Fl-aħħar jum taż-Żjara Statali fl-Irlanda, il-President Vella żar l-Iskola tal-Kadetti tal-Forzi tad-Difiża Irlandiżi f’Curragh Camp, fejn iltaqa’ ma’ tliet uffiċjali kadetti Maltin li bħalissa qegħdin jagħmlu taħriġ tal-kadetti mal-Forzi tad-Difiża Irlandiżi. It-Tieni Logutenent Brandon Spiteri u t-Tieni Logutenent Cain Vella ser jiġu kkummissjonati mill-Klassi 98thCadet fl-aħħar ta’ Marzu 2023, filwaqt li l-Uffiċjal Kadett Ismael Camilleri għandu jlesti l-Kors 99thCadet fl-aħħar ta’ Marzu 2024.
Il-kollaborazzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) mal-Forzi tad-Difiża Irlandiżi (IDF) bdiet fl-2009. B’kollox, 68 Uffiċjal Kadett tal-AFM iggradwaw mill-Akkademji Militari u Navali tal-IDF fl-Irlanda. Il-President Vella nnota r-rabtiet b’saħħithom bejn il-Forzi tad-Difiża Irlandiżi u l-Forzi Armati ta’ Malta, li jinkludu wkoll l-iskjerament ta’ persunal tal-AFM għall-operazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda ta’ żamma tal-paċi fil-Libanu (UNIFIL) bħala parti mill-Battaljun IRISHPOL.
Akkumpanjat mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, il-President Vella kellu laqgħa mad-Deputat Prim Ministru tal-Irlanda, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ministru għad-Difiża Micheál Martin. Id-diskussjoni ffokat fuq il-gwerra fl-Ukrajna, il-ftehim riċenti bejn l-UE u r-Renju Unit dwar il-Protokoll dwar l-Irlanda ta’ Fuq, il-fiduċja kondiviża fil-multilateraliżmu, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, u l-prijoritajiet taż-żewġ pajjiżi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Il-President Vella rringrazzja lill-Irlanda għall-għarfien u l-esperjenzi li qasmet ma’ Malta qabel bdiet it-terminu tagħha, peress li l-Irlanda kienet membru mhux permanenti qabel Malta.
L-impenji f’Dublin inkludew ukoll żjara lil EPIC, The Irish Emigration Museum, fejn il-President Vella ngħata ħarsa ġenerali tal-istorja tal-emigrazzjoni fl-Irlanda u l-impatt li kellhom l-emigranti Irlandiżi fuq id-dinja, u żjara lil Ordnance Survey Ireland (OSI) – l-entità responsabbli mill-kartografija tal-gżira kollha tal-Irlanda.




