The President of Malta

Il-President Vella jħeġġeġ lill-Konsli Onorarji ta’ Malta jkomplu jikkontribwixxu għall-isforzi u l-enerġiji ta’ Malta fit-tfittxija tal-paċi

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

“Inħeġġiġkom tkomplu bil-ħidma tajba tagħkom u tkomplu tikkontribwixxu għall-isforzi u l-enerġiji ta’ Malta fit-tfittxija tal-paċi.” Il-President George Vella qal dan fl-indirizz tiegħu lill-Konsli Onorarji ta’ Malta fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta nhar l-Erbgħa waranofsinhar.

Il-President Vella ltaqa’ l-aħħar mal-Konsli Onorarji li jirrappreżentaw lil Malta barra minn xtutna lura f’Mejju tal-2019. Fid-diskors tiegħu, il-President iddeskriva l-laqgħa bħala waħda tassew f’waqtha, hekk kif l-isfidi qegħdin jiżdiedu. “Id-dinja għaddiet minn ħafna taqlib mill-aħħar darba li ltqajna f’dan il-format – b’pandemija li qalbet ħajjitna ta’ taħt fuq, u żewġ gwerer li għadhom għaddejjin bħalissa; waħda fl-Ukrajna u l-oħra bejn Iżrael u l-Ħamas,” qal il-President. Spjega kif dawn l-iżviluppi ħallew impatt fuq l-istabbiltà politika u ekonomika globali u affettwaw il-ħidma tal-Konsli Onorarji.

Il-President Vella ħeġġiġhom jaħsbu b’mod kreattiv dwar l-opportunitajiet u jressqu s-suġġerimenti tagħhom lill-Ministeru u lil entitajiet speċjalizzati oħrajn li jistgħu jibbenefikaw mill-għarfien tagħhom. Aspett ieħor li stedinhom jagħtuh attenzjoni aktar mill-qrib huwa, “Il-wirt kulturali enormi li għandhom il-gżejjer tagħna, li huwa wieħed mill-akbar riżorsi li nistgħu niftaħru bihom.”

Fir-rigward tar-realtajiet multikulturali, il-President talab lil dawk kollha preżenti jiżguraw li kull abbuż jew devjazzjoni potenzjali mill-istandards u n-normi aċċettabbli fejn jidħlu l-impjieg, l-akkomodazzjoni u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jiġu rrappurtati immedjatament lill-awtoritajiet Maltin. Stqarr li l-pożizzjoni tiegħu dwar din il-kwistjoni hija waħda ċara – tolleranza żero għal kwalunkwe kundizzjoni li hija inġusta jew mhux dinjituża. Fl-istess ħin, il-President Vella ħeġġeġ lill-Konsli jużaw l-għarfien li għandhom tan-normi legali, ekonomiċi, kulturali u soċjali ta’ Malta biex jiżguraw li l-proċess ta’ integrazzjoni fil-komunitajiet Maltin ikun wieħed bla xkiel.

Filwaqt li enfasizza li l-Konsli Onorarji jservu bħala l-punt ta’ kuntatt prinċipali għall-individwi Maltin li jiffaċċjaw sfidi jew kriżijiet barra minn xtutna, il-President esprima l-gratitudni tiegħu f’isem mijiet ta’ ċittadini Maltin u l-familji tagħhom li fittxu l-għajnuna, b’mod partikolari matul il-pandemija tal-COVID-19.

Il-President Vella ħeġġeġ lill-Konsli Onorarji kollha jżommu l-istess livell ta’ professjonaliżmu, kompetenza u fiduċja mas-suċċessur tiegħu.

Fid-diskors ta’ ftuħ tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg wera l-apprezzament tiegħu lill-Konsli Onorarji għad-dedikazzjoni bla waqfien tagħhom biex jirrappreżentaw lil Malta u jassistu liċ-ċittadini tagħha madwar id-dinja. Huwa afferma mill-ġdid l-impenn tal-Ministeru li jappoġġja lill-Konsli fl-isforzi tagħhom, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni għall-avvanz tal-interessi ta’ Malta fix-xena globali.

Ritratti: OPR

Skip to content