L-Uffiċċju tal-President jilqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni u l-iffirmar tal-ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-istaff domestiku fl-Uffiċċju tal-President. Il-ftehim jinkludi titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi tal-ħaddiema waqt li jirrifletti aħjar ir-responsabbiltajiet speċifiċi tal-ħaddiema fi rwoli varji.
Il-ftehim settorjali ġdid huwa riżultat ta’ xhur ta’ taħditiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, mas-sezzjoni tar-relazzjonijiet industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mal-General Workers’ Union li kienu strumentali biex jintlaħaq dan il-ftehim.
Il-ftehim kollettiv ġie ffirmat fil-Palazz ta’ Sant’Anton mis-Sinjura Rosette Spiteri Cachia, Segretarju tal-Presidenza, u mis-Sur Ian Vella, Uffiċjal Għoli fi ħdan il-fergħa tar-Riżorsi Umani, f’isem l-Uffiċċju tal-President, u mis-Sinjuri Kendrick Bondin, Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU, George Zahra, Assistent Segretarju tal-istess taqsima u mix-shop steward tal-ħaddiema tal-istaff domestiku fl-Uffiċċju tal-President, Vince Chircop.
L-Uffiċċju tal-President irringrazzja lil dawk kollha involuti fit-taħditiet u tenna l-apprezzament lejn il-ħaddiema kollha fi ħdanu għas-servizz professjonali, l-impenn serju u d-dedikazzjoni kontinwa tagħhom.
L-Uffiċċju tal-President jisħaq li se jibqa’ jirrikonoxxi l-ħidma tal-ħaddiema u joffri motivazzjoni u potenzjal lil dawk li jistinkaw biex itejbu l-karriera tagħhom kemm bl-esperjenza li jiksbu waqt ħidmiethom kif ukoll bit-taħriġ li jiksbu lil hinn mill-post tax-xogħol.
