Jien wieħed minn dawk li ħadu l-edukazzjoni tagħhom fil-kulleġġ De La Salle fil- Kottonera fis-snin 1951-1956. Dawk kienu snin sbieħ li fihom ingħatajt formazzjoni li għadni sal-lum kburi biha.
Ngħid ħadt l-edukazzjoni, għaliex dak li tawna l-Brothers u l-ftit lay teachers li kien hemm dak iż-żmien kien aktar minn sempliċi tagħlim biex ngħaddu mill- eżamijiet.
Tawna edukazzjoni, fis-sens wiesgħa tal-kelma, li servietna matul il-ħajja.
Mal-kapaċitajiet fis-suġġetti varji, tawna wkoll kwalitajiet li bqajna napplikawhom matul ħajjitna kollha.
Il-Brothers kienu ruħhom u ġisimhom fit-tagħlim, u kienu jħalltu l-edukazzjoni formali mal-prattika u t-tħaris tal-valuri.
Tawna edukazzjoni mibnija fuq valuri Kristjani. Id-dixxiplina kienet tinħass imma ma kinitx kattiva. Kienet dixxiplina mħallta mal-imħabba. Tgħallimna l- pika kostruttiva mħallta mal-mogħdrija ta’ min kien aktar dgħajjef. Tgħallimna r-rispett lejn l-awtoritajiet, u sens qawwi ta’ kif wieħed jgħix f’komunità.
Dawn huma ftit mill-ħafna affarijiet sbieħ li rċivejna fil-Kulleġġ De La Salle u li għalihom għadni grat ħafna sal-ġurnata tal-lum.
Nieħu din l-okkażjoni biex insellem lil dawk l-għalliema kollha li llum mgħadhomx magħna. Insellem lil Bro Edward li għadu ħaj u mimli bil-għomor. Insellem ukoll lil dawk kollha li kienu f’dan il-kulleġġ miegħi u lil dawk l-eluf kbar li għaddew minn taħt idejn il-Brothers, u għadhom igawdu l-edukazzjoni li tawna.
Insellmilkom.