The President of Malta

It-Tielet Edizzjoni

Titnieda t-tielet edizzjoni tal-Konferenza Nazzjonali dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’

Il-President ta’ Malta George Vella nieda t-tielet edizzjoni tal-Istħarriġ u l-Konferenza Nazzjonali dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’, li se ssir fit-2 ta’ Ġunju 2023 fil-Palazz Verdala. 

Il-President Vella nnota li t-temi maħsuba għall-konferenza ta’ din is-sena kollha jmissu liċ-ċittadin b’mod dirett fil-ħajja ta’ kuljum. Dawn jinkludu l-familja, il-media u l-isfidi ġodda li qed iġibu fis-soċjetà, it-tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi, id-drittijiet u l-ugwaljanza. Il-President qal li għal darb’oħra se jingħata kull spazju biex lindividwu jgħidha kif iħossha, bla tidwir ta’ kliem fuq temi li kultant jafu jkunu wkoll xi ftit skomdi. “Naħseb li din l-ispontanjetà hija fattur li ddetermina s-suċċess ta’ ‘L-Istat tan-Nazzjon’ u ninsab żgur li anke din is-sena se joħorġu spunti u elementi ta’ interess,” stqarr il-President Vella. Irrimarka li jkun interessanti ferm naraw jekk hux se jkun hemm xi ċaqliq u f’liema direzzjoni, anke minħabba d-dinamiżmu kontinwu fil-komunità tagħna, liżviluppi soċjoekonomiċi, il-preżenza ta’ barranin fostna, u t-taqlib internazzjonali li għaddejjin minnu bħalissa

Il-President Vella radd ħajr lill-Konsulent fil-Komunikazzjoni Strateġika, Lou Bondì, u l-Istatistiku u Lettur flUniversità ta’ Malta, Vincent Marmarà, għall-ħidma, id-determinazzjoni u l-enerġija tagħhom. 

Fit-tnedija, Dr Marmarà spjega li l-informazzjoni diġà bdiet tinġabar minn fost kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ’l fuq. Qal li l-interess prinċipali mhux li jsiru magħrufa l-opinjonijiet fuq ħaġa partikolari jew avvenimenti differenti, iżda li wieħed iħares aktar fil-fond lejn dak li jista’ jwassal għall-formazzjoni tal-prinċipju u l-opinjoni tal-poplu. “Din is-sena se jkollna l-opportunità li nqabblu l-aħħar tliet snin, u dan se jibda jagħti viżibilità aħjar dwar kif qed jinbidlu ċerti temi importanti fost il-poplu. Id-diskussjoni mhux se tibda qabel inkunu smajna x’qed jgħid il-poplu. B’hekk niggarantixxu li nżommu lill-poplu fiċ-ċentru tad-diskussjoni,” temm jgħid Dr Marmarà.

Is-Sur Bondì nnota li din il-konferenza saret punt ta’ referenza fid-dibattitu nazzjonali dwar min aħna bħala Maltin u Għawdxin. Qal li għal darb’oħra l-kelliema se jkunu ġejjin minn oqsma differenti: akkademiċi, politiċi, imprendituri, membri ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, u oħrajn. Is-Sur Bondì ħabbar li għall-ewwel darba din is-sena lejn tmiem il-konferenza huwa se jkun qed jintervista b’mod separat lill-Prim Ministru u lillKap tal-Oppożizzjoni. 

Jitħabbru r-riżultati tat-tielet stħarriġ xjentifiku dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’

Fil-Palazz Verdala, tħabbru r-riżultati tat-tielet stħarriġ xjentifiku dwar ‘l-istat tan-nazzjon’ mill-espert fl-istatistika u lettur fl-Università ta’ Malta Dr Vincent Marmarà u s-soċjologu Lou Bondì.

L-istħarriġ sar minn fost kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ‘l fuq.

