The President of Malta

Il-President ta’ Malta kien “sostenitur qawwi” fit-twaqqif tal-IIJ – rappreżentant tal-Gvern tal-Istati Uniti

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President George Vella qal li s-sinerġija li nħolqot matul l-aħħar 10 snin mit-twaqqif tal-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u l-Istat tad-Dritt (IIJ) f’Malta, isservi ta’ forza qawwija għal bidla pożittiva u kollettiva, hekk kif dan jagħraf li l-indirizzar tat-theddid tranżnazzjonali għas-sigurtà tagħna jista’ jiġi indirizzat b’mod sostenibbli biss permezz ta’ approċċ kooperattiv u li l-ebda pajjiż wieħed waħdu ma jista’ jindirizza l-isfidi b’mod effettiv.

Gregory LoGerfo, Deputat Koordinatur Prinċipali għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, irringrazzja lill-President George Vella għall-appoġġ tiegħu lill-IIJ sa mit-twaqqif tiegħu.

“Int kont sostenitur qawwi u kellek rwol ewlieni fit-twaqqif tal-IIJ f’Malta fl-2014,” qal Gregory LoGerfo hekk kif irrikonoxxa li kemm Malta kif ukoll l-Istati Uniti qed ikomplu jaħdmu flimkien biex jiġġieldu t-terroriżmu.

Fid-diskors tiegħu waqt konferenza għaċ-ċelebrazzjoni ta’ għaxar snin ta’ impenn tal-Istitut favur il-ġustizzja, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-President Vella fakkar fir-rwol fundamentali tal-ex Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta, Gina Abercrombie-Winstanley u l-mibki Ambaxxatur u viżjonarju, Alfred Zarb biex titwaqqaf din l-istituzzjoni permanenti f’Malta.

“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nara li l-membri, is-sħubijiet u l-attivitajiet tal-IIJ kibru mhux ftit mit-tnedija tiegħu f’Malta fl-2014, meta bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin aċċettajt li nospitaw dan l-Istitut prestiġjuż f’Malta. Wara xi ġimgħat ta’ negozjati li jiġbru kollox flimkien, f’isem il-Gvern ta’ Malta, bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin, kelli l-pjaċir li nniedi l-IIJ fit-18 ta’ Ġunju 2014 flimkien ma’ 13-il sieħeb fundatur ieħor,” qal il-President Vella.

Il-President ta’ Malta qal li permezz tal-proġetti prattiċi tiegħu u l-kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet ewlenin, l-IIJ indirizza wħud mill-aktar kwistjonijiet tranżnazzjonali urġenti li qiegħda tiffaċċja l-komunità globali llum b’mod f’waqtu u li jħalli impatt, inkluż it-terroriżmu endoġenu, biex jiġi miġġieled l-estremiżmu vjolenti bbażat fuq ir-razza jew l-oriġini etnika.

Il-President Vella rrefera għall-Istitut bħala ċentru ta’ għarfien u innovazzjoni rispettat ħafna li jmur lil hinn mill-fruntieri. Saħaq li l-Istitut qed jikkontribwixxi b’mod tanġibbli għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-prattikanti tal-ġustizzja kriminali u, fix-xenarju mqalleb tal-lum, ħoloq forum għall-iskambju ta’ prattiki tajba kontra t-terroriżmu u attivitajiet kriminali tranżnazzjonali oħra fi ħdan qafas ta’ stat tad-dritt f’konformità mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti fil-livell internazzjonali.

“Dan it-tip ta’ kooperazzjoni orizzontali bejn l-istituzzjonijiet huwa eżempju tajjeb ħafna ta’ multilateraliżmu effettiv li Malta dejjem appoġġat u ppromwoviet b’mod attiv fit-territorju tagħha u fil-fora internazzjonali kollha li pparteċipajna fihom,” qal il-President George Vella.

B’ħarsa lejn il-futur, il-President Vella qal li l-Istitut jinsab f’pożizzjoni tajba biex iwitti t-triq u jkollu rwol importanti fl-indirizzar tat-theddid emerġenti fil-kuntest ta’ xenarju ġeopolitiku u ta’ sigurtà li qed imur għall-agħar.

Steven Hill, Segretarju Eżekuttiv tal-IIJ, faħħar lill-President u lill-Gvern ta’ Malta għall-appoġġ tagħhom lill-Istitut li tul is-snin kellu ’l fuq minn 9,000 student minn 130 pajjiż.

Skip to content