Sinjuri,
Nixtieq nirringrazzjakom talli għoġobkom tistednuni biex inkun magħkom illejla f’okkażjoni daqshekk importanti.
Il-feature għalaq b’quote minn Kofi Annan. Jien ħa nibda bi quote minn filosofu Lebaniż li qal:
‘‘You give but little when you give of your possessions.
It is when you give of yourself that you truly give.’’ (Khalil Gibran)
“Meta qed tagħti minnek innifsek, huwa veru meta tkun qiegħed tagħti, mhux tagħti minn dak li għandek”. U għalhekk irrid nibda billi, l-ewwel nett, nifraħ lir-rebbieħa. Kif dejjem ngħidu, xi ħadd irid jirbaħ, u għalhekk m’hemm ebda rispett inqas lil dawk li kienu nnominati. Nirrispettawhom l-istess u nawguralhom u nifirħilhom talli waslu s’hemmhekk.
Aktar minn hekk, insellem lil dawk kollha involuti fil-volontarjat, li huma eluf kbar, kif rajna mill-feature. Malta għandna rreġistrati ’l fuq minn… jien hawnhekk għandi 1700, però l- feature qed jgħidilna iktar minn 1900 organizzazzjoni volontarja, kemm kbar kif ukoll żgħar, li jkopru kull xorta ta’ servizz volontarju fil-komunità.
Dan ivarja minn attivitajiet kulturali għal attivitajiet ta’ ħarsien tas-saħħa, minn servizzi soċjali sa servizzi ta’ edukazzjoni, u ħafna setturi oħra.
Irrid nirringrazzja lill-membri kollha tal-Malta Council for the Voluntary Sector li huma rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet volontarji, u li għall-għaxar sena qegħdin jorganizzaw
dan ir-rikonoxximent għal dawk li ħadmu fis-settur tal-volontarjat. Irid jingħad li l-għażla ssir minn fost dawk li jkunu ġew innominati.
Illum kellna erba’ kategoriji: National Volunteer Award, National Youth Volunteer, Voluntary Organisation Award u Corporate Volunteer Award.
L-iskop huwa li nagħtu rikonoxximent mistħoqq għas-servizzi li jkunu għamlu dawk li jkunu ġew innominati. L-għan huwa wkoll li noħolqu aktar għarfien tal-kwalitajiet tajba li jkunu ġew mogħtija minn dawn il-persuni jew dawn l-organizzazzjonijiet bis-servizzi li jkunu taw lil ħaddieħor. Irridu wkoll, b’dawn l-awards, nagħrfu l-kontribut kbir li jkunu ngħataw f’oqsma differenti.
Fix-xogħol li qiegħed jagħmel il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat irrid insemmi ż- żewġ ċentri tal-volontarjat, li nfetħu s’issa u x-xogħol siewi li qegħdin jagħmlu speċjalment ma’ għaqdiet tal-volontarjat li huma żgħar u għandhom bżonn iktar għajnuna minn dawk li huma għaqdiet kbar.
Irrid insellem ukoll lill-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, Dr Abela Medici, li bl-aħħar tibdil fl-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji, ingħata aktar għodda u aktar spazju biex iwettaq dak li hemm stabbilit fil-liġi.
La qiegħed insemmi l-liġi dwar l-organizzazzjonijiet volontarji ma nistax ma nagħmilx referenza għal dokument riċenti msejjaħ “National Strategy for Volunteering”. Dan id- dokument u l-policy li hemm ippubblikata fih isaħħu l-istandards u l-prinċipji li diġà hemm elenkati fil-liġi dwar l-organizzazzjonijiet volontarji.
Dan id-dokument li huwa mmirat li jkopri s-snin 2020-2025 għandu l-għan li jiggarantixxi aktar stabilità, juri aktar apprezzament u rikonoxximent għal dan is-settur tal-volontarjat, u fuq kollox jindika kif ikun hemm aktar trasparenza speċjalment fejn jidħlu ġbir ta’ fondi li fuqhom, bħalma tafu, jiddependu ħafna mill-għaqdiet volontarji.
Din l-istrateġija li hija aktar inklussiva u parteċipattiva, hija frott ta’, u mibnija fuq esperjenzi mgħoddija. Fiha pjan ċar ta’ kif għandhom jintlaħqu ċerti għanijiet, b’timeframe u targets ċari. Hija tipprovdi l-għodda, tfassal qafas amministrattiv, u anke turi t-triq għal appoġġ finanzjarju. L-istrateġija hija mfassla biex tagħmel faċli l-parteċipazzjoni demokratika, u kif ikun hemm ekonomija ekwa, u progress soċjali għal kulħadd.
