The President of Malta

Speech by E.T. George Vella, President of Malta, during the ceremony of awarding the Green Flag to schools, 26 October 2022, (Speech in MT)

Għeżież studenti u għeżież teachers,

L-ewwel nett nirringrazzjakom ħafna talli għoġobkom tistednuni dalgħodu biex inkun qiegħed hawnhekk għal din iċ-ċerimonja sinifikattiva u ħelwa ħafna. Ċerimonja li turi ċar mhux biss l-impenn tal-għalliema, mhux biss l-impenn tal-organizzazzjonijiet illi, kif smajtu diġà, ilhom is-snin jaħdmu f’dal-qasam tal-ambjent, imma anke wkoll l-involviment taż-żgħażagħ, tat-tfal, illi b’attività jew oħra wrew kemm qegħdin jifhmu l-messaġġ u kemm qegħdin jippruvaw jinterpretaw dak li qed nippruvaw ngħaddulhom ħalli jkunu jistgħu juru iktar involviment u interess fl-ambjent.

Ħafna drabi meta nitkellmu fuq l-ambjent nagħmlu dan b’mod astratt u kważi dejjem nitkellmu fuq il-futur. Fil-fatt, ħa nagħmel referenza għalihom mill-ewwel, kif semma s-Sur Attard, il-Miri Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, l-SDGs, li qishom bħal kmandamenti biex nippruvaw inwettquhom sas-sena 2030 – jiddispjaċini ngħid li ħafna minnhom waqajna ftit lura mhux ħażin – dawn bdew fis-sena 2015 bil-għan li jħarsu ’l quddiem sas-sena 2030. Dan ma kienx l-ewwel attentat. L-ewwel attentat kien fis-sena 2000, deher ċar li m’aħniex ser naslu, imbagħad kien hemm miri oħra, u kull darba minħabba dak li jinqala’ u minħabba kif jiżvolġu l-kwistjonijiet madwar id-dinja kien ċar li m’aħniex ser naslu hemmhekk. Però, kif dejjem jiġri, wieħed m’għandux jaqta’ qalbu, għandu jibqa’ jagħmel l-almu tiegħu biex dak li jista’ jakkwista, jakkwistah. U bħalma tafu, għadha kemm issa anke ngħalqet il-konsultazzjoni, jew għadha għaddejja imma kważi waslet fl-aħħar, dwar l-istrateġija nazzjonali tal-ambjent għas-sena 2050. U dan qed ngħidu l-iktar għal dawk it-tfal iż-żgħar li għadna kemm rajna hawnhekk u l-ġuvintur imfarfrin li s-sena 2050 mhijiex l-impossibbli; huwa ż-żmien meta jkunu qegħdin jgħixu huma. U bħalma tafu, fost it-temi prinċipali, ħareġ f’pajjiżna, biex ngħid hekk, il-kwistjoni tal-impatt tat-traffiku u t-tniġġis fl-arja. Dawn huma żewġ affarijiet li lkoll qegħdin nesperjenzawhom, it-tfal, iż-żgħar, il-kbar, u nafu xi jfissru. Dan aħna, flimkien ma’ pajjiżi oħra Ewropej, ser inkunu qed naħdmu biex bħala reġjun nersqu kemm jista’ jkun lejn ambjent iktar nadif u li huwa ta’ ġid għal kulħadd, inkluż l-annimali u l-ħlejjaq l-oħra kollha ta’ fuq l-art u ta’ taħt il-baħar.

U biex nifhmu mill-ewwel x’irridu ngħidu, anke l-ħarsien tan-naħal. Li hawn min jgħidlek: “Imma aħna n-naħal bih u mingħajru?” Einstein qal li jekk neqirdu n-naħla hemm ċans li ma nibqgħux neżistu aħna. Ifhmu li l-insetti, u qed ngħidu għat-tfal l-iktar dan, huma dawk li jiffertilizzaw il-frott u jagħtuna l-ikel li nieklu ta’ kuljum. Jiġifieri meta qegħdin nagħmlu din l-enfasi fuq dawn l-affarijiet, wieħed mhux jgħid “U qegħdin infettqu fuq affarijiet żgħar!” Din hija katina li tiddependi fuqha l-ħajja kollha.

