The President of Malta

Diskors tal-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta, Żjara ESPLORA

On. Segretarju Parlamentari Sur Chairman

Sinjuri,

Nibda’ qabel xejn biex nifirħilkom lkoll għar-riżultati evidenti tal-ħidma tagħkom.

Filwaqt li kont familjari diġa ma’ dan il-proġett innovattiv, bqajt tassew impressjonat bil-firxa u l-kwalita’ tal-ħidma tagħkom hekk kif bdejt inħejji għal din iż-żjara u dħalt f’aktar dettall tal-inizzjattivi li qegħdin tieħdu.

Dan huwa proġett nazzjonali, ta’ min wieħed għandu jkun tassew kburi.

Sa ftit żmien ilu, il-kelma ‘innovazzjoni’ konna kważi kważi norbtuha

mal-ġejjieni, xi ħaġa mhux tanġibbli u msejsa biss fuq teoriji akkademiċi u invenzjonijiet strambi.

Kemm konna żbaljati!

Fi żmien ġenerazzjoni waħda, tgħallimna li l-innovazzjoni hija waħda mis-sisien ta’ soċjeta’ dinamika, ekonomikament b’saħħitha, u li mingħajrha kemm l-edukazzjoni u kif ukoll id-dinja tax-xogħol jibqħu antikwati u mhux kompetittivi.

Għal min kien għad fadallu xi dubju, naħseb li l-Covid 19 wera’ biċ-ċar kemm is-soċjeta’, f’kull settur tagħha teħtieġ ir-riċerka, it-teknoloġija, u l-innovazzjoni.

Sibna rwieħna, jien inkluż, dipendenti fuq għodod teknologiċi mhux biss biex naħdem iżda wkoll biex inżomm il-kuntatti soċjali tiegħi.

L-innovazzjoni m’għadiex ħaga tal-futur, hija l-qofol tal-preżent.

Niġu għall-operat tagħkom u l-elementi li l-aktar laqtuni.

Ħa nibda bil K unsill Għax-Xjenza u T-Teknoloġija.

Ħadt gost ninnota kif kiber u evolva l-mandat tad-dipartimenti tekniċi tal-Kunsill minn dak li jagħti l-pariri lill-Gvern dwar ir-Riċerka u Innovazzjoni, għal responsabbilitajiet oħra li jinkludu t-tfassil tal-Istrateġija Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Nifhem li din isservi wkoll bħala kuntatt prinċipali għall- Framework Programme tal-UE, li jmexxu programmi ta’ riċerka nazzjonali sinjifikativi, li jieħdu ħsieb programmi oħra u inizjattivi ta’ livell internazzjonali, u li jixprunaw r-riċerka fil-komunità lokali.

Dan ifisser illi l-Kunsill huwa entita’ kompluta u stabbilita’, imsejjes fuq fundamenti lokali, nazzjonali, Ewropej u internazzjonali. Tista’ tgħid li lqattu l-prinċipji u rekwiżiti kollha ta’ struttura li laħqet sew il-milja tagħħa.

Bħal kull entita’ oħra, għandkom bżonn ta’ fondi sabiex ix-xogħol ikompli għaddej. Hawnhekk inrodd ħajr lill kull min kien fit-tmexxija matul is-snin u li ma qgħadx lura milli jinvesti fondi f’dan is-settur.

Huwa ta’ sodifazzjon nara kif id-dipartimenti tekniċi, fis-sena 2020, qed jieħdu ħsieb fond ta’ €3M bil-għan li jappoġġjaw proġetti ta’ riċerka mwettqa minn kumpaniji fis-settur tal-privat, dak akkademiku, kif ukoll pubbliku.

Apparti l-fondi, hemm fattur kruċjali ieħor li jsaħħaħ ir-riżultati tal-ħidmitkom – ir-rilevanza.

Ma stajtux, bħala Kunsill, tibqgħu passivi quddiem l-isfidi kbar u dejjiema li ġab miegħu dan il-Virus. Hadtu azzjoni f’waqtha u konkreta u qegħdin tmexxu fond ‘COVID-19 R&D’ ta’ €5.3M, li qed jitmexxa flimkien mal-Malta Enterprise.

Hija din il-ħidma u l-koperazzjoni id f’id, li nixtieq inkompli nara f’kull qasam tas-soċjeta’ Maltija. Ma nistgħux naħdmu independement wieħed mill-ieħor, speċjalment f’mumenti ta’ kriżijiet nazzjonali u internazzjonali.

Nemmen li r-rotta li nqabdet hija waħda tajba ħafna u nawgura lill-Kunsill kull suċċess, permezz tat-tkabbir ta’ fondi għar-riċerka lokali, u viżjoni wiesa’ ta’ kif, finalment, ix-xjenza u t-teknoliġija itejjbu l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.

Niġi issa għar-rwol li nemmen li għandu dan iċ-Ċentru Esplora, speċjalment biex jaqdi l-funzjoni edukattiva tiegħu.

Nibda’ mill-aspett strettament edukattiv – għalkemm nemmen li l-ġid li jġib miegħu, imur ferm ‘lil hinn mill-bankijiet u l-kotba tal-iskola.

Naf li wieħed mill-għanijiet ta’ dan iċ-Ċentru huwa dak li jħajjar aktar studenti tat-tminn sena jgħażlu suġġetti marbuta max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika fl-istudji taghhom.

