The President of Malta

Il-President ta’ Malta jirċievi kredenzjali diplomatiċi minn kapijiet tal-missjoni ġodda

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Tliet kapijiet tal-missjoni diplomatika ġodda ppreżentaw il-kredenzjali diplomatiċi tagħhom lill-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ San Anton.

Il-Kummissarju Għoli tal-Kanada Elissa Goldberg kienet l-ewwel waħda li ppreżentat l-Ittri ta’ Kummissjoni tagħha lill-President Vella.

Matul iċ-ċerimonja, il-President Vella u l-Kummissarju Għoli Goldberg għamlu referenza għall-potenzjal li jeżisti bejn iż-żewġ pajjiżi fis-settur kummerċjali, filwaqt li laqgħu l-fatt li r-relazzjonijiet politiċi huma diġà eċċellenti. L-oqsma li fihom ġie identifikat lok għal titjib fil-kooperazzjoni varjaw mill-industrija tal-films, l-IT u l-innovazzjoni, is-settur farmaċewtiku u l-FinTech.

Iż-żewġ partijiet iddiskutew l-aħħar żviluppi fir-rigward tal-gwerra fl-Ukrajna u l-bosta effetti politiċi u ekonomiċi li din għandha fuq il-kwistjonijiet internazzjonali.

Imbagħad ippreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha l-Ambaxxatriċi tar-Repubblika tal-Panama Ana Maria Reyes Castillo de Quevedo.

Il-President Vella esprima l-interess li Malta għandha biex tesplora oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Panama u rrefera għall-potenzjal fil-qasam kummerċjali, tal-investiment, u dak industrijali. L-Ambaxxatriċi Reyes Castillo de Quevedo qablet li għad hemm lok għal titjib fl-iskambji bilaterali u żiedet il-kooperazzjoni fis-settur marittimu mal-prijoritajiet għall-mandat tagħha.

It-tielet wieħed li ppreżenta l-Ittri ta’ Kummissjoni tiegħu kien il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika ta’ Ċipru Yiorgos Christofides.

Il-President Vella nnota li r-relazzjonijiet bejn Malta u Ċipru huma mibnija fuq konverġenza soda bejn iż-żewġ pajjiżi. Żied jgħid li kemm Malta kif ukoll Ċipru għandhom passat kolonjali twil, it-tnejn huma stati gżejjer fil-Mediterran, għandhom għanijiet reġjonali komuni, u li t-tnejn huma membri tal-UE u tal-Commonwealth.

Skip to content