Jiena nara li l-impenn ta’ kull wieħed u waħda minnkom huwa importanti ħafna. U qed nieħu gost nara din l-għaqda fostkom u dawn l-isforzi li saru, dawn il-programmi differenti li wieħed wettaq u hawnhekk qegħdin tinġabru flimkien biex anke taraw lil xulxin u tagħmlu kuraġġ b’xulxin. U jiena nieħu gost li nkun qiegħed hawnhekk niċċelebra magħkom dan l-impenn tagħkom bħala, aħna dejjem ngħidulkom, ambaxxaturi żgħar tal-ambjent. Imma m’intom ambaxxaturi xejn, intom intom. L-ambjent huwa tagħkom, l-ambjent tridu tgħixu fih u l-ambjent ser ikun responsabbiltà tagħkom għada pitgħada meta min qiegħed imexxi llum sfortunatament ikollu jitlaq. Però nieħu gost nara li taħt l-edukaturi tagħkom, taħt is-superviżjoni tagħhom, b’approċċ però li jagħti ħafna spazju lilkom it-tfal, qed turuna intom stess, l-ewwel nett, li intom konxji tal-bżonnijiet li hemm u qed tkunu wkoll muturi tal-bidla. L-EkoSkola kompliet tissawwar fi proġett importanti ħafna għal dan il-pajjiż. Qegħdin naraw is-snin kemm ilha għaddejja u l-figuri li qrajna hemmhekk fuq l-iskrin huwa impressjonanti għaliex jakkumulaw matul is-snin. Jiena nara li din l-inizjattiva qiegħda din is-sena tiċċelebra l-għoxrin sena mit-twaqqif tagħha. Ħafna minnkom żgħar jgħidu 20 sena għalihom ħafna. Għalina l-kbar 20 sena huma lbieraħ, biex ngħid hekk, jiġifieri timpressjonawx ruħkom b’dawn is-snin. Però bla dubju ta’ xejn kienu għoxrin sena fejn permezz ta’ bosta proġetti ambjentali li intom u dawk li pparteċipaw qabilkom ħadtu parti fihom, qegħdin tkunu ta’ eżempju mhux biss għal tfal oħra, imma ħafna drabi kien hemm okkażjonijiet anke meta kontu ta’ eżempju anke għalina l-kbar.

Fil-fatt, jiena b’dispjaċir nosserva li huma ħafna drabi aħna l-kbar, l-adulti, li minħabba nuqqas ta’ għarfien jew inkella minħabba interessi vestiti, ħa nkun ċar fuq dawn l-affarijiet, nagħmlu ħsara lill-ambjent.

Jiena nista’ nimmaġina intom iż-żgħar tgħidu: “Aħna noqogħdu nitkellmu, noqogħdu nagħmlu proġett ġol-iskola, affarijiet żgħar, u mbagħad kulħadd jibni ’l hemm u ’l hawn, kulħadd għaddej bil-krejnijiet u bit-tractors”… għandkom raġun. Għandkom raġun. Però din mhijiex kampanja mitlufa, din hija kampanja li iktar ma intom tikbru fiha u iktar ma intom tirrealizzaw kemm hemm bżonn li l-affarijiet jirritornaw għal iktar aħjar milli huma llum, ovvjament dejjem fil-parametri tal-bżonnijiet ekonomiċi tal-pajjiż, però huwa importanti li jkun hemm pressjoni kontinwa minn kull min huwa involut, minn kull min huwa interessat u li għandu għal qalbu l-ambjent, li jibqa’ jagħmel pressjoni ħalli l-affarijiet għall-inqas ma jmorrux oltre dak li wieħed jippretendi li għandhom imorru. U nerġa’ ngħid, dan mhux biss biex noqogħdu naraw is-siġar u naraw lura, li hu sabiħ fih innifsu, imma biex nieħdu ħsieb is-saħħa tagħna lkoll. Il-kwalità tal-arja hija xi ħaġa li lkoll neħduha, kull sekonda dieħel u ħiereġ in-nifs, l-arja, ġewwa l-pulmun tagħna. Issa jekk hux dieħla minn fuq ix-xagħri fejn għandek l-arja u għandek il-ftuħ u jekk hux dieħla minn ġo triq kollha diesel hija storja illi wieħed irid jara.

