E.T. President Michael D. Higgins Onorevoli Prim Ministru Onorevoli Speaker
E.T. Monsinjur Arċisqof Eċċellenzi
Mistednin Distinti
Bi pjaċir kbir nilqa’ lilek għażiż President Higgins flimkien mas-Sinjura tiegħek Sabina, fostna l-Maltin u l-Għawdxin, waqt din iż-Żjara Statali li ser tkompli ssaħħaħ il-ħbiberija bejn iż- żewġ pajjiżi u popli tagħna.
Għażiż President Higgins, għażilt li nilqa’ lilek u lis-sinjura ġentili tiegħek, Sabina, fostna llejla bl-ilsien Malti, li huwa tant għażiż għalina.
Għamilt dan bil-ħsieb li nagħtik merħba bl-iktar mod ġenwin u tipiku b’ilsien pajjiżna.
M’għandix dubju li ser tapprezza dan il-ġest, Eċċellenza, għax naf sew kemm inti stess għandek għal qalbek il-lingwa Irlandiża – Gaeilge.
Ippermettuli nibda billi nesprimi l-pjaċir tiegħi li qegħdin hawn ilkoll miġburin illejla biex nilqgħu lill-President Higgins, li onorana biż-Żjara tant mistennija tiegħu fil-gżejjer tagħna.
Il-pjanijiet għal din l-okkażjoni kienu saru eżatt wara l-ewwel taħdidiet tagħna matul il-Laqgħa tal-Arraiolos fil-Greċja, f’Ottubru tal-2019, iżda b’xorti ħażina dawn tħarbtu u ġew posposti minħabba l-pandemija.
L-isfidi mingħajr preċedent miġjuba mill-pandemija tal-COVID ħolqu emerġenza tas-saħħa u għadhom jagħmlu ħerba fil-komunità globali tagħna, speċjalment fost il-ġenerazzjonijiet anzjani u l-persuni vulnerabbli.
Ejjew nibqgħu ottimisti u sodi fil-fiduċja tagħna fix-xjenza biex niżguraw li din il-ħolma kerha tispiċċa u tinstab soluzzjoni dejjiema, ġusta u effettiva, u li tista’ wkoll titgawda miċ-ċittadini kollha tad-dinja.
Għeżież mistednin,
Dawn it-tipi ta’ diskorsi formali normalment jisħqu fuq il-progress li jkun sar, jew il-potenzjal li jkun għadu jista’ jiġi utilizzat, fir-relazzjonijiet bilaterali bejn żewġ pajjiżi.
Iżda fil-każ ta’ Malta u l-Irlanda, inħoss li dan ma jkunx biżżejjed.
Dan għaliex l-affinitajiet u s-similaritajiet tagħna jmorru lil hinn mill-kuntest bilaterali.
Il-pajjiżi tagħna huma t-tnejn gżejjer bi storja mifruxa fuq eluf ta’ snin, għonja u uniċi fil- patrimonju kulturali u reliġjuż tagħhom, u mżewqa b’identità marittima qawwija u diversi tradizzjonijiet.
F’punt partikolari matul iż-żmien, l-istorja għelbet il-ġeografija u l-pajjiżi tagħna kienu marbuta minn kapitlu kolonjali komuni u mixja parallela, għalkemm differenti, għall- Indipendenza eventwali tagħhom.
Iċ-ċirkostanzi socio-politiċi u ekonomiċi li nħolqu, wasslu biex il-pajjiżi tagħna saru pajjiżi ta’ emigranti, b’komunitajiet kbar mifruxa madwar id-dinja.
Kemm Malta kif ukoll l-Irlanda huma pajjiżi newtrali, b’konvinzjoni soda fil-proġett Ewropew.
It-tnejn li aħna sostenituri qawwija tal-multilateraliżmu bħala għodda għall-kisba tal-ġustizzja globali.
Illum iż-żewġ pajjiżi jgawdu minn ekonomiji reżiljenti li rnexxielhom jiddiversifikaw u jaġġustaw għaż-żminijiet moderni – mhux mingħajr sagrifiċċji, u b’fiduċja għamja fil-kapaċità tagħna li nadattaw u d-determinazzjoni li nirnexxu.
