The President of Malta

L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika ta’ El Salvador Julieta Anabella Machuca y Machuca tippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika ta’ El Salvador Julieta Anabella Machuca y Machuca ippreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.

Waqt iċ-ċerimonja, il-President Vella qal li r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u r-Repubblika ta’ El Salvador dejjem kienu tajbin minn meta ġew stabbiliti għoxrin sena ilu. Fuq livell usa’, osserva li fix-xenarju ġeopolitiku mqalleb ta’ bħalissa, huwa importanti ħafna li l-Unjoni Ewropea tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha ma’ sħab bħal El Salvador. L-UE ppromwoviet bis-sħiħ it-tkabbir ekonomiku, id-demokrazija, u l-istabbiltà fl-Amerka Ċentrali, u Malta tibqa’ tappoġġja impenn aktar mill-qrib bejn l-UE u El Salvador. Barra minn hekk, Malta tapprezza ferm ir-relazzjonijiet kostruttivi UE-CELAC biex jiġi esplorat impenn reċiproku fil-qasam politiku, ekonomiku, umanitarju, soċjali kif ukoll kulturali quddiem l-isfidi l-ġodda.

L-Ambaxxatriċi nnotat li huwa meħtieġ momentum pożittiv biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni reċiproka fi kwistjonijiet bħall-integrazzjoni reġjonali u l-iżvilupp sostenibbli, fost oħrajn. Spjegat li El Salvador wettaq riformi ekonomiċi u soċjali kbar li servew ukoll biex itejbu ħafna s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż. L-Ambaxxatriċi Machuca y Machuca tat ħarsa ġenerali lejn l-istat tar-relazzjonijiet bejn El Salvador u l-pajjiżi ġirien.

Ritratti: OPR

Skip to content