The President of Malta

Speech by E.T. George Vella, during the presentation of prizes in the CORALLO competition, 17 June 2022, (Speech in MT)

Bonġu lil kulħadd.

Qed nisma’ b’attenzjoni kbira u, f’dil-ħaġa, li laqatni huwa l-fatt taż-żelu, tal-enerġija, tal-ħerqa li nagħmlu minn kollox biex nikkonservaw, ħafna drabi titkellmu fuq ġid li hu marbut mal-baħar.

Ma rridx ikun negattiv imma jiddispjaċini li qegħdin nagħtu din l-attenzjoni kollha, u sew li qegħdin nagħmluha u nemmen li għandna nkomplu nagħmluha u naqbel ħafna ma’ li qal is-Sur Cutajar illi l-Heritage għandha tiftaħ iktar il-firxa tagħha, però ma nistgħux inħallu mbagħad, waqt li qegħdin nippromwovu din l-għożża kollha għal dak li huma affarijiet ta’ mal-baħar, inħallu l-art tagħna tiġi mittiekla, użata, meqruda u qisna qed noħolqu s-sensazzjoni illi qisna qegħdin noħorġu ’l bogħod biex ma narawx il-krejnijiet, biex ma narawx l-iżvilupp esaġerat, biex ma narawx l-abbużi, u nippruvaw nedhew, ħuduni tajjeb, f’dak li għadu mhux mimsus. Nisperaw li ma jiġix sfruttat għada pitgħada anke għal skopijiet kummerċjali u industrijali.

Qed ikun negattiv ħafna, però fl-età tiegħi meta tkun rajt kif l-affarijiet ikunu għaddew, tinduna li dak li ġara fuq l-art, jekk ma noqogħdux attenti, jaf anke jiġri fuq il-baħar u fuq is-siti li qegħdin nitkellmu fuqhom li huma żoni ta’ konservazzjoni, fejn pajjiżi oħra nafu li ilhom igawduhom snin twal u aħna, mhux qed ngħid li aħna, kif ngħidu, “Johnny-come-lately” imma qegħdin iva nagħmlu sew u nagħmlu bħalhom.

Ir-riflessjoni l-oħra hija l-fatt tar-rikkezzi li għandna. Ħafna drabi jew ma tajniex kashom jew inkella ma vvalutajnihomx kif suppost kellna nagħmlu. Anzi nies li kienu jitkellmu, bħalma kont nagħmel jien fil-passat, fis-sebgħinijiet, fuq l-ambjent u nies bħall-Prof. Deidun u Mallia u Stephens, kienu jitqiesu daqsxejn waħda ffissati dawn.

Illum il-ġurnata qegħdin naraw li din mhix kwistjoni ta’ fissazzjoni akkademika. Din hija xi ħaġa li hija marbuta intrinsikament mhux biss mal-kwalità tal-ħajja imma anke mal-ħajja addirittura. Dan huwa ċiklu li jekk aħna mhux se naraw li nevitaw il-ħsara jew id-deterjorament tiegħu, xi mkien ħa npattuh. Imbagħad, kif kien qal Einstein, jekk tmut in-naħla tinqered l-umanità. Għax il-katina qiegħda hemmhekk.

Dan li qegħdin insemmu, dawn l-ibħra, dawn l-affarijiet sbieħ li, ħa ngħidu hekk, illum il-ġurnata saru aċċessibbli minħabba t-teknoloġija li għandna llum, għax kieku ma nafux bihom dawn, min kien bħali, żgħir u jgawdi l-baħar, għalina l-baħar kien l-isfog ta’ kollox. Ma kellniex television dak iż-żmien, ma kellniex l-affarijiet l-oħra kollha, ma kellniex id-discos. Jiġi s-sajf u tmur tistrieħ fil-baħar. Il-baħar kien żgur fil-memorja ta’ ħafna nies daqsi li kien parti importanti ħafna: mill-għawm tal-baħar, mill-ġiri li konna nagħmlu, ngħumu bl-underwater harpoons u affarijiet bħal dawn.