Fuq kollox, aħna żewġ popli inġenjużi u b’rieda soda li għelbu diversi ostakli tal-passat biex ikunu l-istejjer ta’ suċċess tal-lum.
Hekk kif qed insemmi l-popli, ma nistax ma nisħaqx fuq ir-rabta qawwija li l-poplu Malti jħoss lejn dak kollu li huwa Irlandiż.
Dan forsi minħabba trobbija fil-biċċa l-kbira Kattolika, sens qawwi ta’ familja u komunità, l- apprezzament tagħna għall-imħuħ letterarji l-kbar – Wilde, Yeats u Joyce – li kellna nistudjaw, u kif qaluli possibbilment anki U2 u Bono, li nieħdu gost nisimgħu.
Ħaġa waħda hi ċerta.
Fid-data tas-17 ta’ Marzu, il-gżejjer tagħna jinbidlu f’baħar ta’ lewn aħdar, u nissuspetta li saħansitra l-Qaddis Patrun Malti, San Pawl jgħir xi ftit għal sieħbu fil-ġenna, Patrizju.
Ippermettuli ngħaddi issa għal affarijiet iktar serji.
Forsi ż-żewġ pajjiżi tagħna mhumiex żewġ ġganti militari jew mexxejja tal-ordni internazzjonali, iżda dan ma jfissirx li aħna irrilevanti.
Qatt ma qgħadna lura milli nieħdu pożizzjonijiet sodi u niddefenduhom, fuq il-bażi tal-prinċipji u l-valuri fundamentali tagħna, anki fil-livell internazzjonali.
Dan jgħodd illum daqs qatt qabel, hekk kif qegħdin naraw gwerra sseħħ quddiem għajnejna fl- Ukrajina.
Aħna lkoll, flimkien maċ-ċittadini tagħna inlissnu l-ħasda, id-diżgust u r-rabja tagħna quddiem dawn ix-xeni terribbli ta’ distruzzjoni u disprament.
Aħna nibqgħu sodi u kategoriċi fid-difiża tas-sovrenità u l-integrità territorjali tal-pajjiż, bil- konfini tiegħu rikonoxxuti internazzjonalment, u d-dritt li jagħżel il-politika barranija u ta’ sigurtà tiegħu.
Fi ħdan l-Unjoni Ewropea għandna fehmiet konverġenti dwar kif din tista’ tkun iktar rilevanti permezz tar-rwol globali tagħha, l-attenzjoni li jeħtieġ li tingħata lil kwistjonijiet reġjonali urġenti bħall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani, u l-importanza li nagħtu lill-Għajnuna għall- Iżvilupp li tkun effettiva.
Aħna t-tnejn naraw il-ħtieġa li neqirdu l-populiżmu u minflok nimxu ma’ narrattiva ta’ djalogu u inklużjoni, filwaqt li nisimgħu dak li jridu mill-Unjoni Ewropea iċ-ċittadini tagħha.
Iktar riċenti, qegħdin naqsmu l-esperjenza li nsawru l-Konferenza dwar il-Futur tal-Unjoni Ewropea.
Ippermettili, President Higgins, nesprimi il-qbil tiegħi mas-sejħa tiegħek biex “nerġgħu ningħaqdu mat-toroq Ewropej”.
Irridu Unjoni Ewropea li tagħti opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna, li tħares u tiddefendi l- ġustizzja soċjali u li tipproteġi lill-iktar komunitajiet vulnerabbli tagħna.
Fuq kollox, nixtiequ Unjoni Ewropea li turi bil-fatti, u mhux bil-kliem biss, is-solidarjetà. Iż- żewġ pajjiżi tagħna jħaddnu dan il-valur, kull wieħed mill-perspettiva tiegħu. Ma nistax ngħid, biex inkun onest, li l-aspettattivi tagħna dejjem intlaħqu.
