The President of Malta

L-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, Vesel Memedi, jippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

L-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, Vesel Memedi, ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.

Il-President Vella laqa’ lill-Ambaxxatur il-ġdid u awguralu għall-kariga l-ġdida tiegħu, filwaqt li esprima l-ħerqa li jittejbu r-relazzjonijiet li diġà hemm bejn iż-żewġ pajjiżi. Żied jgħid li Malta u l-Maċedonja ta’ Fuq għandhom relazzjoni tajba fil-forums kollha u esprima t-tama li din tkompli tittejjeb permezz tal-iskambji ta’ kuntatti f’kull livell. Il-President tenna l-appoġġ ta’ Malta għall-prospetti tal-Maċedonja ta’ Fuq li tissieħeb fl-UE u laqa’ l-Konferenza Intergovernattiva li saret fil-Maċedonja ta’ Fuq f’Lulju tal-2022. F’dan ir-rigward, Malta tħeġġeġ lill-Maċedonja ta’ Fuq tkompli tibni fuq ir-riformi li implimentat bl-għan li ssaħħaħ il-prospetti Ewropej tagħha.

Barra minn hekk, il-President Vella laqa’ l-ħidma tal-Maċedonja ta’ Fuq għaż-żamma tal-kooperazzjoni reġjonali, jiġifieri r-relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi l-oħra tat-tkabbir u l-involviment kontinwu tagħha fl-inizjattivi reġjonali, inkluża l-Presidenza tal-OSCE din is-sena. Żied jgħid li l-OSCE jista’ jkollha rwol aktar prominenti mas-sħab tagħha fil-Mediterran għall-Kooperazzjoni.

L-Ambaxxatur esprima l-apprezzament ġenwin tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-appoġġ u l-assistenza tanġibbli pprovduti minn Malta biex il-pajjiż joqrob aktar lejn l-adeżjoni mal-UE. Tul is-snin, ittieħdu diversi miżuri biex jiġi żgurat li l-proċess ta’ riforma jiġi ssodisfat minn kull lat. L-Ambaxxatur Memedi ta ħarsa dettaljata lejn il-bidliet li jmiss fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż bl-għan li tiġi żgurata l-integrazzjoni bla xkiel tal-komunitajiet etniċi differenti preżenti.

Iż-żewġ partijiet qablu dwar il-ħtieġa li l-komunità internazzjonali tiffoka aktar mill-qrib fuq l-iżviluppi fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Balkani tal-Punent fl-interess tal-istabbiltà globali.

Skip to content