Dan huwa dokument komprensiv, li jiggarantixxi parteċipazzjoni inklussiva u barra minn hekk jiggarantixxi wkoll indipendenza lis-settur. Il-prinċipji li huwa mibni fuqhom dan id- dokument huma l-ħarsien tal-integrità, il-fiduċja li fuqha jiġu mibnija r-rapporti bejn min jagħti s-servizz volontarju u min jirċevih, u fuq kollox fuq ir-rispett reċiproku.
Il-volontarjat huwa xogħol li minbarra l-valur intrinsiku tiegħu, għandu valur ieħor li ma jitkejjilx. Huwa servizz mogħti bil-qalb u mill-qalb.
Din żgur li kienet, bħalma lkoll nafu, sena speċjali, jew aħjar ngħid sena diffiċli. Ir- restrizzjonijiet li għadhom magħna sal-lum u n-nuqqas ta’ kuntatt fiżiku ħolqu distanza mhux tas-soltu bejnietna. Minħabba għadu inviżibbli, kellna ntellgħu bosta ħitan soċjali u nnaqqsu mill-attivitajiet li s-soltu tant huma popolari magħna l-Maltin. Dan kellu wkoll impatt qawwi fuq is-servizzi mogħtija mill-għaqdiet volontarji.
Madankollu, din il-pandemija wrietna, bħal qatt qabel, l-importanza li nieħdu ħsieb xulxin u li nkunu solidari mal-proxxmu tagħna, speċjalment ma’ gruppi vulnerabbli bħalma huma l- anzjani u persuni b’diżabilità. L-isfidi ta’ saħħa u dawk ekonomiċi li għadha qed iġġib magħha l-pandemija tal-COVID-19 urewna biċ-ċar li l-istrutturi formali weħidhom isibuha diffiċli biex jilħqu l-aktar gruppi fil-bżonn u għalhekk l-id ħabrieka tal-volontarjat hija għodda importanti li tissarraf f’ġid akbar għas-soċjetà.
Jiena nifhem li huma bosta dawk l-assoċjazzjonijiet li kellhom l-attivitajiet tagħhom imħarbta u minn xi daqqiet imħassra jew posposti għas-sena d-dieħla. Dan kompla żied mal-isfidi li
dawn l-organizzazzjonijiet volontarji kellhom jiffaċċjaw, biex jiżguraw li jagħtu l-aħjar servizz u l-aħjar għajnuna fil-qasam tagħhom.
Ma nistax ma nsemmix il-Malta Community Chest Fund Foundation li hija wkoll organizzazzjoni mmexxija l-biċċa l-kbira mill-voluntiera, li hija wkoll għaddejja minn sfidi simili u għalhekk nifhem u napprezza wisq aktar id-determinazzjoni tal-għaqdiet tal- volontarjat biex ikomplu jkunu ta’ servizz anke f’dawn iż-żminijiet diffiċli.
Pajjiż li għandu settur tal-volontarjat b’saħħtu u li jolqot aspetti differenti tal-ħajja fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, l-għajnuna soċjali, l-isport u l-ambjent, ikun qed jibni fuq il-prinċipji universali tal-empatija u l-għajnuna lejn ħaddieħor. Dawn kollha kienu u għadhom sisien importanti fuq xiex inhu mibni t-tessut morali tas-soċjetà Maltija.
Bħalma jsir f’nisġa, il-persuni kollha li jagħżlu li jinvolvu ruħhom f’xi għaqda jew oħra, ikunu qegħdin joħolqu xibka ta’ għajnuna u ta’ sapport li maż-żmien tissarraf f’soċjetà aktar ġusta u inklussiva.
Jiena nemmen li l-qasam tal-volontarjat huwa teżor li jikber u jissaħħaħ ftit ftit kuljum minn eluf ta’ individwi li jagħżlu b’mod deċiż li jagħtu l-enerġija u l-ħin tagħhom biex jgħinu lil ħaddieħor jew ikunu vuċi b’saħħitha kontra xi inġustizzja jew oħra.
L-għoti ta’ dawn il-premjijiet illum huwa biss xrar żgħir u ġest żgħir, ħdejn l-apprezzament u l-kburija li għandu l-poplu Malti lejn l-eluf ta’ voluntiera li b’xi mod jew ieħor qed joħolqu differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor u jkunu anke ta’ mudell għalina lkoll.
Bil-ħidma ta’ dawn ħutna li bl-aktar mod dedikat, u mingħajr xi forma ta’ gwadann personali, jagħtu minn ħinhom, mill-kapaċitajiet personali u professjonali tagħhom, biex jgħinu lill- ħaddieħor, il-kwalità tal-ħajja ta’ madwarna ssir aħjar.
Dawn huma eżempji li, fid-dlam tan-negattiviżmu, u l-firda li sfortunatament għad hawn fostna, jitfgħu d-dawl fuq it-triq li rridu nimxu, jekk verament irridu naraw il-pajjiż u s- soċjetà tagħna kuntenta u miexja ’l quddiem.
Nirringrazzjakom ilkoll tal-ħidma tagħkom.