Tliet kapijiet tal-missjoni diplomatika ġodda ppreżentaw il-kredenzjali diplomatiċi tagħhom lill-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ San Anton.
L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika Demokratika Federali tal-Etjopja, Demitu Hambisa Bonsa, kienet l-ewwel waħda li ppreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President George Vella. Il-President Vella spjega li Malta tagħti valur kbir lill-Etjopja bħala sieħba reġjonali importanti kemm għar-rwol pożittiv u kostruttiv li għandha fil-Qarn tal-Afrika kif ukoll bħala s-sede tal-Kwartieri Ġenerali tal-Unjoni Afrikana. Il-President żied jgħid li permezz tal-ftuħ tal-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa Addis Ababa, Malta se tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha li tinteraġixxi aktar mal-Etjopja fi kwistjonijiet umanitarji.
Imbagħad ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu l-Ambaxxatur tar-Renju tat-Tajlandja, Attakarn Wongchanamas. Il-President Vella u l-Ambaxxatur iddiskutew l-oqsma fejn tista’ titjieb il-kooperazzjoni għall-benefiċċju taż-żewġ pajjiżi, b’mod speċjali fis-setturi tal-kummerċ, it-turiżmu u skambji bejn il-popli. Il-President Vella qal li r-relazzjonijiet jistgħu jissaħħu aktar permezz tal-parteċipazzjoni taż-żewġ pajjiżi f’forums interreġjonali importanti bħall-ASEM, il-qafas UE-ASEAN u l-Istrateġija Indo-Paċifika mnedija mill-Unjoni Ewropea.
It-tielet wieħed li ppreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu kien l-Ambaxxatur tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos, Latsamy Keomany. Il-President qal li filwaqt li l-kuntatti bejn Malta u l-Loas huma relattivament friski minħabba li r-relazzjonijiet diplomatiċi ġew stabbiliti fl-2011, hemm potenzjal kbir biex dawn ikomplu jissaħħu matul il-mandat tal-Ambaxxatur. Il-President Vella rrefera għas-sħubija taż-żewġ pajjiżi f’oqfsa ta’ kooperazzjoni internazzjonali importanti bħall-ASEM u l-Istrateġija Indo-Paċifika tal-UE, u żied jgħid li dawn il-pjattaformi jipprovdu opportunitajiet ideali għal aktar kuntatti bejn il-popli u interazzjoni bejn il-politiċi, in-negozji u l-akkademiċi.
Matul ikla ta’ nofsinhar mal-kapijiet tal-missjoni l-ġodda, il-President George Vella ħeġġiġhom biex ikomplu jesploraw il-ħafna possibbiltajiet li toffri Malta. Il-President qal li Malta tappoġġja bis-sħiħ il-multilateraliżmu minħabba li approċċ multilaterali għall-kwistjonijiet u l-kriżijiet globali jkun ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha involuti.