Jiena għalhekk jiddispjaċini nosserva li ħafna drabi aħna stess, minkejja l-ħafna prietki li nagħmlu liż-żgħar, qed inkunu ta’ eżempju ħażin għalihom meta jaraw the end result ta’ kif wettaqna l-ambjent u fiex wasalna fih. Meta wieħed jara fejn qegħdin u jqabbel ma’ dak li kien 20/30/40/50 sena ilu, iż-żgħażagħ u ż-żgħar m’għandhomx din il-fakultà li jiftakru kif kien, però aħna li għandna ftit tal-età mhux ħażin niftakru fejn konna u niftakru fejn qegħdin illum. Nerġa’ ngħid, m’iniex qed nagħmel xi ċensura fuq l-iżvilupp. L-iżvilupp huwa parti mill-ħajja tagħna, ma nistgħux ngħaddu mingħajru, però hemm żvilupp u hemm żvilupp. U ħafna drabi jiddispjaċini meta l-iżvilupp ma jkun żvilupp xejn imma jkun nuqqas ta’ żvilupp għax inkunu sejrin lura mill-għanijiet li jagħmlulna l-kwalità tal-ħajja tagħna ħafna aħjar.

Għalhekk, huwa ta’ importanza li intom it-tfal, grazzi anke għall-impenn ta’ organizzazzjonijiet bħan-Nature Trust, qed tkunu minn ta’ quddiem biex tagħtu eżempju bil-fatti, mhux bil-kliem biss, biex tiddefendu l-ambjent. Il-ħidma biex l-iskola tingħata l-GreenFlag hija xempju mhux biss ta’ impenn favur l-ambjent, iżda wkoll xhieda ta’ kemm l-iskola tista’ tkun ċentru edukattiv, u edukattiv fil-veru sens tal-kelma “edukazzjoni” u li jimraħ lil hinn mill-bankijiet tal-klassi.

Illum kulħadd japprezza l-fatt illi meta ngħidu “l-edukazzjoni” ma jfissirx tpoġġi bilqiegħda u titgħallem li 2+2 huwa 4 u titkellem bl-Ingliż jew forsi tikteb il-Malti tajjeb. L-edukazzjoni hija xi ħaġa iktar wiesgħa. L-edukazzjoni hija l-formazzjoni tagħkom iż-żgħażagħ biex tkunu ċittadini. Qabel dħalt hawnhekk Dr Montebello wrietni l-filosofija tal-iskola tagħkom. Forsi għal uħud minnkom il-kelma “filosofija” hija xi ħaġa tqila. Il-kelma fiha nnifisha hija l-għanijiet għaliex irridu niżviluppawkom, għaliex irridu u fejn nixtiequ li narawkom li taslu meta tikbru. U taslu jekk ser ikollkom l-imbuttatura, jekk ser ikollhom l-għodda biex taslu u jekk ser ikollkom ir-rieda li intom tagħżlu toroq illi tridu tagħmlu. Jien dejjem ngħid it-toroq tat-tarmak, it-toroq tal-ħajja, it-toroq l-oħra kollha jeħduk fejn trid int mhux fejn iridu huma. Int tagħżilhom it-toroq tiegħek. Tagħżel fejn trid tmur. Jekk ma rridx immur hemm, imbagħad kif nagħżel li ma rridx immur hemm? Għax inkun naf u għax inkun mgħallem u nkun edukat x’għandi nevita u fejn m’għandix immur. U dan huwa dak li l-kbar ngħidulhom “valuri”. Valuri mhumiex xi ħaġa astratta, il-valuri huma dawk li nikbru bihom u li jiffurmawlna ħajjitna u jagħtuna l-għan ta’ fejn irridu naslu.