Infatti qegħdin taħdmu qatigħ mal-iskejjel, familji u l-pubbliku sabiex dan l-objettiv jintlaħaq fuq skala nazzjonali flimkien ma’ entitajiet u msieħba oħra.

Qegħdin b’hekk tagħtu kontribut lis-soċjeta billi tħajjru, jew almenu turu x’inhuma dawk il-benefiċċji ta’ karriera fl-oqsma tax-Xjenza, Teknoloġija, Inġinjerija u Xjenza – dik li sirna nsjeħulha bl-Ingliż – STEM.

Dan qed isir b’mod dinamiku u b’kuntatt dirett mal-istudenti, permezz ukoll EXPO ta’ Karrieri kif ukoll Premju f’dan il-qasam sabiex tkomplu tħajjru liż-żgħażagħ tagħna b’mod tanġibbli.

Tafu daqsi u iktar minni, kif illum il-ġurnata, l-istudent żgħażugħ għandu spazju bla limitu li jsaqsi, jiskopri, jmiss b’idejh u juża s-sens kritiku tiegħu jew tagħħha u b’hekk nemmen li din hija idea tassew tajba li tqanqal sens ta’ interess f’dawk li huma miġbuda lejn dawn l-oqsma.

Inħeġġiġkom tkomplu taħdmu fuq din il-linja.

Milli nista’ nifhem diġa qed tgawdu l-frott tal-ewwel edizzjoni tal-EXPO li saret f-Jannar 2020 b’raprezentazzjoni wiesa’ u mifruxa ta’ akkademiċi, riċerkaturi, msieħba industrijali, imsieħba mill-qasam tal-edukazzjoni u entitajiet oħra.

Għax-xhur li ġejjin, naf li ser tniedu Kampanja Nazzjonali Onlajn ta’ Għarfien dwar suġġetti u karrieri marbuta ma’ STEM, dan f’ċirkostanzi ta’ COVID li lkoll qed ikollna naddataw għalihom.

Inwasslilkom l-istess xewqat ta’ suċċess għall-ewwel edizzjoni tan-National STEM Awards ser issir f’Mejju 2021.

Il-ħsieb tagħkom huwa li din iċ-ċerimonja iktar minn xi okkażjoni ta’ premijiet, isservi bħala ċelebrazzoni tal-għarfien relatat ma’ proġetti, riċerka, u inizjattivi marbuta mas-suġġetti STEM fil-kommunità, fl-iskejjel, fl-Industrija u fuq livell Nazzjonali.

Emmnuni, nixtieq kont jien zgħazugħ, li nista’ ngawdi minn din l-enerġija pożittiva li qegħdin toħolqu u trawwmu fil-professjonisti tal-ġejjieni.

B’mod iktar mifrux, napprezza ferm kif l-għan ewlieni taċ-Ċentru Esplora hu dak li jtejjeb l-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet taċ-ċittadini Maltin u dawk li joqgħodu Malta, ta’ kull età u abbilità, dwar ix-xjenza u t-teknologija.

B’hekk qed tiġi kkultivata kultura ta’ kurzità u kreattività marbuta max-xjenza.

Bla dubju, huwa ta’ sodisfazzjon għalikom taraw kif skond stħarriġ li sar, kemm fl-2015 u anke fl-2019, l-perċezzjoni u l-attitudnijiet għax-xjenza u t-teknoloġija tjiebu b’14% fost il-pubbliku fuq medda ta’ erbgħa snin.

Sinjuri,

Qabel nagħlaq, nixtieq norbot il-ħidma tagħkom ma’ prinċipju li hu ferm għal qalbi, u punt fundamentali tal-Presidenza tiegħi, dak tal-inklużjoni.

Inħoss li intom kemm bħala Kunsill kif ukoll bħala Ċentru tagħtu kontribut.

Tul ħajti, kemm professjonali ta’ tabib, bħala politiku u issa iktar u iktar bħala President iltqajt ma’ hafna sitwazzjonijiet diffiċli fejn l-aċċess għat-tagħlim huwa lussu, u fejn it-taħriġ u l-formazzjoni professjonalu huma biss sekondarji.

Dan li qed tagħmlu intom, għal ħafna, żgħar u kbar, nisa u rġiel għadu xi ħaġa remota, u li wieħed jaraha biss fil-kotba jew fuq l-aħbarijiet.

Inħajjarkom għalhekk, li taħsbu ftit fuq kif tista’ titfassal u organizzata xi skema ta’ żjarat bid-dinjita’ kollha xierqa u bl-ebda sens ta’distinzjoni, minn gruppi ta’ tfal jew żgħażagħ żvantaġġati, li jinsabu f’xi homes, l-anzjani tagħna, u dawk li b’xi mod jew ieħor huma meqjusa bħala vulnerabbli.

Żjara ta’ din ix-xorta taf iġġib magħħa benefiċċji kbar, mhux biss bħala aljenazzjoni mill-għawġ li wriethom il-ħajja, anki ta’ eta’ żgħira, iżda taf ukoll tkun ta’ ispirazzjoni u ħeġġa għall-istudju u l-karriera.

Nixtieq ħafna nara li dan il-lussu ta’ idejat, kreazzjoni, innovazzjoni u immaġinazzjoni jitgawda minn kulħadd.

Il-Presidenza tiegħi tkun lesta tgħin b’kull mezz possibbli f’dan ir-rigward.

Nifirħilkom mill-ġdid għal dak kollu li qegħdin tiksbu.

Nirringrazzjakom.

Skip to content