Il-President Vella laqa’ lill-Ambaxxatriċi Šofranac Ljubojević u awguralha kull suċċess fil-kariga tagħha. Huwa esprima l-interess ta’ Malta li tara li r-relazzjonijiet eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jissaħħu fl-oqsma kollha, inkluż dawk kummerċjali u turistiċi. Matul l-iskambji tagħhom, il-President Vella tenna l-appoġġ li Malta ilha tagħti għal żmien twil lill-prospettiva tal-Montenegro għal adeżjoni mal-UE. Il-President ħeġġeġ lill-awtoritajiet fil-Montenegro biex ikomplu jibnu fuq ir-riformi maħsuba biex iħaffu l-prospetti Ewropej tal-pajjiż. Is-sejbiet tal-aħħar rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tkabbir, li ħareġ f’Ottubru, jixħet dawl pożittiv fuq l-isforzi komprensivi li qegħdin isiru mill-Montenegro fit-triq tiegħu lejn l-adeżjoni mal-UE.
Kemm il-President kif ukoll l-Ambaxxatriċi laqgħu s-Summit li jmiss bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent li ser jiġi organizzat mill-Albanija f’Diċembru.
Min-naħa tagħha, l-Ambaxxatriċi Šofranac Ljubojević tat spjega dettaljata dwar kif il-Montenegro huwa impenjat bis-sħiħ li jilħaq l-għanijiet tiegħu ta’ adeżjoni mal-UE. Hija esprimiet l-apprezzament ta’ pajjiżha għall-appoġġ kontinwu ta’ Malta f’dan ir-rigward. Qalet ukoll li l-pajjiż huwa allinjat bis-sħiħ mal-pożizzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar kwistjonijiet importanti ħafna bħall-gwerra Russa fl-Ukrajna. Barra minn hekk, l-Ambaxxatriċi fissret l-impatt dirett li l-konsegwenzi ta’ din il-gwerra qed ikollhom fuq is-setturi tal-investiment u tat-turiżmu tal-Montenegro.