Minbarra dan, tinsewx li intom anke tagħmlu parti minn proġett ikbar u li jinvolvi ’l fuq minn 20 miljun student, kif rajna fil-figuri hemmhekk, imferrxin mad-dinja kollha. Sfortunatament, bħalma tafu tgħiduli, ħafna mid-dinja t-tfal mhux biss m’għandhomx moħħ jieħdu ħsieb l-ambjent tagħhom, imma iktar ikun moħħhom jekk hux ser jieklu biċċa ħobż il-ġurnata sħiħa jew jixorbux tazza ilma. U lil dawn żommuhom f’raskom ukoll biex ma mmorrux inkejlu dejjem bix-xiber tagħna. Din hija wkoll parti mir-realtà li intom iż-żgħażagħ importanti li tifhmu intom u tikbru. M’aħniex l-iktar tfal jew żgħażagħ preferuti fid-dinja, hemm min hu aħjar minna, però sfortunatament hemm ħafna miljuni li huma agħar minna. U agħar minna fis-sens illi bilkemm għandhom la x’jixorbu, la x’jieklu, mediċini u lanqas forsi d-dawl biex filgħaxija, jekk irid ikompli jistudja, jagħmel xi ħaġa dan, ikollu biex. Dawn huwa importanti li żżommuhom ġo moħħkom għaliex id-dinja sfortunatament hija żbilanċjata u żbilanċjata bl-ikrah. Però tinsewx li dawn l-inizjattivi żgħar, jistgħu anke jissarrfu, għada pitgħada, f’ġid għal dawn il-pajjiżi li qegħdin nitkellmu fuqhom. Għaliex il-problema tat-tibdil tal-klima tad-dinja ma tinvolvix lilna. M’għandniex xi kolonna arja fuq Malta u tinvolvi lilna biss. It-tibdil tal-klima fid-dinja qed jaffettwa lid-dinja kollha. Dawk il-pajjiżi li kienu responsabbli għaliha fis-snin li għaddew, fil-mijiet ta’ snin li għaddew, oħrajn li għadhom lanqas bdew imma xorta qegħdin jintlaqtu ħażin minn dan l-effett tal-klima. U lit-tfal nagħmlilhom enfasi, it-tibdil tal-effett tal-klima mhux ser ikollu biss, jew jista’ jkollu biss, effett fuq dawk il-pajjiżi u jieqfu hemm. Bħalma tafu, intom illum tisimgħu ħafna fuq il-migrazzjoni, fuq l-emigranti, li mhuma xejn ħlief nies bħalna dawn, ħolqien t’Alla, li jaraw fejn imorru ħa jsibu ħajja aħjar għalihom. U iktar mhu ser nagħmlu ħsara lill-pjaneta u jkollhom effetti ħżiena fuq pajjiżhom, iktar ser jimxu, ifittxu u joħolqu problemi lil pajjiżi oħra. Aħna l-ġirien tagħna huma l-Afrika l-iktar. Jekk ikollok inqas ilma, inqas uċuħ tar-raba’, inqas x’jieklu, x’jagħmlu dawn? Dawn jaqbdu u jimxu lejn postijiet oħra ħalli jippruvaw isibu dinja aħjar. Jiġifieri jien qed norbotha din biex tifhmu, mhux mil-lat politiku għax forsi tgħidu d-diskors ikun ikkumplikat, imma dawn huma ħsibijiet sempliċi li tistgħu tifhmuhom u tistgħu anke tirrelataw magħhom.

Jiena għalhekk nifraħ ħafna lill-organizzazzjonijiet bħal EkoSkola li qed tadotta din il-politika inklussiva u anke tara li jkun hemm dan id-djalogu b’saħħtu, din ir-relazzjoni mill-qrib ħafna bejn l-istudenti, l-għalliema, u mbagħad fuq kollox, kif qed nagħmlu issa, il-komunità. Aħna mhux biss naraw l-interessi tagħna, tal-papà u tal-mamà, tal-familja, tal-iskola tagħna. Qegħdin ngħixu imma f’pajjiż, f’komunità, li lkoll flimkien irridu naħdmu għall-ġid ta’ kull wieħed u waħda minna. Għalhekk qed inġib imbagħad l-eżempju u nwessgħu iktar fuq livell globali. Aħna ma nistgħux ngħidu qegħdin fid-dinja, nagħmlu u nieħdu l-miżuri favur l-ambjent ħa nkunu ċerti li ma mmorrux ħażin u mbagħad naqgħu u nqumu minn x’jiġri lil ħaddieħor. Għax ta’ ħaddieħor ser jiġi għandna b’mod jew ieħor.

