The President of Malta

“It-turiżmu għad għandu rwol prinċipali fl-iżvilupp tar-reġjun tal-Mediterran” – il-President ta’ Malta waqt il-Mediterranean Tourism Gala Awards 2023

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

 “It-turiżmu għad għandu rwol prinċipali fl-iżvilupp tar-reġjun tal-Mediterran, billi jipprovdi opportunitajiet ta’ impjieg, u għalhekk isostni l-għajxien ta’ miljuni ta’ nies minn madwar ir-reġjun,” stqarr il-President ta’ Malta George Vella waqt il-Mediterranean Tourism Gala Awards 2023 organizzati mill-Mediterranean Tourism Foundation.

Fid-diskors tiegħu, il-President Vella rrimarka li l-potenzjal li t-turiżmu jkun forza li tista’ timbotta l-iżvilupp tal-bniedem kif ukoll il-progress soċjali u ekonomiku fil-Mediterran, jibqa’ sostanzjali. Stqarr li l-eventwalità ta’ jekk it-turiżmu fil-Mediterran jissarrafx f’opportunità jew diżastru tiddependi għalkollox minn kif nimmaniġġjawh. Huwa għalhekk li rridu nikkonċentraw l-isforzi kollha biex niżguraw li hekk kif ikompli jikber, it-turiżmu fir-reġjun tagħna jiżviluppa skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għall-ġid tal-popli kollha fil-pajjiżi ospitanti, qal il-President.

F’dan l-isfond, il-President Vella faħħar lill-Mediterranean Tourism Foundation għall-isforzi kontinwi u d-determinazzjoni tagħha biex twettaq viżjoni ta’ turiżmu sostenibbli u reżiljenti fil-Mediterran permezz tal-kooperazzjoni u l-iskambji ta’ benefiċċju reċiproku. Qal li t-turiżmu fil-Mediterran għadu sal-lum il-ġurnata xprun qawwi li jista’ jgħinna negħlbu d-diversi sfidi li qegħdin niffaċċjaw fir-reġjun tagħna. “Nibqa’ nemmen bis-sħiħ fil-ħtieġa li nibdlu n-narrattiva dwar il-Mediterran,” qal il-President, filwaqt li appella biex niffokaw aktar fuq l-iskambji vibranti bejn il-popli.

Il-President Vella laqa’ t-tema tal-Forum tat-Turiżmu fil-Mediterran ta’ din is-sena li jiffoka fuq ‘Mediterranean Life’ (Ħajja Mediterranja). “L-attività tat-turiżmu ddur madwar l-esperjenza ġenwina u t-tgawdija tal-ambjent naturali ta’ kull destinazzjoni, inklużi l-attrazzjonijiet naturali bħall-baħar, ix-xemx, il-foresti, il-muntanji, id-deżerti u t-tradizzjonijiet differenti kollha, l-ikel, il-folklor, u l-kultura b’mod ġenerali. Dawn l-elementi kollha jirrakkontaw ġrajja ta’ ħajjitna,” stqarr il-President.

Il-Mediterran, qal il-President, huwa wieħed mill-ibħra li jara l-aktar attività fid-dinja u jibqa’ arena importanti li għandha effett qawwi ħafna fuq l-affarijiet internazzjonali, kif min-naħa tagħha tiġi influwenzata minn dak li jkun qed jiġri madwarna.

Il-President Vella feraħ lir-rebbieħa kollha tal-Mediterranean Tourism Gala Awards ta’ din is-sena għall-kontribut tagħhom fil-promozzjoni ta’ turiżmu sostenibbli u reżiljenti fil-Mediterran.

Skip to content