz l-għeliem tal- għaqda – is-simboli nazzjonali tiegħu – l-ewwel u qabel kollox il-lingwa, l- ilsien li ġej mill-omm li tagħtna isimha hekk kif ċċelebrat ukoll fil-letteratura maltija li meħlusa mix-xkiel kolonjali, kibret u żviluppat mill-indipendenza u l-ħelsien ta’ pajjiżna ’l hawn.

Meta wieħed isemmi l-isem tal-prof. Friggieri, ma tistax ma tiftakarx fil- kontribut imprezzabbli li taha lil-letteratura maltija f’kuntest lokali u anki lil’hinn minn xtutna. Huma l-awturi ta’ ċertu stoffa li xogħolhom ikun mhux biss apprezzat iżda saħansitra maqlub f’diversi lingwi. Il-prof. Friggieri huwa

awtur li kitbietu, apparti bl-ingliż u bit-taljan, insibuhom tradotti għall- ungeriż, il-maċedonjan, l-isloven, u l-grieg fost oħrajn.

Meta wieħed jaqra x-xogħlijiet tiegħu, jinduna kemm it-temi f’kitbietu huma kollha temi li jirriflettu l-eżistenza tal-ħajja umana minsuġa bħal talba lil alla biex il-qarrej jagħraf li dak li hu emozzjonali u fiżiku jrid jitwaħħad ma’ dak li hu spiritwali biex tgħix it-totalità tal-kuntentizza tal-eżistenza, kemm jekk mumenti ta’ ferħ u dawk ta’ niket.

Bosta minnkom li ħdimtu mill-qrib jew saħansitra kontu studenti tiegħu, żgur kontu impressjonati bl-għerf tal-prof. Friggieri. Biss, l-aktar ħaġa li timpressjona lin-nies hija l-umiltà li biha kien kapaċi jaqsam l-għerf tiegħu mal-istudenti. Il-prof. Friggieri rebaħ diversi premijiet prestiġjużi u ismu huwa mxandar mal-erbat irjieħ tad-dinja, biss fl-umiltà tiegħu, nabbuża ngħid li l-akbar premju għalih kien kull meta l-istudenti tiegħu kienu jiggradwaw u jirringrazzjawh ta’ dak kollu li qasam magħhom u ta’ dak il-ġid kollu li qed iħalli warajh permezz ta’ ħidmietu.

Illum, f’soċjetà avvanzata f’kull livell tal-ħajja, wieħed ma jistax ma jarax il- qabża kbira li saret fit-teknoloġija. Meta l-prof. Friggieri beda ħidmietu, bħali, qatt ma basar li t-teknoloġija tant ser tiżviluppa li x-xogħol u r-riċerka li kien jagħmel fil-libreriji madwar id-dinja seta’ jibda, bejn wieħed u ieħor, jaċċessahom minn kull fejn ikun. F’dan il-kuntest, illum naraw ħafna nies li jesprimu ruħħhom b’kull mod fuq il-mezzi soċjali. Naraw ħafna kitbiet li

huma profondi u tieħu gost taqrahom, oħrajn, jinkitbu għaliex teżisti l- espressjoni ħielsa. Dan jiħodni għal ħajku li l-prof. Friggieri kiteb u jgħid hekk:

kemm kliem fil-lingwa! u l-itqal kelma tibqa’

met’ għandek tiskot.

Jien nawgura li kulħadd jirrifletti ftit fuq dawn it-tliet versi u meta nitkellmu jew niktbu xi ħaġa fuq kull mezz li jista’ jinqara jew jinstema’, l-individwi jagħrfu jużaw il-kelma għall-ġid komuni u mhux interess personali li jista’ jkun a skaptu tal-benesseri ta’ ħaddieħor.

Nixtieq nagħlaq billi insellem lill-prof. Friggieri, li bis-saħħa tal-kontribut letterarju estensiv tiegħu għaraf jixħet dawl fuq it-triq li dan in-nazzjon terraq tul iż-żmien, għaraf min hu, u fejn setgħet twassal it-triq li għażel,biex jifhem minnfejn ġie u fejn se twasslu fis-snin li ġejjin. Grazzi prof. Friggieri għall- kontribut tiegħek lejn is-soċjetà maltija u l-wirt nazzjonali.

Skip to content