Rajnieh jiddeterjora, mal-kosta ħa nitkellmu hekk. Illum il-ġurnata – u għalhekk għidt fil-bidu jien li wieħed irid joqgħod attent li l-affarijiet ma jiġux ipperikolati mill-interessi industrijali – it-tkabbir tal-ħut madwar il-kosta tagħna, niddejjaq ngħidha, veru li qed jirrendi, veru li qiegħed jikkontribwixxi għall-ekonomija ta’ pajjiżna, però qiegħed fl-istess ħin ukoll jikkontribwixxi għall-kontaminazzjoni u l-qerda ta’ ħafna mill-postijiet li kienu ġenna tal-art.

Kellna żmien, jien għamilt żmieni kollu naħdem fl-area ta’ Marsaxlokk, iż-Żejtun, fejn il-Hurd Bank kien ġenna tal-art, fejn hemmhekk kellek il-breeding grounds ta’ ħafna mill-ħut, tikkoreġini inti fuq dan li qed ngħid, imma jiena nafha mill-esperjenza tas-sajjieda li kienu jitkellmu fuqu.

Illum il-ġurnata bit-tkaxkir tal-ankri hemmhekk, bil-kontaminazzjoni taż-żejt, bl-affarijiet li qegħdin jiġru, dan kollu spiċċa. Hemmhekk il-weġgħa hi li ma qed indaħħlu xejn prattikament minnu għaliex fejn hemm trans-shipping u fejn hemm il-fatt li inti l-vapuri qegħdin joqogħdulek hemmhekk għal dak iż-żmien kollu ma naħsibx li qed jirrendi wisq għall-kaxxa ta’ Malta, bil-periklu li jekk ikollok Grigalata tajba u jkollok xi ħaġa hemmhekk li tmur ħażin, povru mhux l-ambjent tagħna biss imma anke povra l-ekonomija tagħna.

Ħalli ma nibqax inkun negattiv. Jiena nemmen illi f’dan li tkellimtu fuqu u f’dawn is-sejbiet li qed nitkellmu fuqhom, qegħdin toħolqu niċċa ġdida anke ħalli nattiraw iktar turisti u barranin li għandhom għal qalbhom dan is-settur.

Aħna nafu pereżempju illi s-settur tal-għadis jikkontribwixxi bil-kbir għat-turiżmu tagħna. U jekk aħna m’aħniex se nibqgħu noffru attrazzjoni, dik li tiġbed lill-għaddas, mhux biss billi nitfgħu r-racks, inniżżlu vapuri, ngħaddsuhom, imma anke bil-ġmiel naturali li hemm, sfortunatament nistgħu niġu fl-istess żmien, bħalma tisma’ llum, barranin jgħidulek: “Kien jogħġobni x-Xlendi, daqshekk mort”, għax qed naraw x’qed jiġri u x’qed jitħalla jsir. U din ngħidha b’responsabbiltà. Mhux x’qed jiġri, x’qed jitħalla jsir.

Għax meta l-awtoritajiet illi suppost jikkontrollaw ċertu affarijiet li m’għandhomx isiru, jien nippretendi li dawk l-awtoritajiet mhux jgħidu: “Għax qed napplikaw ir-regolamenti”, jekk ir-regolamenti qed jagħtu dawn ir-riżultati, ejja ninsistu li jitbiddlu dawk ir-regolamenti. Aħna li jinteressana huwa the end result, mhux il-liġijiet.

U f’dan l-ambjent kollu, għax tgħiduli forsi qed timraħ, qed tmur wisq ’il bogħod, però l-weġgħa qiegħda hemm u l-fatt illi aħna għad għandna dan il-wirt kollu li għadu, ħa ngħid hekk, verġni, illi, kif qed tagħmlu tajjeb ħafna intom, tibdew mill-bidu nett tassiguraw illi jiġi mħares u anke Mario semma ħafna tajjeb il-Mużew Marittimu, ma semmiex pereżempju l-istorja tas-sajd li tista’ tidħol fil-Mużew Marittimu li hi parti minn ħajjitna bħala gżira.

Jiena nemmen li minbarra li wieħed iġib il-flus biex nagħmlu proġetti bħal dan ħalli nkunu nistgħu nissalvagwardjawhom, hemm imbagħad il-prinċipju importanti ħafna li dejjem naqgħu fuqu u nitkellmu fuqu tal-edukazzjoni.