Fuq din in-nota, inrodd ħajr lill-Irlanda u nfaħħar l-isforzi tagħha biex tipprattika s-solidarjetà Ewropea billi tappoġġja lil dawk l-Istati Membri milquta direttament mill-flussi kbar ta’ migranti irregolari u fir-rilokazzjoni ta’ dawk li jfittxu ażil.
Malta hija grata b’mod partikolari għall-appoġġ dirett li qed tingħatha mill-Irlanda f’dan ir- rigward.
Għeżież President, Eċċellenzi
L-okkażjoni tal-lum tagħtina opportunità tajba ħafna biex nirriflettu dwar l-eżempju li qed ikomplu jagħtu ż-żewġ pajjiżi tagħna, u x’kontribut taw lill-komunità internazzjonali tul is-snin.
L-ewwel u qabel kollox, it-tnejn inħaddnu konvinzjoni qawwija fid-diplomazija multilaterali, li tindirizza t-tibdil fil-klima, l-inugwaljanzi, il-faqar, u n-nuqqas ta’ aċċess għall-edukazzjoni, bin-Nazzjonijiet Magħquda bħala l-istruttura ewlenija li biha naslu għal-soluzzjonijiet globali għal dawn l-isfidi kollha.
Iż-żewġ pajjiżi tagħna huma protagonisti ta’ din il-missjoni ambizzjuża.
L-Irlanda qiegħda sservi bħala membru mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan- Nazzjonijiet Magħquda għall-2021-2022 b’viżjoni ċara għall-“Bini tal-Paċi, it-Tisħiħ tal- Prevenzjoni tal-Konflitti, u l-Iżgurar tar-Responsabbiltà”.
Bl-istess mod, Malta qiegħda tfittex li sservi lill-komunità internazzjonali permezz tan- Nazzjonijiet Magħquda.
Bħala pajjiż li l-aspirazzjoni tiegħu hija li jippromwovi l-paċi u s-sigurtà, l-ugwaljanza u s- solidarjetà soċjali, Malta qiegħda tfittex li tiġi eletta għall-Kunsill tas-Sigurtà għall-perjodu 2023-2024, b’impenn sod li sservi lill-komunità internazzjonali u tħares il-valuri minquxa fit- Trattat tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Aħna ser nibnu fuq il-kisbiet tal-Irlanda billi niffokaw b’mod speċjali fuq in-Nisa, il-Paċi u s- Sigurtà; it-Tfal f’Konflitti bl-Armi; it-Tibdil fil-Klima u l-Oċeani; u l-Litteriżmu.
L-attivitajiet tagħna ser ikunu imsawwra fuq il-prinċipji tas-‘Sigurtà, is-Sostenibbiltà u s- Solidarjetà’.
Il-koperazzjoni tagħna fl-interess tal-paċi u l-istabbiltà globali ma tiqafx mar-riżoluzzjonijiet u d-deliberazzjonijiet. Hija wkoll waħda tanġibbli.
Fil-preżent, il-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ dawk tal-Irlanda, qed jagħtu sehemhom f’waħda mill-itwal operazzjonijiet immexxija min-Nazzjonijiet Magħquda, fil-Libanu.
Għażiż President Higgins,
Nagħlaq bi kliem ta’ apprezzament personali għall-ħidma ispirata li qiegħed twettaq f’pajjiżek u fost il-poplu tiegħek, kif ukoll magħna, is-sħab barranin tagħkom.
Nara fik, hekk kif qiegħed twettaq ir-responsabbiltajiet tiegħek bħala President – iżda wkoll fl- imgħoddi bħala Ministru, politiku, sindku, poeta – eżempju ta’ għerf u umanità għalina lkoll.
Nirringrazzjak għaż-Żjara tiegħek u naċċertak li qed nilqgħu lilek u lis-Sinjura Higgins, bl- akbar pjaċir fostna.
Issa nitlob lilkom ilkoll biex tqumu bilwieqfa u tgħollu t-tazzi tagħkom għas-saħħa tal- President Michael D. Higgins u s-Sinjura Sabina Higgins, u għall-ħbiberija bejn il-poplu tal- Irlanda u dak ta’ Malta.
Sláinte – Saħħa.