The President of Malta

Il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika tal-Kenja, Jackline Lumumba Yonga, tippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

It-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Kenja ġew diskussi dalgħodu bejn il-President George Vella u l-Kummissarju Għoli l-ġdid tar-Repubblika tal-Kenja Jackline Lumumba Yonga.

Filwaqt li awgura mandat ta’ suċċess lill-Kummissarju Għoli, il-President esprima t-tama tiegħu li r-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi jibqgħu jissaħħu, anki fi ħdan il-qafas tal-Commonwealth u permezz tar-relazzjonijiet b’saħħithom li l-Kenja bniet mal-UE. Barra minn hekk, il-President Vella osserva li l-kooperazzjoni multilaterali tista’ tissaħħaħ ukoll permezz tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU hekk kif il-Kenja tikkonkludi r-rwol tagħha bħala Membru Mhux Permanenti dan ix-xahar u Malta tibda l-perjodu ta’ sentejn tagħha f’Jannar tal-2023.

Il-Kummissarju Għoli Lumumba Yonga tat ħarsa ġenerali tal-għanijiet tal-missjoni tagħha, fejn identifikat il-kummerċ, l-investiment, l-edukazzjoni terzjarja inkluż l-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali f’Malta, u t-turiżmu. Hija faħħret lil Malta għar-rwol li kellha b’mod konsistenti fl-Unjoni Ewropea bit-tħeġġiġ għal relazzjoni aktar profonda u usa’ mal-kontinent Afrikan.

Ġew diskussi wkoll il-migrazzjoni u s-sigurtà tal-ikel fl-Afrika, b’mod speċjali fid-dawl tal-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna.

Skip to content