Jekk aħna m’aħniex se ndaħħlu fil-moħħ taż-żgħażagħ tagħna l-bżonn, u rridu nqabblu: ara x’ġara f’postijiet oħra, ara x’ġara f’setturi oħra u jekk mhux se noqogħdu attenti, dan se jiġri hemm.

Dan żgur li ħamsin, sittin sena ilu ħadd ma kien qed jipprevedi l-qerda tal-ambjent li għandna madwarna, il-konkos u l-ħġieġ tiela’ kullimkien. U allura jekk m’aħniex se ninvestu f’ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ, f’ġenerazzjonijiet ta’ tfal li għada pitgħada jkunu rġiel u nisa li jkunu mhux qed jitkellmu għax għandhom interessi politiċi jew partiġġjani jew whatever, imma jitkellmu għax ġo qalbhom iħossu li din il-ġawhra, dan il-ġid li għandna, ma nistgħux inħalluh jinqered u jintrema.

Din hija xi ħaġa li xtaqt inwassal. Ħsibijiet li, biex ngħid hekk, ħassejthom mill-mument li smajtkom titkellmu. Naf x’passjoni għandkom ilkoll kemm intom fuq dawn l-affarijiet u tagħmluh mhux biss, kif qed ngħid, bħala professjoni imma bħala passjoni. Però dawn, wara kollox, huma wkoll insurance, ħa ngħid hekk, għas-sopravivenza ta’ pajjiżna għada pitgħada.

Aħna nafu ħafna gżejjer illi nqerdu mill-iżvilupp esaġerat, li ġew abbandunati, l-ekonomiji tagħhom tbiddlu għaliex kienu jiddependu ħafna fuq it-turiżmu u ma baqgħux. Però jiena li qed ngħid huwa illi rridu noqogħdu attenti, ma naljenawx rasna niżviluppaw u nipproteġu dak li għadu verġni, dak li għadu ġdid u fl-istess ħin, wara daharna, qegħdin nitilfu dak kollu li għandu tant ieħor importanza u daqstant ieħor ġid x’wieħed jipproteġi.

Aħna nafu kemm postijiet, mhux se nsemmi biss affarijiet li huma storiċi, imma anke affarijiet naturali, xtieli, affarijiet ta’ xgħari u hekk, li llum il-ġurnata we pay lip service to them meta nkunu qegħdin nagħmlu l-assessments u mbagħad jikkmandaw il-figuri għoljin tal-proġett li nkunu qegħdin nagħmlu.

Nieqaf hawnhekk għax inkella ħa nibqa’ ngerger fuq dan il-punt. Jiena dan il-punt iweġġagħni u jweġġagħni ħafna għaliex qed nara li ħa nibqgħu sejrin hekk. Veru ħa jibqa’ ċertu setturi li nkunu għadna qegħdin nipproteġu, però dawn ħa jkunu sostnuti mbagħad mill-importanza u mis-sbuħija tal-pajjiż kollu biex nibqgħu nattiraw lil min jiġi. Min jiġi, ma jiġix partikolarment għal dan jew dan, jiġi biex jara l-pajjiż.

Issa jekk aħna għandna partijiet sbieħ x’niżviluppaw, x’nuruh, imma mbagħad imbarruh billi jgħid “Aħjar ma mmur xejn hemmhekk ta”, hemmhekk qed nara li jaf ħa jkollna problemi anke għada pitgħada mas-settur l-iktar wieħed primarju ta’ pajjiżna li huwa t-turiżmu.

Veru li jista’ jkollna tpattija b’ċertu partijiet oħra tal-ekonomija, però jiena naħseb illi l-bniedem wara kollox mhux kemm ikollu flus, imma anke fejn ikun qed igawdihom.

Jekk aħna l-ambjent ta’ madwarna u l-kwalità tal-ħajja ta’ madwarna nagħmluha mod illi biex tieħu naqra nifs trid tmur Sqallija jew inkella tmur xi mkien ieħor, jien naħseb li hemmhekk ħa nkunu noħolqu l-ikbar diżugwaljanzi li ħafna drabi tiġġieldu favur tagħhom bħalissa. Għax min ikollu biex, ħa jmur jieħu n-nifs xi mkien, min m’għandux jikkriepa b’ta’ madwaru.

Skużawni qed inkun negattiv imma, dawn huma s-sentimenti li nħoss.

Nirringrazzjakom.

Skip to content