Dr Marmarà spjega li minn dan l-istudju rajna kemm is-sehem tal-familja huwa importanti għall-ħajja tagħna ta’ kuljum, għad-deċiżjonijiet li nieħdu, kif ukoll għall-problemi li naffaċċjaw. Matul il-preżentazzjoni tal-istħarriġ, Dr Marmarà rrimarka kif bħalissa jidher li n-nies qed isegwu inqas aħbarijiet, infatti ġie nnutat tnaqqis kważi fis-sorsi kollha ta’ midja differenti, bit-televiżjoni jkun l-aktar sors li jużaw in-nies biex isegwu l-aħbarijiet Maltin. Ħareġ li l-poplu jemmen f’Alla imma mhux bl-istess livell ta’ importanza li jagħti lir-reliġjon. Intqal ukoll kif il-poplu jħoss li wara l-elezzjoni l-politika hija inqas importanti għalih. Fl-isfond ta’ dan, il-poplu jikkunsidra inqas l-opinjoni tal-partit politiku qabel ifassal l-opinjoni tiegħu. Bħala impatt ieħor naraw li bħalissa hemm aktar nies li jikkunsidraw jivvutaw partiti differenti fil-futur. Irriżulta wkoll li terz tal-poplu mhux komdu bit-taħlit tal-kulturi flimkien, terz ieħor tal-poplu huwa indeċiż dwar it-taħlit tal-kulturi, jew forsi aħjar ngħidu skont liema kultura lest li jitħallat magħha, u terz ieħor biss huwa komdu bit-taħlit tal-kulturi flimkien.

Il-konsulent fil-komunikazzjoni strateġika, Lou Bondi, qal li din is-sena hemm il-vantaġġ li nistgħu nqabblu r-riżultati tal-istħarriġ ma’ dawk tas-sentejn ta’ qabel u naraw kienx hemm xi tibdil.

Fil-ftuħ tal-konferenza nazzjonali ta’ ġurnata, il-President ta’ Malta George Vella qal li sentejn ilu, din l-inizjattiva “kienet viżjoni għat-tul u mhux okkażjoni ta’ darba li ma twassal għal imkien.” Huwa stqarr kif issa jmiss li mmorru pass ieħor ’il quddiem u naraw kif nistgħu ngħaddu għall-istadju ta’ implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet li ser nisimgħu llum. Il-President fisser l-importanza li l-politiċi, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet, is-soċjetà ċivili u l-NGOs jibdew iħarsu lejn din il-Konferenza wkoll mill-istess lenti.

Indirizzat ukoll il-ftuħ tal-konferenza l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, li ffukat id-diskors tagħha fuq il-ġid komuni, il-bżonn ta’ mudell ekonomiku ġdid biex permezz tal-ġid li jinħoloq kull persuna tgħix aħjar u l-ħtieġa li jiżdied l-attiviżmu ta’ kulħadd. “Għalija l-ġid komuni hu direzzjoni u mhux destinazzjoni biss. Direzzjoni li toffri qafas b’saħħtu biex in-nies jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Il-ġid komuni ma jfissirx li tħares lejn il-maġġoranzi u tinsa l-minoranzi jew lil min qiegħed fix-xifer,” saħqet il-President Metsola. Hija żiedet li pajjiżna jeħtieġ politika ekonomika ġdida: trasformazzjoni li toħloq stabbiltà u kredibbiltà. “Jeħtieġ ikollna politika li toffri tama u sens ta’ ottimiżmu għal dak li għad nistgħu nilħqu,” sostniet il-President tal-istituzzjoni Ewropea, filwaqt li żiedet tgħid li minflok retorika politika, in-nies iridu min jagħtihom is-soluzzjonijiet li bihom jista’ jkollhom serħan il-moħħ.

Links:

  1. Filmat ġenerali: https://ivisionmalta.wetransfer.com/downloads/9fc32008e13dc30a96a5d3227b770d5120230602072644/105c3e8cc02048a4d70db827aedee84c20230602072644/06138c
  2. Diskors: https://ivisionmalta.wetransfer.com/downloads/a65d92b6b4dda816ea6f58d73f2c8fcc20230602072012/71264bfec9e0ac498c9c2f9c404ef4be20230602072012/2d48d0
  3. Link biex tniżżel il-preżentazzjoni ta’ Dr Marmara: https://wetransfer.com/downloads/635d6e66a8baa72357809f14e9c6d45a20230601181533/410766
Skip to content