The President of Malta

Speech by E.T. George Vella, President of Malta, during graduation, Caritas, 24 June 2022, (Speech in MT)

Eċċellenza Arċisqof,

Ministri,

Presidenti Emeriti,

Sur Anthony Gatt, Direttur,

Sinjuri,

Għeżież residenti,

Huwa dejjem ta’ pjaċir li nirċievi xi invit mid-Direttur tal-Caritas biex niġi nżur xi waħda mid-djar tagħkom. Sena wara l-oħra nħoss li dan l-appuntament sar importanti ħafna fil-kalendarju tiegħi. Fil-fatt, ninsab kuntent ħafna li qed niltaqa’ magħkom f’din l-okkażjoni tant importanti kemm għalikom li qed tiggradwaw u kemm għall-familji tagħkom. Dan huwa jum speċjali anke għal dawk il-professjonisti u l-ħaddiema l-oħra li kienu magħkom u ħadmu fuqkom dawn l-aħħar xhur. Jiena nemmen li huwa proprju dan l-isforz kollettiv li wassalna fejn qegħdin illum.

Nieħu għalhekk l-opportunità biex nirringrazzja lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fi ħdan il-Caritas Malta. Il-professjonalità tagħkom flimkien mad-determinazzjoni biex tixprunaw lil min ikun tilef il-bilanċ lejn ħajja aktar kompluta u f’saħħitha, huma kwalitajiet ta’ min wieħed jammira. Flimkien ma’ professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni, intom qed tkunu niċċa importanti fil-ħajja ta’ ħafna nies u mudell għall-ġenerazzjonijiet żgħar. Xogħol ta’ dan it-tip jitlob livell għoli ta’ empatija, dedikazzjoni professjonali, u, nazzarda nżid, vokazzjoni wkoll.

Kif għadni kemm semmejt ftit ilu, il-ġurnata tal-lum hija ċelebrazzjoni ta’ xogħol kollettiv, iżda hija wkoll riflessjoni ta’ tnax-il persuna li ħadmu bis-sħiħ biex jiksbu dak li għandhom illum; tmun u kumpass aħjar biex jegħlbu l-isfidi li toffri l-ħajja.

Forsi huma ftit dawk li jifhmu kemm il-proċess lejn ħajja bilanċjata u ’l bogħod minn xi forma ta’ dipendenza huwa proċess delikat u li jieħu sfumaturi differenti għal nies differenti. Ħafna drabi nsibu l-idea żbaljata li min jiżviluppa problemi ta’ dipendenza huwa xi persuna sfrattata jew xi kriminal.

Nemmen li nkunu qegħdin nonqsu bil-kbir milli nagħtu ġieħ lid-dinjità tal-persuna jekk ma naslux nifhmu li d-dipendenza, sfortunatament, tiżviluppa sforz problemi oħra ta’ madwarna jew problemi personali. Nisħaq fuq l-importanza li ma nagħtux l-impressjoni li d-dipendenza tiżviluppa għax il-persuna tkun ta’ karattru dgħajjef jew b’xi personalità suxxettibbli għad-dipendenza.

Għalhekk, b’rispett assolut, jiena nemmen li l-vuċi ta’ dawk li jiżviluppaw dipendenza minħabba l-użu ta’ xi sustanza jew imġiba oħra bħalma huwa l-logħob tal-azzard, għandha tibqa’ l-fulkru fuqiex infasslu l-politika soċjali tagħna. Id-djalogu u r-rispett bejn dawk kollha involuti fil-proċess ta’ riabilitazzjoni huma għodod kruċjali biex iż-żerriegħa tat-tama li tkun nibtet xhur, jekk mhux snin, qabel, issib ambjent ġust biex tiżviluppa fi fjur ġdid li jiftaħ u jwarrad bħalma qegħdin naraw iseħħ illum.

Għeżież gradwati, intom dan il-fjur il-ġdid li qed nitkellem fuqu issa.

Illum qed taħsdu l-frott ta’ siġra b’saħħitha u li minkejja l-elementi jonfħu l-kontra, baqgħet dejjem aktar tixref lejn id-dawl u tiġbed ’il fuq. Għandkom verament tkunu kburin mhux biss ta’ din il-kisba, iżda wisq aktar tal-proġetti u l-ħbiberiji ġodda li ser tkunu qed tagħmlu wara dan il-jum. Ftit tal-ġranet ilu kont ukoll qed insejjaħ b’isimhom numru ta’ gradwati oħra li temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni offrut minn Sedqa Malta. U hemmhekk tkellimt fuq il-bżonn li, fuq kollox, niżguraw soċjetà inklussiva u opportunitajiet ta’ xogħol u taħriġ sodisfaċenti u li jkomplu jgħinu biex dawn il-persuni, wara li jitilqu minn hawn u wara li jiffaċċjaw il-ħajja barra, ngħinuhom jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Fuq kollox, irridu niżguraw li x-xogħol ikun wieħed dinjituż u li jagħti qligħ xieraq lil dik il-persuna. B’hekk biss tista’ s-soċjetà tgħin biex issaħħaħ l-isforzi li jagħmel kull persuna li b’determinazzjoni joħroġ lilu nnifsu mid-dipendenza. U bħalma jgħidulna kull wieħed u waħda minnhom, dan mhux faċli.

Jien nappella għalhekk biex bħala soċjetà nagħmlu użu minn kliem li ma jweġġax u naġixxu b’mod li jħares lejn kulħadd b’lenti ta’ fratellanza u mħabba lejn il-proxxmu.

Dan tal-lum mhux it-tmiem. Dan huwa l-bidu. Dan huwa bidu ta’ fażi oħra f’ħajjitkom, li ser tgħixu msaħħa minn dak kollu li tgħallimtu hawn ġew matul il-programm.

Jien ma rridx inkun negattiv. Minn qalbi, u f’isem is-soċjetà Maltija, nawguralkom li dan iż-żmien li għamiltu f’din il-komunità kien żmien ta’ tagħlim, ta’ bidla u ta’ tisħiħ tad-determinazzjoni li jiġi rranġat f’ħajjitkom dak kollu li mar ħażin. Ma jfissirx li m’hemmx ċans, u ngħidha bi dwejjaq, li wħud minnkom sfortunatament ma jistgħux jerġgħu jaqaw fid-dipendenza, jalla le, iżda jekk jiġri hekk ma tkunx waqgħet id-dinja u ssibu lil kulħadd għal darb’oħra b’dirgħajh miftuħin biex mill-ġdid jerġgħu jimxu magħkom it-triq li fl-aħħar twassal għal fejqan li jibqa’ tajjeb.

Nawguralkom u agħmlu kuraġġ!

Skip to content