The President of Malta

Il-President George Vella laqa’ żjara ta’ korteżija mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Armenja

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President George Vella laqa’ żjara ta’ korteżija minn Ararat Mirzoyan, Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Armenja. Il-President laqa’ l-ewwel żjara li qatt saret f’Malta minn Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Armenja u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-iżvilupp importanti fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali. Iż-żewġ partijiet qablu li hemm lok għall-istabbiliment u l-konsolidazzjoni tal-kuntatti f’għadd ta’ setturi, fosthom il-kummerċ, l-edukazzjoni, it-turiżmu, l-ICT u l-inġinerija.

Ġew diskussi l-istat attwali u t-titjib ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Unjoni Ewropea, fejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin esprima l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ kontinwu ta’ Malta f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward sar riferiment ukoll għall-kuntest reġjonali usa’ tas-Sħubija tal-Lvant.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwetanti fir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh, il-President Vella ħeġġeġ aktar negozjati sabiex ikun jista’ jintlaħaq ftehim u li dan ikun sostenibbli. Esprima wkoll l-appoġġ għar-rwol tal-UE li tikkomunika maż-żewġ naħat biex jintlaħaq ftehim paċifiku.

Skip to content