Tliet kapijiet tal-missjoni diplomatika ġodda ppreżentaw il-kredenzjali diplomatiċi tagħhom lill-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
L-Ambaxxatriċi tal-Mongolja, Narantungalag Tserejndorj, kienet l-ewwel waħda li ppreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President George Vella. Il-President Vella laqa’ r-relazzjonijiet bilaterali li ilhom żmien twil bejn Malta u l-Mongolja u żied jgħid li għad hemm lok għal kooperazzjoni, inkluż fil-kummerċ, fl-edukazzjoni u fit-turiżmu. Il-President qal li Malta qed tittama wkoll li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Mongolja jwasslu għal kooperazzjoni ekonomika akbar, anki fil-livell bilaterali. Fl-istess kuntest, huwa qal li l-istrateġija Indo-Paċifika tal-UE tippermetti li jissaħħu aktar ir-relazzjonijiet tal-UE u twassal għal aktar kooperazzjoni f’oqsma li jinkludu kwistjonijiet diġitali, is-sigurtà marittima u ekonomika u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli.
Imbagħad ppreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu l-Ambaxxatur tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, Duong Hai Hung. Il-President Vella qal li Malta tinsab ħerqana li tkompli tikkollabora fil-livell multilaterali f’oqsma ta’ interess reċiproku, permezz ta’ oqfsa internazzjonali bħall-UE-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) kif ukoll il-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEF). B’mod speċifiku, fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, il-President żied jgħid li Malta tilqa’ r-relazzjoni fit-tul stabbilita bejn l-UE u l-Vjetnam u ser tkompli tappoġġja t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet.
It-tielet waħda li ppreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha kienet l-Ambaxxatriċi tar-Repubblika tal-Armenja, Tsovinar Hambardzumyan. Il-President osserva li għad hemm potenzjal kbir li jista’ jiġi sfruttat miż-żewġ pajjiżi u esprima t-tama tiegħu għal eżiti ta’ suċċess tal-inizjattivi sinifikanti eżistenti u dawk ġodda. Fakkar il-Memorandum ta’ Qbil dwar l-Istabbiliment ta’ Konsulenzi Politiċi ffirmat fi Frar tal-2019 bħala pass importanti ħafna lejn din id-direzzjoni. Oqsma tanġibbli ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu l-kultura, il-kummerċ, it-turiżmu u l-edukazzjoni terzjarja permezz tal-Università ta’ Malta u l-Akkademja Mediterranja tal-Istudji Diplomatiċi.
Matul l-ikla ta’ nofsinhar mal-kapijiet tal-missjoni l-ġodda, il-President George Vella ħeġġiġhom biex ikomplu jippromwovu aktar djalogu bejn il-popli.
.