Jiena għalhekk qed nagħmel enfasi fuq il-kelma “komunità” għaliex ikun eżerċizzju li ma jħallix wisq frott jekk ma jkunx hemm mezz ta’ kif il-ġid li qed jinħoloq fl-ambjent tal-iskola, u meta ngħid il-ġid, mhux materjali, anke l-ġid mentali, il-ħsibijiet, l-iżvilupp tal-ideat, jekk dan ma jsibx postu biex jiġi applikat imbagħad fl-irħula u l-komunitajiet tagħna. Il-mira tas-sostenibilità, dawk li s-Sur Attard isejħilhom Development Goals, numru tnax titkellem fuq il-konsum u l-konsum huwa ċ-ċentru ta’ kemm il-komunità hija importanti fil-ġlieda favur l-ambjent. Xi ħadd għamel referenza kif kellna ninsew l-idea tar-Reuse u r-Recycle fi żmien il-COVID għaliex ovvjament kollox kien throw away ħalli ma noqogħdux inġorru l-mard. U apprezzajt il-fatt illi diġà qegħdin naraw li qed inħossuna dispjaċuti illi dak li tgħallimna, dak li qalulna: “Ejja nagħmlu dan ħalli nibżgħu għar-riżorsi tal-ambjent”, il-COVID ġegħlitna nbiddlu dak kollu f’daqqa, f’ħakka t’għajn, għaliex iċ-ċirkostanzi kienu differenti. Hu importanti li t-tfal anke jitgħallmu li jkunu lesti li jkunu flessibbli għaliex dak li tagħmel u dak li temmen ma tistax tibqa’ dejjem għaddej dritt anke jekk taf li hemm ħajt quddiemek għax titkisser inti. Trid tkun kapaċi li dak li tgħallimt jgħinek anke ħalli ddur madwar dak il-ħajt u tipprova tasal fejn trid tasal.

Fil-fatt, kif konna qegħdin nagħmlu referenza, il-famużi kliem Reduce, Reuse, Recycle, dawn għandhom xorta jibqgħu jħeġġu lilna u lill-komunità biex nikkunsmaw inqas. Intom tafu li iktar ma soċjetà tevolvi, iktar ma jkollok standard of living għoli, iktar jikber l-iskart. Qabel il-kelma skart wieħed kien, ħa ngħid hekk, jiskartaha għax kienet kelma li ma tantx konna nitkellmu fuqha. Però l-iskart ovvjament huwa dak li kull komunità tipproduċi. Huwa importanti li wieħed jibqa’ xorta jemmen f’dak li huwa r-recycling, dak li huwa l-bżonn li nerġgħu nirriċiklaw dak li konna qegħdin nużaw, speċjalment fejn jidħlu anke affarijiet, illum il-ġurnata hawn ħafna kompjuters. Hawn affarijiet li huma elettroniċi, li fihom, u dan importanti li ż-żgħar jifhmuha din, ċertu elementi mhux biss in-naħa tal-plastik, mhux biss il-ħġieġ, fihom ċertu elementi li huma rari, li għalkemm hemm ftit fihom minn dawn l-elementi, però dawn huma elementi li jridu jinġiebu minn ċertu postijiet, u hemm ċertu pajjiżi partikolari tad-dinja li għandhom kważi huma biss, u din imbagħad torbot ma’ dak li hija d-dipendenza, kemm jaqblilna jew ma jaqblilniex, kemm irridu nkunu intelliġenti li ma nkunux dipendenti fuq pajjiż wieħed għal ċertu affarijiet. Ma rridx nagħmel riflessjoni taż-żgħar, pjuttost tal-kbar, bħalissa nafu l-iżball li kien meta l-Ewropa spiċċat tiddependi daqshekk fuq il-gass tar-Russja, mhux ser nidħol fil-mertu tal-gwerra tal-Ukrajna, imma l-fatt illi tiddependi fuq persuna, fuq pajjiż wieħed, mhux tajjeb u allura jrid ikun hemm dan l-isforz kollettiv u li jinkludi bis-sħiħ l-entitajiet kollha li nistgħu ndaħħlu f’dan l-eżerċizzju, jiġifieri qed insemmi l-iskejjel, qed insemmi l-kunsilli lokali, u anke organizzazzjonijiet volontarji bħalma hija Nature Trust u oħrajn.

