Il-President ta’ Malta George Vella sema’ l-esperjenzi tas-sindki ta’ 12-il kunsill lokali li jiffurmaw parti mill-Kunsill Reġjonali Tramuntana waqt laqgħa li saret il-Ħamis fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
F’dik li kienet it-tieni minn sensiela ta’ laqgħat li l-President qed ikollu mas-sindki tal-lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex, il-President fisser kif il-ħsieb wara dawn il-laqgħat huwa li jsir bdil ta’ ideat u suġġerimenti b’rabta mal-isfidi eżistenti. Barra minn hekk, il-President stqarr li, “Il-kunsilli lokali għandhom rwol strumentali xi jwettqu fil-pjan għall-għaqda nazzjonali u nħeġġiġhom biex jagħmlu l-parti tagħhom f’din l-inizjattiva.”
Il-President George Vella fakkar li l-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali ser titwaqqaf bl-għan li tindirizza b’mod tanġibbli – anke billi tisma’ fost l-oħrajn mingħand is-sindki u kunsilliera nnifishom – dak li jrid isir biex jitnaqqsu l-firdiet ta’ bejnietna.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Mario Fava, President tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, esprima l-apprezzament tal-assoċjazzjoni għal laqgħat ta’ din ix-xorta, filwaqt li qal li, “Il-Presidenza qed turi importanza għall-problemi eżistenti fil-lokalitajiet u tagħti widen għall-kunsilli lokali li jistgħu jkunu pijunieri fil-ħidma għall-għaqda nazzjonali”.
F’kelmtejn, il-President tal-Kunsill Reġjonali Tramuntana is-Sur Anton Mifsud irringrazzja lill-President ta’ inizjattiva bħal din li permezz tagħha s-sindki jistgħu jesprimu l-ħsibijiet tagħhom u jiddiskutu kif jistgħu jwasslu l-messaġġ tal-għaqda nazzjonali.