The President of Malta

Speech – oath of office ceremony (Speech in Maltese)

Diskors fl-okkażjoni tal-Ġurament tal-Ħatra Ġudikatura April 2021

On. Prim Ministru On. Prim Imhallef On. Ministru Avukat tal-iStat, Sinjuri Maġistrati Sinjuri,

Nilqagħkom fil-Palazz ta’ Sant’ Anton għall-din l-okkażjoni li permezz tagħha ser jinħatru erba’ Maġistrati fil-Qrati Inferjuri ta’ Malta.

Filwaqt li nagħti merħba lil dawk kollha preżenti, nilqa’ b’mod speċjali likom – Sinjuri Maġistrati:

Dott Noel Bartolo; Dott Leonard Caruana; Dott Lara Lanfranco; Dott Elaine Mercieca.

Nifirħilkom għal din il-ħatra prestiġjuża li hija pass importanti ħafna fil-milja tal- ħajja professjonali tagħkom.

Fl-istess ħin, din il-ħatra hija pass daqstant ieħor importanti fil-ħajja demokratika ta’ pajjiżna, hekk kif dan qed iseħħ fl-isfond ta’ riformi fundamentali maħsuba biex ikompli jissaħħaħ l-iStat tad-Dritt f’pajjiżna.

Biċ-ċerimonja tal-lum qegħdin ukoll insaħħu l-pedamenti tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, li hija l-ogħla garanzija ta’ ġustizzja għal kull wieħed u waħda miċ- ċittadini tagħna.

Sinjuri Maġistrati,

Bla dubju ta’ xejn, din hija ġurnata ta’ avveniment kbir ukoll għall-qraba tagħkom.

Nixtieq insellmilhom u nroddilhom ħajr għall-appoġġ li tawkom tul ħajjitkom biex wasaltu fejn intom illum.

Dan l-istess appoġġ ser tiġu bżonnu fil-qadi tad-dmirijiet il-ġodda tagħkom, hekk kif ser jintalabu minnkom dedikazzjoni totali u determinazzjoni sħiħa biex l- operat tagħkom ikun wieħed effiċjenti, ġust u rispettat.

Il-messaġġ tiegħi f’okkażjonijiet bħal din tal-lum nixtieq li jibqa’ wieħed konsistenti.

Għalhekk lilkom ukoll ser intennielkom l-istess kliem li wassalt lill-Imħallfin li ħtart f’April li għadda.

Ser nisħaq fuq it-tlett kwalitajiet li jien, u l-Poplu Malti kollu ser ikun qed jistenna li jara fikom: responsabbilta’, professjonalità, u imparzjalità.

M’għandu jkun hemm l-ebda twemmin, razza, kulur, wiċċ jew preferenza, li jista’ jinfluwenza deċizjonijiet jew sentenzi tagħkom.

Żommu quddiem għajnejkom li l-imġieba tagħkom hija fl-aħħar mill-aħħar, eżempju ta’ korrettezza u integrità, li għandhom imexxu l-għemil tagħkom ġewwa l-Qrati u fil-komunità.

Fuq kollox inħeġġiġkom iżżommu f’moħħkom li kull min ifittex il-ħaqq, jistenna dan mingħajr dewmien żejjed. Filwaqt li nifhmu r-responsabbiltajiet kbar li sejrin iġġorru fuq spallejkom, tinsewx li tagħkom huwa servizz lill-komunità li tistenna li tiġi moqdija mill-aktar fis possibbli.

Nieħu din l-okkażjoni biex inrodd ħajr lill-Membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura għall-ħidma li jwettqu bir-reqqa u b’attenzjoni kbira.

Nifirħilkom, Sinjuri Maġistrati, u nixtieqilkom kull suċċess.

Skip to content