Dan kollu jorbot ħafna mad-development goals, partikolarment in-numru 3 u n-numru 15. U jiena nħeġġiġkom, aqrawhom dawn. Mhumiex diffiċli biex taqrawhom, jiġifieri għandek sbatax kollox u taqrawhom u tifhmuhom żgur dawn, u taraw x’inhuma l-miri li mixjin fuqhom. U f’dawn it-tnejn li qed insemmi hemm il-protezzjoni tal-bijodiversità, li għamilt referenza għaliha qabel meta bdejt nitkellem fuq in-naħal pereżempju, u l-promozzjoni ta’ ħajja b’saħħita għal kull età biex tkun ħolqa importanti fil-proġett kollettiv favur dinja iktar sostenibbli. Għax wara kollox jekk aħna nieħdu dawn il-miżuri kollha u ngħallmu lilkom biex tieħdu dawn il-miżuri u nagħmlu ċertu tibdil fil-ħajja ta’ kuljum, l-idea u l-għan aħħari għandu jkun li aħna, jekk xejn, intawlu l-ħajja ta’ kull wieħed minna fuq din l-pjaneta, kulħadd jixtieq jgħix fit-tul, bla dubju ta’ xejn; intejbu l-kwalità tal-ħajja, għax jekk għandna ngħixu, kulħadd jixtieq jgħix mingħajr mard, mingħajr ma jkun diżabbli jew inkella mingħajr ma jkollu ċertu piżijiet ta’ saħħa fuqu; u fl-istess ħin ukoll, kemm jista’ jkun, jgħix fit-tul u jkun qiegħed kuntent.

Jien għalhekk nagħlaq għax das-suġġett nibqgħu għaddejjin ma nieqfu qatt fuqu u għax huwa xi ħaġa li, bħalma tafu, hu għal qalbi ħafna u nħossu u nieħu pjaċir nitkellem fuqu, u għalhekk nirringrazzjakom, nirringrazzja lill-għalliema, nirringrazzja lill-istudenti kollha, lil Nature Trust li permezz tal-fundatur tagħha, kif saret referenza għalih, is-Sur Guido Lanfranco, forsi lanqas hu ma kien qed jirrealizza x’ser ivara dak iż-żmien u s-suċċess li kien ser ikollhom, bħalma jiġri dejjem, dak li jkun jagħmel l-isforzi tiegħu, ikollu viżjoni u mbagħad iż-żmien jippruvah li kellu raġun. U għalhekk dan kollu huwa edukazzjoni, ngħidlu mhux tagħlim, edukazzjoni, favur l-ambjent u s-saħħa tal-poplu tagħna. Jiena nosserva b’ammirazzjoni kemm is-Sur Lanfranco kien viżjonarju, allavolja qed nitkellmu s-sena 1962, ’il fuq minn sittin sena ilu, meta waqqaf din l-organizzazzjoni u kien wieħed li varaw id-dibattitu dwar il-bijodiversità u l-istorja tal-flora u l-fawna f’Malta. Is-Sur Lanfranco kien iktar fuq il-flora u l-fawna għaliex dak iż-żmien kien għadu ma kienx hawn, u ngħidha din iktar bħala stat ta’ fatt, ma kienx hawn il-kuxjenza tal-ambjent li hawn illum. Nista’ ngħidilkom, u anke żgħażagħ jisimgħuni, sas-snin sebgħin u anke kważi kważi l-bidu tat-tmeninijiet, ħafna pajjiżi fl-Ewropa lanqas kellhom Ministeru tal-Ambjent għad. Jiġifieri dan l-involviment tagħna kollu f’dawn l-affarijiet seħħ f’dawn l-aħħar ħamsin sena meta daħal il-kunċett iktar tard imbagħad ta’ sostenibilità, li rridu aħna ma nibqgħux bl-idea li d-dinja ma tispiċċa qatt, li r-riżorsi ma jispiċċaw qatt, li l-baħar ma nistgħux inniġġsuh, li l-ikel ħa jibqa’ ġej regolari u daħlet l-idea li aħna rridu nagħmlu politika ta’ sostenibilità, jiġifieri li aħna rridu nużaw ir-riżorsi li għandna, li tagħtina d-dinja, però nużawhom b’mod li ma nnaqqsux iċ-ċans ta’ dawk li ġejjin warajna biex anke huma jkollhom iċ-ċans illi jieħdu dawk ir-riżorsi. U dan huwa l-kunċett ta’ sostenibilità li wara kollox hija l-background tat-tagħlim u l-edukazzjoni tagħna favur l-ambjent.

Għalhekk nagħlaq billi nifraħ lill-istudenti kollha li ħadmu biex jgħinu lill-iskola tagħhom takkwista l-GreenFlag, u nirringrazzjahom talli kienu parti minn dan il-proġett importanti mhux biss għall-iskola, iżda jridu japplikawh wkoll għall-pajjiż. Fl-aħħar u mhux l-inqas, nirringrazzja wkoll lil bosta għalliema u edukaturi, mill-ġdid, li kienu strumentali biex EkoSkola tista’ tkun ta’ xempju kbir għalina lkoll.

Nirringrazzjakom.

Skip to content